Konferenza Ġenerali
Mhux kif Tagħtih id-Dinja
konferenza ġenerali April 2021


Mhux kif Tagħtih id-Dinja

L-istrumenti li neħtieġu biex noħolqu jum aktar sabiħ u biex inkabbru l-ekonomija tat-tjubija ġenwina huma pprovduti lilna b’abbundanza fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Qabel dak l-ewwel Għid, kif Ġesù kkonkluda l-ordinanza l-ġdida tas-sagrament li Hu kien amministra lit-Tnax, Hu beda l-aħħar diskors tiegħu, diskors tassew maestuż, u għadda għall-Ġetsemani, għaċ-ċaħda, u għall-kruċifissjoni. Madankollu, peress li Hu ħass il-preokkupazzjoni u forsi anke l-biża’ li wħud minn dawk l-irġiel probabbilment kienu qed jesperjenzaw, Hu qalilhom (u qalilna) dan:

“Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. …

“Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. …

“Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad, u lanqas titbeżża’.”1

F’din il-ħajja mortali l-bnedmin jesperjenzaw żminijiet ta’ sfida, anke dawk li huma fidili, iżda l-messaġġ konfortanti ta’ Kristu hu li minkejja li Hu, il-ħaruf tal-Għid, se jmur bħal “nagħġa f’id min igiżżha,”2 Hu madankollu sejjer iqum, kif qal is-salmista, biex ikun “kenn u qawwa tagħna, għajnuna kbira tagħna f’mumenti ta’ dwejjaq.”3

Waqt li niftakru s-sigħat diffiċli li kien se jgħaddi minnhom Kristu fi triqtu lejn is-salib u minn xiex kienu se jgħaddu d-dixxipli tiegħu waqt li jmorru jxerdu l-evanġelju tiegħu mad-dinja fil-meridjan taż-żminijiet, ejjew flimkien miegħi nagħtu ħarsa lejn messaġġ relatat għall-Knisja tas-Salvatur f’dan l-aħħar żmien. Dan jinsab fin-numru kbir ta’ versi fil-Ktieb ta’ Mormon li huma ddedikati għal xi tip jew ieħor ta’ kunflitt, mill-imġieba eternament tedjanti ta’ Laman u Lemwel sal-battalji finali li kienu involuti fihom mijiet ta’ eluf ta’ suldati. Waħda mir-raġunijiet ovvji għal din l-enfażi hi li peress li l-Ktieb ta’ Mormon inkiteb għal qarrejja tal-aħħar żminijiet, dawn l-awturi (li huma stess esperjenzaw sew il-gwerra) qed iwwissuna b’mod profetiku li l-vjolenza u l-kunflitt se jkunu karatteristika ewlenija tar-relazzjonijiet fl-aħħar żmien.

Bla dubju, it-teorija tiegħi dwar it-tilwim fl-aħħar żmien mhijiex xi ħaġa oriġinali. Kważi elfejn sena ilu, is-Salvatur widdibna li fl-aħħar żminijiet se jkun hawn “gwerer u xnigħat ta’ gwerer”4 u aktar tard qal li “il-paċi se tittieħed mid-dinja.”5 M’hemmx dubju li dan, il-Prinċep tal-Paċi, li bla tlaqliq għallem li t-tilwim ġej mix-xitan,6 se jkollu jibki flimkien mal-Missier Divin tiegħu minħabba dawk il-membri tal-familja umana fi żmienna li huma “mingħajr affezzjoni,” tgħid l-iskrittura, u li ma jistgħux isibu mod kif jgħixu flimkien b’imħabba.7

Ħuti, madwarna naraw wisq kunflitt, rabja, u inċivilità ġenerali. Fortunatament, il-ġenerazzjoni kurrenti ma kellhiex tgħaddi minn Tielet Gwerra Dinjija, u lanqas ma kellha tesperjenza waqgħa ekonomika globali bħal dik tal-1929 li wasslet għad-Dipressjoni l-Kbira. Aħna, madankollu, qed niffaċċjaw tip differenti ta’ Tielet Gwerra Dinjija, mhux ġlieda biex negħlbu lill-għedewwa tagħna, iżda konskrizzjoni li qed titlob lil ulied Alla biex jieħdu aktar ħsieb xulxin, u biex jgħinu sabiex jitfejqu l-ġrieħi li nsibu f’dinja li tinsab daqstant f’kunflitt. Id-Depressjoni l-Kbira li issa qed niffaċċjaw mhijiex daqstant dwar it-telf finanzjarju tagħna iżda għandha x’taqsam aktar mat-telf intern tal-kunfidenza magħna nfusna, mad-deficits reali tal-fidi, tat-tama, u tal-karità madwarna. Iżda l-istrumenti li neħtieġu biex noħolqu jum aktar sabiħ u biex inkabbru l-ekonomija tat-tjubija ġenwina fis-soċjetà huma pprovduti lilna b’abbundanza fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Aħna ma naffordjawx— u din id- dinja ma taffordjax—li aħna nibqgħu lura milli nużaw kemm jista’ jkun dawn il-kunċetti tal-evanġelju u l-patti li jqawwuna personalment u pubblikament.

