Konferenza Ġenerali
Id-Dawl Jattira d-Dawl
konferenza ġenerali April 2021


Id-Dawl Jattira d-Dawl

Hekk kif aħna nkabbru l-fidi tagħna fi Kristu, aħna nirċievu d-dawl b’qawwa akbar sakemm jasal biex ikeċċi d-dlam kollu.

Għeżież ħuti, jiena nifraħ magħkom f’dan il-Ħadd imbierek tal-Għid hekk kif nikkontemplaw id-dawl glorjuż li deher fid-dinja minħabba l-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

Waqt il-ministeru mortali tiegħu, Ġesù ddikjara, “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.”1 L-Ispirtu ta’ Kristu “jinsab f’kull ħaġa, u jagħti l-ħajja lil kull ħaġa.”2 Jegħleb id-dlam li altrimenti jiddawwar magħna.

Snin ilu, f’esperjenza ta’ avventura, jien u ż-żewġ uliedi morna flimkien ma’ grupp ta’ Ġuvintur fl-Għar ta’ Moaning, hekk imsejjaħ għal ħoss ta’ eku li xi darba kien jinstama’ ħiereġ mill-bokka tiegħu. Dan hu għar mill-aktar dejjaq li fin-naħa ta’ ġewwa jinfetaħ f’kamra wieqfa li hi fonda 180 pied, l-akbar kamra ta’ għar, li mhux parti minn kumpless, li hemm f’California.

Immaġni
L-Għar Moaning

Hemm biss żewġ modi kif tista’ tinżel isfel: jew mingħajr periklu permezz tat-taraġ ċirkolari, jew inkella billi tiddendel ’l isfel bil-ħabel sal-qiegħ tal-għar; jien u wliedi għażilna li ninżlu bil-ħabel. L-ewwel li niżel kien it-tifel tiegħi l-kbir, u jien u t-tifel iż-żgħir inżilna apposta l-aħħar biex ninżlu flimkien.

Wara li l-gwidi tagħna qalulna x’għandna nagħmlu u rabtuna bl-ilbies ta’ sigurtà u qabbduna ma’ ħabel oħxon, aħna mxejna ftit ftit b’lura sakemm gejna f’xifer dejjaq u rabbejna ftit kunfidenza, peress li dan kien l-aħħar ċans biex nerġgħu naħsbuha, u l-aħħar post fejn stajna naraw daqsxejn dawl tax-xemx mill-bokka tal-għar.

Il-pass li ħadna wara xeħitna ’l isfel f’għar enormi li tant kien fond u wiesa’ li fih setgħet toqgħod faċilment l-Istatwa tal-Libertà. Kif aħna bdejna nduru bilmod fl-arja waqt li konna mdendlin, għajnejna bdew jidraw id-dalma relattiva li kien hemm. Hekk kif komplejna bl-inżul tagħna, stajna naraw id-dija tad-dwal elettriku ddawwal ħajt meraviljuż ta’ stalagmiti u stalaktiti jleqqu .

Mingħajr twissija ta’ xejn, id-dwal intfew f’daqqa waħda. Imdendlin ’il fuq mill-abbiss, aħna konna ninsabu f’dalma tant profonda li lanqas biss stajna naraw idejna fuq il-ħbula li kellna quddiemna. F’daqqa waħda smajt leħen jgħidli, “Pa, Pa, għadek hemm?”

“Hawn qiegħed, Ibni; hawnhekk,” weġibtu jien.

Il-ħin bla mistenni mingħajr dawl kien intenzjonat biex jurina li mingħajr l-elettriku, id-dalma tal-għar kien impenetrabbli. L-iskop irnexxa; aħna verament “ħassejna” d-dalma. Meta d-dawl reġa’ ġie lura, id-dalma f’daqqa waħda ċediet, għax id-dlam dejjem iċedi anke jekk id-dawl ikun veru baxx. Jien u wliedi qatt ma nistgħu ninsew dik id-dalma li qatt ma konna esperjenzajna bħalha qabel, jew l-apprezzament akbar li ħassejna għad-dawl, u l-assigurazzjoni li aħna qatt m’aħna għal kollox weħidna fid-dlam.

