Konferenza Ġenerali
Post fil-Lukanda
konferenza ġenerali April 2021


Post fil-Lukanda

F’dan iż-żmien tal-Għid, Ġesù Kristu jistedinna biex insiru, bħalu, Samaritan tajjeb, biex nagħmlu mil-Lukanda tiegħu (mill-Knisja tiegħu) refuġju għal kulħadd.

Għeżież ħuti, minkejja li ilu 20 sena li missieri ħalliena, jiġu mumenti meta verament nimmissjah. Grazzi għall-Għid għandi l-wegħda li se nerġa’ narah.

Meta kont student fl-Ingilterra, missieri kien ġie jżurni. Fil-qalb ta’ qalbu kien jaf li jien kont qed nimmissja d-dar.

Missieri kien avventuruż ħlief għal meta jiġi għall-ikel. Anke fi Franza, pajjiż magħruf sew għall-ikel, hu kien jgħid, “Ejjew nieklu ikel Ċiniż.” Bniedem li serva għal żmien twil bħala patrijarka fil-Knisja, missieri kien raġel spiritwali u kompassjonali. Lejla waħda, hekk kif huwa sema’ xi vetturi ta’ emerġenza jdoqqu s-sireni fit-toroq ta’ Pariġi, huwa qalli, “Gerrit, dak il-ħoss huwa l-pjagi ta’ belt bħal din.”

F’dak il-vjaġġ, jien ħassejt ferm aktar pjagi. Waħda żagħżugħa kienet qed tbiegħ il-ġelat minn ġo karru żgħir bir-roti. Id-daqs tal-cones tal-galettina li kellha kienu b’kemm toqgħod mgħarfa waħda ġelat. Għal xi raġuni, wieħed fih raġel daħal f’konfrontazzjoni ma’ din it-tfajla. Fost l-għajjat u l-imbuttar, huwa qaleb il-karru, u waqqgħalha l-cones tal-ġelat. Ma kien hemm xejn li jien stajt nagħmel hekk kif huwa beda jgħaffeġ fuq il-cones tal-ġelat biż-żarbun goff tiegħu. Għadni nista’ nara quddiem għajnejja lil din it-tfajla għarkopptejha fit-triq, tipprova ssalva kemm tista’ mill-biċċiet imfarkin tal-galettini, bid-dmugħ ta’ diqa nieżel ma’ ħaddejha. Id-dehra tagħha għadha tnikkitni sal-lum, fejn tfakkarni fin-nuqqas ta’ tjubija, kompassjoni, u ftehim li aħna spiss nuru bejnietna.

Darba waħda wara nofsinhar, jien u missieri morna nżuru l-katidral meraviljuż ta’ Chartres, qrib Pariġi. Malcolm Miller,1 espert dinji dwar il-katidral, ġibdilna l-attenzjoni dwar tliet settijiet ta’ twieqi ta’ li stained-glass tal-katidral ta’ Chartes. Hu qalilna li dawn kienu jirrakkontaw storja.

L-ewwel twieqi kienu juru lil Adam u Eva telqin mill-Ġnien tal-Għeden.

It-tieni kienu qed juruna l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb.

Fit-tielet stajna naraw it-Tieni Miġja tal-Mulej.

Jekk teħodhom flimkien, dawn it-twieqi ta’ li stained-glass jistgħu jiddeskrivu l-vjaġġ etern tagħna. Jistednuna biex nilqgħu lil kulħadd fil-post tal-lukanda tiegħu.2

Immaġni
Tieqa fil-Katidral ta’ Chartres

iStock.com/digitalimagination

Bħal Adam u Eva, aħna niġu f’dinja mimlija xewk u għollieq.3

Immaġni
Tieqa fil-Katidral ta’ Chartres

iStock.com/digitalimagination

Fit-toroq imtarrba tagħna lejn Ġeriko, aħna niġu msawta, midruba, u merħija weħidna nitkarrbu bl-uġigħ.4

Għalkemm għandna ngħinu lil xulxin, ħafna drabi, għal xi raġuni jew oħra, aħna naqsmu għan-naħa l-oħra tat-triq.

Madankollu, is-Samaritan it-Tajjeb, kollu kompassjoni, jieqaf u jdewwi l-ġrieħi tagħna bl-inbid u ż-żejt. Bħala simboli tas-sagrament u ta’ ordinanzi oħra, l-inbid u ż-żejt ifakkruna fil-fejqan spiritwali li nsibu f’Ġesù Kristu.5 Is-Samaritan it-Tajjeb ipoġġina fuq il-ħmara tiegħu jew, skont xi rakkont li hemm fuq li stained-glass, iġorrna fuq spallejh. Hu jwassalna fil-lukanda, li tirrappreżenta l-Knisja tiegħu. U fil-Lukanda, is-Samaritan it-Tajjeb jgħid, “Ħu ħsiebu; … inroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi.”6 Is-Samaritan it-Tajjeb, simbolu tas-Salvatur tagħna, iwiegħed li jerġa’ jiġi, din id-darba f’majestà u glorja.