Għalhekk, f’dinja “mħabbta mill-irwiefen, u bla faraġ,” kif qalilna li se tkun Jaħweh, kif nistgħu nsibu dak li Hu sejjaħlu “il-patt tal- … paċi”? Insibuh billi nduru lejn Dak li qal li se jkollu ħniena minna u “bi mħabba ta’ dejjem” iwassal il-paċi lil uliedna.8 Minkejja profeziji tal-biża’ u skrittura inkwetanti li tiddikjara li l-paċi se tittieħed mid-dinja b’mod ġenerali, il-profeti, inkluż il-maħbub tagħna Russell M. Nelson, għallmu li dan ma jfissirx li għandha tittieħed minna individwalment!9 Għalhekk, dan il-Għid ejjew nippruvaw nipprattikaw il-paċi b’mod personali, billi napplikaw il-grazzja u l-balzmu tal-fejqan tal-Espjazzjoni tal-Mulej Ġesù Kristu lilna nfusna u lill-familji tagħna u lil dawk kollha li nistgħu nilħqu madwarna. Fortunatament, minkejja li hi ħaġa tal-għaġeb, dan l-ingwent li jserraħna hu disponibbli għalina “b’xejn u bla ħlas.”10

Daqstant għajnuna u tama huma verament meħtieġa għaliex illum f’din il-kongregazzjoni dinjija huma ħafna li qed jitqabdu b’għadd ta’ sfida differenti—fiżiċi jew emozzjonali, soċjali jew finanzjarji, jew għexieren ta’ tipi oħra ta’ nkwiet. Iżda ħafna minn dawn m’aħniex b’saħħitna biżżejjed biex nindirizzawhom weħidna, għax l-għajnuna u l-paċi li neħtieġu mhijiex bħal dik li “toffri d-dinja.”11 Le, għall-problemi verament diffiċli neħtieġu dak li l-iskrittura ssejħilhom “il-qawwiet tas-smewwiet,” u biex naċċessaw dawn il-qawwiet jeħtieġ li ngħixu skont dawk li din l-istess skrittura tiddeskrivihom bħala “il-prinċipji tas-sewwa.”12 Issa, li nifhmu dik il-konnessjoni bejn prinċipju u qawwa hi l-aktar lezzjoni li l-familja umana jidher li ssibha diffiċli ħafna biex titgħallem, hekk jgħid l-Alla tas-sema u l-art!13

U x’inhuma dawk il-prinċipji? Mela, huma msemmija ripetutament fl-iskrittura, jiġu kontinwament mgħallmin f’konferenzi bħal din, u fid-dispensazzjoni tagħna, il-Profeta Joseph Smith tgħallimhom b’rispons għal verżjoni tiegħu tal-karba “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”14 Fiċ-ċella mill-aktar kiesħa u mitluqa ta’ Liberty, huwa ġie mgħallem li l-prinċipji tas-sewwa jinkludu ċerti virtujiet bħall-paċenzja, is-sabar, il-ġentilezza, u l-imħabba sinċiera.15 Mingħajr dawk il-prinċipji hi ħaġa ċerta li aħna eventwalment niffaċċjaw id-disgwid u l-avversità.

F’dak ir-rigward, ippermettuli nitkellem għal ftit ħin dwar in-nuqqas f’xi wħud minn dawn il-prinċipji ta’ tjieba fi żmienna. Normalment, jiena bniedem pożittiv u ferrieħ, u f’din id-dinja hawn ħafna affaijiet li huma tajbin u sbieħ. Ċertament, aħna għandna aktar barkiet materjali minn kull ġenerazzjoni oħra fl-istorja, iżda ġeneralment fil-kultura tas-seklu 21, u spiss ukoll fil-Knisja, xorta għadna naraw ħajjiet li jinsabu fl-inkwiet, b’ċerti kompromessi li jirriżultaw f’wisq patti miksura u bosta qlub miksura. Ikkunsidraw l-lingwa baxxa li takkumpanja t-trasgressjoni sesswali, li t-tnejn li huma tant huma preżenti fil-films jew fuq it-televiżjoni, jew innotaw il-fastidju sesswali u forom oħra ta’ mġieba mhux xierqa fuq il-post tax-xogħol li naqraw ħafna dwarha fi żmienna. Fejn tidħol is-safa tal-patt, dak li hu sagru ħafna drabi qed jitqies bħala ħaġa komuni u dak li hu qaddis bħala xi ħaġa profana. Għal min tiġih it-tentazzjoni li jimxi jew jitkellem b’dan il-mod—“kif tagħti d-dinja”, biex ngħidu hekk—tistennewx li dan se jwassalkom għal xi esperjenza ta’ paċi; inwegħidkom f’isem il-Mulej li żgur mhux il-każ. “Il-ħażen qatt ma kien kuntentizza,”16 qal wieħed profeta tal-qedem. Meta ż-żifna tintemm, min idoqq dejjem irid jitħallas, u ħafna drabi jitħallas bil-munita tal-biki u d-dispjaċir.17