L-inżul tagħna f’dak l-għar sa ċertu punt jixbah il-vjaġġ tagħna fil-mortalità. Aħna ħallejna warajna d-dawl glorjuż tas-smewwiet u nżilna permezz ta’ velu li għattielna l-memorja tagħna f’dinja mudlama. Missierna fis-Smewwiet ma ħalleniex weħidna fid-dlam iżda wegħedna d-dawl waqt il-vjaġġ tagħna permezz ta’ Ibnu l-Maħbub, Ġesù Kristu.

Aħna nafu li d-dawl tax-xemx hu importanti ħafna għal kull tip ta’ ħajja fid-dinja. Daqstant importanti għall-ħajja spiritwali tagħna huwa d-dawl li nirċievu mis-Salvatur tagħna. Permezz tal-iimħabba perfetta tiegħu, Alla jagħti d-Dawl ta’ Kristu lil kull persuna “li tiġi fid-dinja”3 biex hi tkun tista’ “tagħraf it-tajjeb mill-ħażin”4 u tħoss fiha li għandha “tagħmel it-tajjeb kontinwament.”5 Dak id-dawl, li jiżvela lilu nnifsu permezz ta’ dik li ħafna drabi nsejħulha l-kuxjenza tagħna, iħajjarna biex dejjem naġixxu u nkunu aħjar, biex inkunu l-aħjar li nistgħu nkunu.

Hekk kif nintensifikaw il-fidi tagħna fi Kristu, aħna nirċievu d-dawl b’qawwa intensifikata sakemm dan jasal biex ikeċċi d-dlam kollu li jista’ jinġabar madwarna. “Dak li ġej minn Alla huwa dawl; u dak li jirċievi d-dawl, u jibqa’ viċin Alla, jirċievi aktar dawl; u dak id-dawl jikber u jikber fid-dija tiegħu sa dak il-jum perfett.”6

Id-Dawl ta’ Kristu jħejjina biex nirċievu l-influwenza tal-ministeru tal-Ispirtu s-Santu, jiġifieri “il-qawwa konvinċenti ta’ Alla … tal-verità tal-Evanġelju.”7 It-tielet membru tad-Divinità, l-Ispirtu s-Santu, “huwa personaġġ ta’ Spirtu.”8 L-akbar sors ta’ dawl li Missierna fis-Smewwiet jagħtikom fil-mortalità tiksbuh permezz tal-Ispirtu s-Santu, li l-influwenza tiegħu “għadha ddawwal moħħkom u timla’ ruħkom bil-ferħ.”9

Fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, permezz tal-awtorità tas-saċerdozju rrestawrat, intom titgħammdu b’immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet. Imbagħad jitpoġġew l-idejn fuq raskom u jiġi mogħti lilkom, “id-don [meraviljuż] li ma jitfissrix bil-kliem”10 tal-Ispirtu s-Santu.

Minn dakinhar ’il quddiem, meta x-xewqat u l-għemejjel tagħkom ikunu ċċentrati fuq it-triq tal-patt, l-Ispirtu s-Santu, bħala d-dawl li jinsab fikom, jiżvelalkom u jixhed magħkom il-verità,11 iwissikom dwar il-periklu, ifarraġkom12 u jnaddafkom,13 u jwasslilkom il-paċi14 f’ruħkom.

Peress li “id-dawl jattira d-dawl,”15 is-sħubija kostanti tal-Ispirtu s-Santu twassalkom biex tagħmlu ċerti għażliet li għandhom it-tendenza li jżommukom fid-dawl; kuntrarju għal dan, għażliet li tagħmlu mingħajr l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu għandhom it-tendenza li jwasslukom fid-dellijiet u fid-dlam. Il-Presbiteru Robert D. Hales għallem: “Meta d-dawl ikun preżenti, id-dlam jingħeleb u jkollu jitlaq. … Meta d-dawl spiritwali tal-Ispirtu s-Santu jkun preżenti, id-dlam ta’ Satana jwarrab.”16

Ippermettuli nissuġġerixxi li, forsi, dan hu ż-żmien li fih għandkom tistaqsu lilkom infuskom: Jien għandi dak id-dawl f’ħajti? Jekk le, meta kien l-aħħar darba li kelli?