Immaġni
Tieqa fil-Katidral ta’ Chartres

iStock.com/digitalimagination

F’dan iżmien tal-Għid, Ġesù Kristu jistedinna biex insiru, bħalu, Samaritan tajjeb, biex nagħmlu mil-Lukanda tiegħu (mil-Knisja tiegħu) refuġju għal kulħadd mit-tbenġil u l-maltemp tal-ħajja.7 Aħna nippreparaw għall-imwiegħda Tieni Miġja tiegħu hekk kif kuljum nagħmlu “ma’ dawk iż-żgħar” 8 dak li kieku nagħmlu miegħu. “Dawk iż-żgħar” huma kull wieħed u waħda minna.

Hekk kif immorru mas-Samaritan it-Tajjeb fil-Lukanda, aħna nitgħallmu ħames affarijiet dwar Ġesù Kristu u dwarna.

L-ewwel, aħna niġu fil-Lukanda kif aħna, bid-dgħjufijiet u l-imperfezzjoni li lkoll għandna. Madankollu, aħna lkoll għandna xi ħaġa x’nikkontribwixxu. Il-vjaġġ tagħna lejn Alla ħafna drabi nimxuh flimkien. Aħna parti minn komunità magħquda—kemm jekk qed inħabbtu wiċċna ma’ pandemija, maltemp, nirien jinfirxu, nixfa, jew meta fis-skiet inkunu għaddejjin bil-bżonnijiet tagħna ta’ kuljum. Aħna nirċievu l-ispirazzjoni hekk kif niddiskutu flimkien, nisimgħu x’għandu xi jgħid kulħadd, inkluż kull oħt, u x’għandu x’jgħidilna l-Ispirtu.

Hekk kif isseħħ bidla f’qalbna u nirċievu d-dehra tiegħu fuq ħaddejna,9 aħna naraw lilu u lilna nfusna fil-Knisja tiegħu. Fih, aħna nsibu ċ-ċarezza, mhux id-dissonanza. Fih, aħna nsibu kważa għalfejn nagħmlu t-tajjeb, raġuni biex inkunu tajbin, u nkabbru l-kapaċità tagħna li nsiru aħjar. Fih, aħna niskopru l-fidi dejjiema, l-altruwiżmu li jeħlisna, il-bidla ta’ mħabba, u l-fiduċja f’Alla. Fil-Lukanda tiegħu, aħna nsibu u nkabbru r-relazzjoni personali tagħna ma’ Alla Missierna u Ġesù Kristu.

Hu għandu fiduċja li aħna se ngħinu biex il-Lukanda tiegħu ssir il-post fejn Hu jeħtieġ li jkun. Hekk kif noffru t-talenti u l-aħjar tagħna, id-doni spiritwali tiegħu jqawwuna u jberkuna wkoll.10

Wieħed interpretu tal-lingwa Spanjola qalli, “Presbiteru Gong, kont naf permezz tal-Ispirtu inti x’kont se tgħid biex jien stajt nittraduċi,” qalli dan ħuna mill-aktar fidil, “permezz tad-don tal-ilsna.”

Id-doni tal-fidi u l-assigurazzjoni nistgħu niksbuhom, liema doni narawhom f’sitwazzjonijiet differenti. Waħda oħt għażiża rċeviet ċertu faraġ spiritwali hekk kif żewġha miet minħabba l-COVID-19. Hija qalet, “Jiena naf li jien u l-għażiż żewġi se nerġgħu nkunu flimkien.” F’sitwazzjoni tal-COVID differenti, oħt għażiża oħra qalet, “Ħassejt li kelli nitlob lill-Mulej u lit-tobba biex itawlu ftit ieħor il-ħajja ta’ żewġi.”

It-tieni, Hu jitlobna biex nagħmlu mil-Lukanda tiegħu post ta’ grazzja u spazjuż, fejn kulħadd jista’ jinġabar, għax hemm spazju għal kulħadd. Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna lkoll indaqs, fejn ħadd mhu tat-tieni klassi.

Għandna nilqgħu lil kulħadd biex jattendi l-laqgħat tas-sagrament, xi laqgħat oħra tal-Ħadd, u xi avvenimenti soċjali.11 Aħna nqimu b’reverenza lis-Salvatur tagħna, u naħsbu f’xulxin b’imħabba. Aħna naraw u nifhmu lil kull persuna. Aħna nitbissmu, inpoġġu bilqiegħda ma’ dawk li jkun weħidhom, nitgħallmu x’jisimhom, inkluż il-membri l-ġodda, l-aħwa li reġgħu lura, it-tfajliet u l-ġuvintur, u t-tfal kollha tal-Primarja.

