Konferenza Ġenerali
L-Imsejkna
konferenza ġenerali April 2021


L-Imsejkna

F’kull qasam u fergħa għandna bżonn lil kulħadd—dawk li jistgħu jkunu b’saħħithom u dawk li qed jitħabtu. Kulħadd bżonnjuż.

Niftakarni meta kont għadni tifel nirkeb fil-karozza ma’ missieri u nara ċerti individwi mal-ġenb tat-triq li kienu sabu ruħhom f’ċirkostanzi diffiċli jew li kellhom bżonn l-għajnuna. Missieri kien dejjem jagħmel il-kumment “Pobrecito,” li jfisser “imsejken.”

Kultant, osservajt b’interess lil missieri jgħin lil ħafna minn dawn in-nies, speċjalment meta konna nivvjaġġaw lejn il-Messiku biex naraw lin-nanniet tiegħi. Tipikament huwa kien isib lil xi ħadd fil-bżonn u mbagħad imur privatament u jipprovdi l-għajnuna li kellhom bżonn. Aktar tard skoprejt li kien qed jgħinhom jirreġistraw għall-iskola, jixtru xi ikel, jew jipprovdi b’xi mod jew ieħor għall-benesseri tagħhom. Huwa kien qed jimministra lil wieħed “imsejken” li sab fi triqtu. Fil-fatt, fis-snin meta kont qed nikber ma nistax niftakar żmien meta ma kellniex xi ħadd jgħix magħna li kellu bżonn post fejn joqgħod sa ma jsir awtodipendenti. Jien u nara dawn l-esperjenzi nħoloq fija spirtu ta’ kompassjoni lejn għajri u lejn dawk fil-bżonn.

Fil-manwal Preach My Gospel hemm miktub: “Int imdawwar bin-nies. Int tgħaddi minn ħdejhom fit-triq, iżżurhom fi djarhom, u tivvjaġġa fosthom. Kollha huma wlied Alla, ħutek. … Ħafna minn dawn in-nies qed ifittxu skop fil-ħajja. Huma mħassba dwar il-futur tagħhom u tal-familji tagħhom” (Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service [2018], 1).

Matul is-snin ta’ servizz tiegħi fil-Knisja, ippruvajt infittex lil dawk li kellhom bżonn l-għajnuna f’ħajjithom, kemm fi ħwejjeġ temporali kif ukoll spiritwali. Ħafna drabi kont nisma’ leħen missieri jgħid, “Pobrecito,” imsejken.

Fil-Bibbja nsibu eżempju mill-isbaħ ta’ meta lil wieħed imsejken ħadu ħsiebu:

“Pietru u Ġwanni kienu telgħin lejn it-tempju għat-talb tat-tlieta ta’ wara nofsinhar.

“U xi wħud kienu qegħdin iġorru raġel magħtub minn twelidu, li kienu jqegħduh kuljum ħdejn il-bieb tat-tempju, li jgħidulu s-Sabiħ, biex jitlob il-karità lil dawk li jkunu deħlin fit-tempju.

“X’ħin ra lil Pietru u ’l Ġwanni deħlin fit-tempju talabhom il-karità.

“Pietru, flimkien ma’ Ġwanni, tefa’ għajnejh fuqu u qallu: Ħares lejna.

“Dak baqa’ jħares lejhom, jistenna li se jaqla’ xi ħaġa minn għandhom.

“Imma Pietru qallu: Fidda u deheb ma għandix; imma dak li għandi se nagħtihulek: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!

“U qabdu minn idu l-leminija u qajmu. Minnufih riġlejh u l-għekiesi tiegħu ħadu saħħithom” (Atti 3:1–7; enfasi miżjuda).

Kif qrajt dan ir-rakkont, jien ġietni kurżità dwar l-użu tal-frażi tefa’ għajnejh. Il-kelma bl-Ingliż fastening tfisser tidderiġi għajnejk, jew ħsibijietek, jew tħares bir-reqqa lejn xi ħaġa (ara “fasten,” Dictionary.com). Hekk kif Pietru ħares lejn dan ir-raġel, rah b’mod differenti minn kif kienu jħarsu lejh l-oħrajn. Huwa ħares lil hinn minn nuqqas ta’ kapaċità tiegħu biex jimxi u mid-dgħjufijiet tiegħu, u seta’ jagħraf li l-fidi tiegħu kienet adegwata biex jitfejjaq u jidħol fit-tempju ħalli jirċievi l-barkiet li kien qed ifittex.

Innutajt li qabdu mill-id il-leminija u refgħu. Hekk kif għen lir-raġel b’dan il-mod, il-Mulej fejqu b’mod mirakoluż, u “riġlejh u l-għekiesi tiegħu ħadu saħħithom” (Atti 3:7. L-imħabba tiegħu lejn dan ir-raġel u x-xewqa li jgħinu kabbru ferm il-kapaċità u l-abbiltà fir-raġel li kien dgħajjef.