Jew jista’ jkun li naraw forom oħra ta’ abbuż jew indinjità. Kemm irridu noqogħdu attenti bħala dixxipli tal-Mulej Ġesù Kristu li ma nipparteċipawx f’imġieba bħal din. Taħt l-ebda ċirkustanza m’għandna nkunu ħatja ta’ xi forma ta’ abbuż jew kontroll mhux xieraq jew sfurzar immorali—fiżiku, emozzjonali, ekkleżjastiku jew ta’ xi tip ieħor. Niftakarni nħoss fija l-fervur tal-President Gordon B. Hinckley meta ftit tas-snin ilu huwa kellem lill-irġiel tal-Knisja dwar dawk li hu sejħilhom “tiranni fi djarhom”:18

“Kemm hu fenomenu traġiku u mill-aktar disgustanti l-abbuż fuq il-mara fiż-żwieġ,” huwa qal. “Kull raġel f’din il-Knisja li jabbuża minn martu, li jiddegradaha, li jinsultaha, li jeżerċita kontroll mhux xieraq fuqha, mhuwiex denju li jħaddan is-saċerdozju. … Mhuwiex denju li jħaddan rakkomandazzjoni tat-tempju.”19 Ta’ min jistmellu wkoll, huwa qal, hu kwalunkwe forma ta’ abbuż fuq it-tfal—jew kwalunkwe abbuż ieħor.20

F’ħafna każijiet, xi rġiel, nisa u anke tfal, minkejja li jippruvaw dejjem ikunu fidili, jistgħu jkunu ħatja ta’ diskors li jniggeż, anke distruttiv, ma’ dawk lihuma ssiġillati magħhom permezz ta’ ordinanza qaddisa fit-tempju tal-Mulej. Kulħadd għandu d-dritt li jesperjenza l-imħabba, li jħossu trankwill, u li jsib is-sigurtà f’daru. Jekk jogħġobkom, ejjew nippruvaw inżommu dak l-ambjent ġewwa darna. Il-wegħda għal dawk li jġibu l-paċi hi li intom ikollkom l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħkom u l-barkiet jinxteħtu fuqkom “mingħajr il-bżonn ta’ ebda forza” għal dejjem.21 Ħadd m’għandu juża lsien iniggeż jew kliem li jweġġa’ u xorta “ikanta l-għanja tal-imħabba feddejja.”22

Ippermettuli nagħlaq kif bdejt. Għada huwa l-Għid, żmien biex il-prinċipji ġusti tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu “jgħaddu ’l fuq”—jgħaddu ’l fuq minn kull kunflitt u tilwim, jgħaddu ’l fuq minn fuq kull disperazzjoni u ħtija, u ultimament jgħaddu minn fuq il-mewt. Huwa żmien li fih niddikjaraw il-lealtà sħiħa tagħna bil-kelma u bl-għemil lejn il-Ħaruf ta’ Alla, li “rafa’ fuqu l-mard tagħna, u tgħabba bin-niket tagħna,”23 fid-determinazzjon tiegħu li jtemm il-ħidma tas-salvazzjoni f’isimna.

Minkejja t-tradiment u l-uġigħ, it-trattament ħażin u l-krudeltà, u minkejja li tgħabba bid-dnubiet akkumulati kollha u bin-niket kollu tal-familja umana kollha, Iben Alla l-ħaj ħares lejn it-triq twila tal-mortalità, ħares lejna f’din it-tmiem il-ġimgħa u qal: “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad, u lanqas titbeżża’.”24 Nawguralkom Għid mimli barka, hena, u paċi. Il-possibiltajiet bla għadd diġà ħallas għalihom il-Prinċep tal-Paċi, li lilu jiena nħobb b’qalbi kollha, li tiegħu din il-Knisja hi, u li tiegħu jiena nagħti xhieda ċerta tiegħi, l-istess Mulej Ġesù Kristu, amen.