L-istess kif dawl ix-xemx idawwal kuljum id-dinja biex iġedded u jsostni l-ħajja, intom tistgħu tqawwu kuljum id-dawl ta’ ġo fikom meta tagħżlu li timxu warajh—Ġesù Kristu.

Intom tkunu qed iżżidu raġġ ix-xemx kull darba li tfittxu lil Alla fit-talb; tistudjaw l-iskrittura biex “tisimgħuh”;17 taġixxu skont il-gwida u r-rivelazzjoni li tirċievu mingħand il-profeti ħajjin tagħna; u tobdu u tħarsu l-kmandamenti ħalli “timxu fl-ordinanzi kollha tal-Mulej.”18

Intom tistiednu d-dawl tax-xemx spiritwali f’ruħkom u l-paċi f’ħajjitkom kull darba li tindmu. Hekk kif kull ġimgħa tieħdu sehem fis-sagrament biex tieħdu fuqkom isem is-Salvatur, biex dejjem tiftakru fih u tħarsu l-kmandamenti tiegħu, id-dawl tiegħu jibda jiddi fikom.

Ikun hemm dawl ix-xemx f’ruħkom kull darba li taqsmu l-evanġelju u t-testimonjanza tagħkom ma’ ħaddieħor. Kull darba li taqdu lil xulxin kif għamel is-Salvatur, intom tħossu qalbkom timtela bl-imħabba. Id-dawl ta’ Missierna fis-Smewwiet dejjem jgħammar fit-tempju qaddis tiegħu u fuq dawk kollha li jippreżentaw lilhom infushom fid-dar tal-Mulej. Id-dawl tiegħu fikom jikber permezz tal-għemejjel tajbin tagħkom, permezz tat-tjubija, tal-paċenzja, tal-maħfra, u tal-karità, u jkun jidher evidenti fil-wiċċ ferħan tagħkom. Mill-banda l-oħra, aħna nkunu qed nimxu fid-dell meta nitilfuha malajr jew indumu ma naħfru. “Hekk kif tibqgħu tħarsu lejn dawl ix-xemx, id-dellijiet ma jkollhomx għażla ħlief li jaqgħu warajkom.”19

Hekk kif tgħixu denji tas-sħubija tal-Ispirtu s-Santu, intom verament “tkabbru l-kapaċità spiritwali tagħkom biex tirċievu r-rivelazzjoni.”20

Il-ħajja tippreżentalna diversi sfidi u intoppi, u aħna lkoll jeħtieġ niffaċċjaw ċerti ġranet mudlama u maltempati. Minkejja dan kollu, jekk aħna “inħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitna,”21 id-dawl tal-Ispirtu s-Santu jiżvelalna li fl-isfidi tagħna hemm għan u sinifikat, u li dawn ultimament sejrin jittrasformawna f’individwi aħjar u aktar kompluti b’fidi aktar soda u b’tama aktar qawwija fi Kristu, bl-għarfien li Alla kien jinsab magħna l-ħin kollu fil-jiem mudlama tagħna. Bħall-parir li tana l-President Russell M.Nelson, “Id-dalma dejjem tikber li takkumpanja dan l-għawġ twassal biex id-dawl ta’ Ġesù Kristu jiddi b’aktar qawwa.”22

L-istaġuni ta’ ħajjitna jistgħu jeħduna f’postijiet li kontra qalbna ma nistennewx li mmorru fihom. Jekk kien id-dnub li ħadkom hemm, ressqu l-purtiera tad-dalma u ibdew minn issa biex b’umiltà tmorru quddiem Missierkom fis-Smewwiet b’qalb niedma u bi spirtu sogħbien u indmu. Huwa jisma’ t-talb ferventi tagħkom. Illum b’kuraġġ, “ersqu lejh u Hu jersaq lejkom.”23 Intom qatt ma tkunu daqstant ’il bogħod mill-qawwa tal-fejqan tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

Jiena l-frott ta’ ġenituri twajbin u antenati fidili li wieġbu għad-dawl ta’ Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu, li bierek ħajjithom u l-ħajja tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom b’reżiljenza spiritwali. Missieri spiss kien jitkellem dwar missieru, Milo T Dyches, u kien jgħid kif il-fidi tiegħu f’Alla kienet dawl għalih billejl u binhar. In-nannu kien gwardjan tal-foresti u spiss kien ikun għaddej fuq iż-żiemel waħdu qalb il-muntanji, fejn kien jafda ħajtu kompletament f’idejn Alla biex imexxih u jieħu ħsiebu.