Waqt li kont qed inservi bħala Sebgħin Reġjonali, kont niddedika kull nhar ta’ Tlieta filgħaxija għaż-żjarat ta’ ministeru mal-presidenti tal-wited bħala parti mir-responsabbiltà tiegħi. Stedinthom jagħmlu appuntamenti ma’ dawk li kellhom bżonn xi ordinanza tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jew ma’ dawk li f’dak il-żmien ma kinux qed iżommu l-patti li kienu għamlu. Permezz tal-ministeru konsistenti u intenzjonat tagħna, il-Mulej kabbar l-isforzi tagħna u stajna nsibu individwi u familji li kienu fil-bżonn. Dawn kienu “l-imsieken” li għexu fl-utied differenti fejn servejna.

F’okkażjoni waħda, jien akkumpanjajt lill-President Bill Whitworth, il-president tal-Wited ta’ Sandy Canyon View, f’Utah fiż-żjarat ta’ ministeru. Huwa talab dwar min għandna nżuru, biex jipprova jkollu l-istess esperjenza bħal Nefi, li “kien immexxi mill-Ispirtu, mingħajr ma kien jaf minn qabel l-affarijiet li [hu] għandu jagħmel” (1 Nephi 4:6). Huwa wera li hekk kif nimministraw, aħna għandna nħallu r-rivelazzjoni tmexxina lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn, u minflok ma noqogħdu nfittxu f’fxi lista jew inżuru individwi b’mod metodiku. Għandna nkunu mmexxija mill-qawwa tal-ispirazzjoni.

Jien niftakar nidħol fid-dar ta’ koppja żagħżugħa, Jeff u Heather, u t-tifel iż-żgħir tagħhom, Kai. Jeff trabba bħala membru attiv tal-Knisja. Huwa kien atleta b’talent kbir u kellu karriera promettenti. F’żgħożitu huwa beda jitbiegħed mill-Knisja. Aktar tard, huwa kien involut f’inċident bil-karozza, li biddel id-direzzjoni ta’ ħajtu. Hekk kif dħalna fid-dar tagħhom u sirna nafuhom, Jeff staqsiena għaliex konna morna naraw lill-familja tiegħu. Aħna rrispondejna li kien hemm madwar 3,000 membru li kienu jgħixu fil-konfini tal-wited. Imbagħad staqsejtu, “Jeff, mid-djar kollha li stajna żorna llejla, għidilna għaliex il-Mulej bagħatna hawn.”

Meta sema’ dan, Jeff emozzjona ruħu u beda jaqsam magħna ftit mill-affaijiet li kienu qed jinkwetawh u xi problemi li kienu għaddejjin minnhom bħala familja. Aħna bdejna naqsmu magħhom diversi prinċipji tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Stedinniehom biex jagħmlu ftit affarijiet speċifiċi li għall-ewwel jistgħu jidhru li huma diffiċli iżda li maż-żmien iġibulna ferħ kbir. Imbagħad il-President Whitworth ta lil Jeff barka saċerdotali biex tgħinu jegħleb l-isfidi tiegħu. Jeff u Heather qablu li jagħmlu dak li stedinniehom jagħmlu.

Madwar sena wara, kien il-privileġġ tiegħi li nara lil Jeff jgħammed lil martu, Heather, bħala membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Issa qed iħejju ruħhom ħalli jidħlu fit-tempju biex jiġu ssiġillati bħala familja għaż-żmien u l-eternità kollha. Iż-żjara tagħna biddlet id-drezzjoni ta’ ħajjithom kemm b’mod temporali kif ukoll spiritwali.

Il-Mulej iddikjara:

“Għalhekk, kunu fidili; ieqfu fl-uffiċċju li jiena ħtartkom fih; għinu lil min hu dgħajjef, qawwu l-idejn mitruħa u saħħu l-irkupptejn imriegħda.” (Doctrine and Covenants 81:5).

“U meta tagħmlu dawn l-affarijiet, intom tkunu qed tagħmlu l-akbar ġid lil għajrkom, u tippromwovu l-glorja ta’ dak li hu l-Mulej tagħkom” (Doctrine and Covenants 81:4).

Ħuti, l-Appostlu Pawlu għallem element ewlieni fil-ministeru tagħna. Huwa għallem li aħna lkoll “il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu” (1 Korintin 12:27) u li kull membru tal-ġisem huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-ġisem kollu jkun edifikat. Imbagħad għallem verità mill-aktar importanti li daħlet fil-fond ta’ qalbi meta qrajtha. Hu qal, “Mhux hekk biss, imma l-membri tal-ġisem li jidhru l-aktar dgħajfa, huma l-aktar meħtieġa; u dawk li nqisu bl-inqas ġieħ fil-ġisem, lil dawn l-aktar li nieħdu ħsiebhom” (1 Korintin 12:22-23; enfasi miżjuda).