Filwaqt li għandna nimmaġinaw lilna nfusna flokhom, aħna nilqgħu lill-ħbieb, lill-viżitaturi, lil min għadu kif ġie joqgħod fostna, lil dawk li l-iskeda tagħhom mimlija daqs bajda. Aħna nibku, nifirħu, u nkunu hemm għal xulxin. Meta ma nagħmlux dak li hu mistenni minna u nibqgħu għaddejjin bla ma nintebħu, jew inkella niġġudikaw jew nippreġudikaw lil ħaddieħor, aħna għandna nfittxu l-maħfra ta’ xulxin u nippruvaw nagħmlu aħjar.

Membri ta’ familja mill-Afrika li issa qed joqogħdu fl-Istati Uniti qaluli, “Mill-bidu nett, il-membri tal-Knisja laqgħuna u wrewna l-id tal-ħbiberija. Kulħadd laqagħna verament. Ħadd ma ħares lejna b’disprezz.” Il-missier qal, “Il-Bibbja Mqaddsa tgħallem li l-frott tal-evanġelju hu ġej mill-għeruq tal-evanġelju.” “U l-missjunarji,” qalu l-missier u l-omm, “aħna rridu li meta t-tifel u t-tifla tagħna jikbru huma jsiru bħal dawk il-missjunarji.” Ħuti, jalla lkoll nilqgħu b’imħabba lil kulħadd fil-Lukanda tiegħu.

It-tielet, fil-Lukanda tiegħu, aħna nitgħallmu li l-perfezzjoni tinsab f’Ġesù Kristu, mhux fil-perfezzjoniżmu tad-dinja. B’mod li mhuwiex reali u realistiku, il-perfezzjoniżmu ffiltrat tad-dinja li juri li kollox hu perfett iwassalna biex inħossuna inadegwati, fejn nispiċċaw nippruvaw ningħoġbu kemm nistgħu fuq il-midja soċjali. B’kuntrast għal dan, is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, jaf dwarna dak kollu li ma rridu lil ħadd li jkun jaf, u xorta waħda jħobbna. L-evanġelju tiegħu hu evanġelju tat-tieni u t-tielet ċans, li sar possibbli permezz tas-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni Tiegħu.12 Hu jistieden lilna lkoll biex inkunu Samaritan tajjeb, niġġudikaw anqas u naħfru aktar lilna nfusna u lil ħaddieħor, hekk kif nagħmlu li nistgħu biex inħarsu l-kmandamenti tiegħu.

Aħna ngħinu lilna nfusna hekk kif ngħinu lil ħaddieħor. Jien kont naf familja li kienet toqgħod ħdejn triq traffikuża. Min kien jgħaddi minn ħdejhom spiss kien jieqaf għall-għajnuna. Darba waħda bil-lejl il-membri tal-familja semgħu ħoss qawwi fuq il-bieb tagħhom. Għajjenin u nkwetati min seta’ kien fis-sagħtejn ta’ filgħodu, huma staqsew lilhom infushom jekk din id-darba, kienx hemm xi ħadd ieħor li kellu bżonn l-għajnuna. Hekk kif il-persuna kompliet tħabbat fuq il-bieb, huma semgħuha tgħid, “Nar—hemm in-nar jaqbad fuq in-naħa ta’ wara tad-dar tagħkom!” Is-Samaritani t-tajbin jgħinu lil xulxin.

Ir-raba’, fil-Lukanda tiegħu, aħna nsiru parti minn komunità tal-evanġelju ċċentrata fuq Ġesù Kristu, ankrata mal-verità rrestawrata, mal-profeti u appostli ħajjin, u mat-testment ieħor ta’ Ġesù Kristu—il-Ktieb ta’ Mormon. Hu jġibna fil-Lukanda tiegħu kif ukoll fid-dar tiegħu—it-tempju mqaddes. Id-dar tal-Mulej huwa post fejn, bħar-raġel midrub fit-triq lejn Ġeriko, is-Samaritan it-Tajjeb jista’ jnaddafna u jlibbisna, jippreparana biex nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla, u jgħaqqadna eternament fil-familja ta’ Alla. It-tempji tiegħu huma miftuħin għal dawk kollha li jgħixu l-evanġelju tiegħu b’fidi u ubbidjenza.