Darba waħda fl-aħħar tal-ħarifa, in-Nannu kien jinsab waħdu qalb il-muntanji għoljin. Ix-xitwa kienet diġà bdiet tinħass meta huwa rama wieħed miż-żwiemel favoriti tiegħu, Prince, u saq lejn il-fabbrika tal-injam biex ikejjel iz-zkuk qabel setgħu jitqattgħu f’injam.

Ma’ nżul ix-xemx, hu lesta li kellu jagħmel u reġa’ rikeb iż-żiemel. Sa dak il-ħin, it-temperatura kienet kesħet immens, u maltempata qawwija bis-silġ kif iħobb jagħmel fix-xitwa bdiet tinġabar fuq il-muntanja. Mingħajr ebda dawl jew mappa biex jiggwidawh, hu dawwar lil Prince f’direzzjoni li ħaseb li kienet se twasslu lura sal-istazzjoni tal-gwardjani.

Immaġni
Milo Dyches jivvjaġġa waqt maltempata

Wara li għadda mili sħaħ jivvjaġġa fid-dlam, Prince beda jgħejja, imbagħad waqaf. In-Nannu ripetutament beda jitlob lil Prince biex ikompli miexi, iżda ż-żiemel ma riedx. Meta s-silġ tant kien nieżel b’qawwa li n-Nannu ma seta’ jara xejn iżjed ħliefu, huwa fehem li kellu bżonn l-għajnuna ta’ Alla. Kif kien għamel tul ħajtu kollha, b’umiltà “talab bil-fidi, bla ma tħasseb xejn.”24 Leħen ħelu u sieket wieġbu, “Milo, erħi r-riedni f’idejn Prince.” In-Nannu obda, u hekk kif reħa r-riedni, Prince dar dawra u rħiela għal direzzjoni oħra. Sigħat wara, Prince reġa’ waqaf u baxxa rasu. Qalb is-silġ qalil, in-Nannu nduna li kienu waslu bla periklu quddiem il-bieb tal-istazzjon tal-gwardjani.

Fix-xemx ta’ filgħodu, in-Nannu mar jittraċċa l-passi bilkemm jidhru ta’ Prince fis-silġ. Hu ħa nifs fil-fond meta sab il-post li kienu fih meta ħalla r-riedni f’idejn Prince: kienu fit-tarf nett ta’ rdum mill-aktar għoli fil-muntanja, fejn kieku għamlu mqar pass ieħor ’il quddiem kienu jaqgħu t-tnejn għall-isfel u jmutu qalb il-blat.

Minħabba dik l-esperjenza u ħafna oħrajn li għadda minnhom, in-Nannu tana dan il-parir, “L-aqwa u l-akbar sieħeb li qatt jista’ jkollok huwa Missierna fis-Smewwiet.” Meta missieri kien jirrakkonta l-istorja tan-Nannu, niftakar li kien jikkwota mill-iskrittura:

“Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha; u tafdax fl-għaqal tiegħek.

“Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u huwa jwittilek triqatek.”25

Immaġni
Is-Salvatur iżomm lampa.

Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa d-Dawl ta’ dejjem li “jiddi fid-dlam.”26 L-ebda dalma ma tista’ ddgħajjef, titfi, jew tegħleb dak id-dawl. Missierna fis-Smewwiet joffrilkom dak id-dawl b’xejn. Intom qatt ma tkunu weħidkom. Huwa jisma’ u jwieġeb kull talba. Hu “sejjħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb.”27 Meta tistaqsu, “Missier, Missier, Inti tinsab hemm?” Huwa dejjem se jweġibkom, “Jiena hawn, ibni; ninsab hawnhekk.”

Jien nagħti x-xhieda tiegħi li Ġesù Kristu ġab fis-seħħ il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna;28 Huwa d-dawl tagħna, il-ħajja tagħna, u t-triq tagħna. Id-dawl tiegħu qatt ma jintefa,29 il-glorja tiegħu ma tintemm qatt, l-imħabba tiegħu għalikom hija eterna—ilbieraħ, illum, u għal dejjem. F’isem Ġesù Kristu, amen.