Għalhekk, f’kull qasam u fergħa għandna bżonn lil kulħadd—dawk li jistgħu jkunu b’saħħithom u dawk li qed jitħabtu. Kollha huma meħtieġa għall-edifikazzjoni mill-aktar importanti tal-“ġisem [sħiħ] ta’ Kristu” . Ħafna drabi nistaqsi lili nnifsi lil min għandna nieqes fid-diversi kongregazzjonijiet tagħna li jista’ jsaħħaħna u jagħmilna sħaħ.

Il-Presbiteru D. Todd Christofferson għallem: “Fil-Knisja aħna mhux biss nitgħallmu duttrina divina; aħna nesperjenzaw ukoll kif għandna napplikawha. Bħala l-ġisem ta’ Kristu, il-membri tal-Knisja jamministraw lil xulxin fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum. Aħna lkoll nies imperfetti. … Fil-ġisem ta’ Kristu, jeħtieġ li mmorru lil hinn mill-kunċetti u mill-kliem divin u hemm bżonn nesperjenzaw ir-realtà waqt li nitgħallmu ‘ngħixu flimkien f’imħabba’ [Doctrine and Covenants 42:45]” (“Why the Church,” Liahona, Nov. 2015, 108–9).

Immaġni
Il-ħolma ta’ Brigham Young

Fl-1849, Brigham Young kellu ħolma fejn ra lill-Profeta Joseph Smith qed isuq merħla kbira nagħaġ u mogħoż. Uħud minn dawn l-annimali kienu kbar u sbieħ; oħrajn kienu żgħar u maħmuġin. Brigham Young ftakar li ħares f’għajnejn il-Profeta Joseph Smith u qallu, “Joseph, int għandek l-iktar merħla straordinarja … li jien qatt rajt f’ħajti; x’se tagħmel biha?” Il-Profeta, li xejn ma deher imħasseb dwar din il-merħla indixxiplinata, sempliċement wieġeb, “[Brigham,] kollha huma tajbin f’posthom.”

Meta l-President Young stenbaħ, huwa fehem li, filwaqt li l-Knisja se tiġbor varjetà ta’ “nagħaġ u mogħoż,” kienet ir-responsabbiltà tiegħu li jdaħħalhom ilkoll ġewwa u jħalli lil kull waħda minnhom tilħaqil-potenzjal sħiħ tagħha hekk kif tieħu postha fil-Knisja. (Adattat minn Ronald W. Walker, “Brigham Young: Student of the Prophet,” Ensign, Fr. 1998, 56–57.)

Ħuti, il-ġenesi tat-taħdita tiegħi seħħ hekk kif bdejt naħseb profondament dwar kull wieħed li bħalissa mhuwiex attiv fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Għal mument nixtieq nitkellem ma’ kull wieħed minnhom. Il-Presbiteru Neal A. Maxwell għallem li “dawn l-individwi spiss jibqgħu qrib—imma ma jipparteċipawx bis-sħiħ— il-Knisja. Mhumiex se jidħlu ġewwa l-kappella, iżda lanqas se jitilqu mill-entratura tagħha. Dawn huma dawk li għandhom bżonn u huma meħtieġa mill-Knisja, iżda li, parzjalment, ‘jgħixu mingħajr Alla fid-dinja’ [Mosiah 27:31]” (“Why Not Now?,” Ensign, Nov. 1974, 12).

Nirrepeti l-istedina tal-maħbub President Russell M. Nelson l-ewwel darba li kellem lill-membri tal-Knisja. Huwa qal: “Issa, lil kull membru tal-Knisja jien ngħidilkom, komplu mexjin fit-triq tal-patt. L-impenn tagħkom li timxu wara s-Salvatur billi tagħmlu l-patti miegħu u mbagħad iżżommu dawk il-patti jwassal biex jinfetaħ il-bieb għal kull barka u privileġġ spiritwali disponibbli għall-irġiel, għan-nisa, u għat-tfal kollha madwar id-dinja.”

Hu mbagħad talab: “Issa, jekk intom ħriġtu ’l barra mit-triq, ippermettuli nistedinkom bit-tama sħiħa f’qalbi biex jekk jogħġobkom terġgħu lura. Hu x’inhu dak li qed jinkwetakom, huma x’inhuma l-isfidi tagħkom, hawn post għalikom f’din il-Knisja tal-Mulej. Intom u l-ġenerazzjonijiet li għad iridu jitwieldu tkunu mberkin b’dak li intom tagħmlu bħalissa biex terġgħu lura fit-triq tal-patt” (“Hekk Kif Nimxu ’l Quddiem Flimkien,” jew Liahona, Apr. 2018, 7; enfażi miżjuda).

Jiena nixhed dwar Dan Ġesù Kristu, sewwasew l-Akbar Ministru u s-Salvatur tagħna lkoll. Nistieden lil kull wieħed minna li jfittex il- “pobrecitos,” “l-imsejkna” fostna li huma fil-bżonn. Din hija t-tama u t-talba tiegħi f’isem Ġesù Kristu, amen.