Il-ferħ tat-tempju jinkludi l-unità tal-evanġelju minkejja l-wirt, il-kultura, il-lingwa, u l-ġenerazzjonijiet diversi tagħna. Waqt il-bidu tal-proġett tat-Tempju ta’ Taylorsville, Utah, Max Harker, ta’ 17-il sena tkellem dwar il-wirt ta’ fidi tal-familja tiegħu li beda sitt ġenerazzjonijiet qabel permezz tal-buż-buż-bużnannu tiegħu Joseph Harker u martu, Susannah Sneath. Fl-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, aħna lkoll nistgħu nsiru katina b’saħħitha fil-ġenerazzjonijiet tal-familja tagħna.

Finalment, il-ħames, aħna nifirħu li Alla jħobb lil uliedu li ġejjin minn kull sfond u ċirkustanza differenti, minn kull ġens, razza, u lsien differenti fil-Lukanda tiegħu fejn hemm post għal kulħadd.

Tul dawn l-aħħar 40 sena, il-membri tal-Knisja saru mill-aktar internazzjonali. Mill-1998 ’l hawn, aktar kien hawn membri tal-Knisja li jgħixu barra mill-Istati Uniti u l-Kanada. Sal-2025, nantiċipaw li fl-Amerika Latina se jkun hemm membri tal-Knisja daqs kemm hawn fl-Istati Uniti u l-Kanada. Il-ġabra tad-dixxendenti fidili ta’ Missierna Leħi qed iġġib fis-seħħ il-profezija. Qaddisin fidili, inkluż dawk li ġejjin minfejn issettiljaw il-Pijunieri, jibqgħu jkunu ġibjun ta’ devozzjoni u servizz għall-Knisja madwar id-dinja.

Il-maġġoranza tal-membri adulti tal-Knisja issa huma nies mhux miżżewġin, romol, jew ddivorzjati. Din hi bidla sinifikanti. Dawn jinkludu aktar minn nofs l-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna tagħna u aktar minn nofs l-aħwa adulti tagħna tas-saċerdozju. Din ix-xejra demografika ilha tidher fil-Knisja dinjija mill-1992 u fil-Knisja fl-Istati Uniti u l-Kanada mill-2019.

Id-denjità tagħna quddiem il-Mulej u l-Knisja tiegħu mhijiex affari ta’ jekk aħniex miżżewġin jew le, iżda kemm aħna dixxipli fidili u qalbenin ta’ Ġesù Kristu.13 L-adulti jridu jidhru li huma adulti u li għandhom ikunu responsabbli u jikkontribwixxu bħala adulti. Id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu ġejjin minn kullimkien, huma ta’ kull għamla, daqs, lewn, u età, ilkoll bit-talenti, bix-xewqat tajba, u b’kapaċitajiet immensi biex ibierku u jservu. Aħna nippruvaw kuljum nimxu wara Ġesù Kristu b’fidi li twassal għall-Indiema14 u ferħ dejjiem.

Tul din il-ħajja, xi kultant aħna noqogħdu nittamaw fil-Mulej. Aħna nafu ma ninsabux fejn nixtiequ li nkunu fil-futur. Wieħed oħta devota tgħid, “Li nibqgħu nittamaw b’fedeltà fil-Mulej għall-barkiet tiegħu hi pożizzjoni qaddisa. M’għandniex nagħmlu dan b’superjorità, b’sens ta’ ħasra, jew ġudizzju iżda minflok b’unur sagru.”15 Sadanittant, aħna qed ngħixu bħalissa, u mhux qed nistennew li l-ħajja tibda.

Isaija jwiegħed, “Imma dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom, itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu.”16

Is-Samaritan it-Tajjeb tagħna jwiegħed li jerġa’ lura. Il-mirakli jseħħu meta aħna nieħdu ħsieb xulxin kif jagħmel Hu. Meta mmorru quddiemu b’qalb niedma u spirtu sogħbien,17 aħna nistgħu nsibu lil Ġesù Kristu bħala l-vuċi tagħna, li jifhimna u jgħannaqna permezz tad-dirgħajn siguri tiegħu.18 L-ordinanzi sagri joffrulna l-appartenenza tal-patt u “l-qawwa tad-divinità”19 biex iqaddsu l-intenzjoni u l-għemil tagħna. Permezz tat-tjubija kollha mħabba tiegħu u tas-sabar tiegħu, il-Knisja tiegħu ssir il-Lukanda tagħna.

Hekk kif noħolqu wisa’ fil-Lukanda tiegħu u nilqgħu lil kulħadd fostna, is-Samaritan it-Tajjeb jkun jista’ jfejjaqna fit-toroq imtarrba tal-ħajja mortali tagħna. B’imħabba perfetta, Missierna u Ibnu, Ġesù Kristu jwiegħdu “sliem f’din id-dinja u ħajja eterna fid-dinja li jmiss”20—“biex fejn hemm jien tkunu intom ukoll.”21 Bi gratitudni jiena nixhed dan fl-isem sagru u mqaddes ta’ Ġesù Kristu, amen.