Konferenza Ġenerali
Ġesù Kristu: Il-Kurant ta’ Ruħna
konferenza ġenerali April 2021


Ġesù Kristu: Il-Kurant ta’ Ruħna

Hekk kif aħna ġenwinament nindmu minn dnubietna, aħna nagħtu ċans li s-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni ta’ Kristu ikun kompletament effettiv f’ħajjitna.

Għeżież ħuti, f’din l-għodwa radjanti tal-Għid qalbi tifraħ meta niftakar fl-aktar att meraviljuż, majestuż, u bla qies li qatt seħħ fl-istorja umana kollha—is-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni ta’ Sidna, Ġesù Kristu. Il-kliem eminenti tal-profeta Isaija jkompli jżid il-kobor u l-altruwiżmu tal-kondixxendenza u s-sagrifiċċju tas-Salvatur f’isem l-ulied kollha ta’ Alla:

“Iżda hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn.

“Iżda Hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna; għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.”1

Billi minn jeddu Hu ħa fuqu nnifsu d-dnubiet tal-umanità kollha, fejn b’mod krudili ġie msallab fuq is-salib, u fit-tielet jum qam rebbieħ fuq il-mewt,2 Ġesù ta sinifikat aktar sagru lill-ordinanza tal-festa Lhudija tal-Għid li ngħatat lil Iżrael fiż-żminijiet tal-qedem.3 Biex iġib fis-seħħ il-profezija, Hu offra l-istess ġismu u l-prezzjuż demmu bħala s-sagrifiċċju l-kbir u finali,4 fejn ivvalida s-simboli tradizzjonali li jintużaw fiċ-ċelebrazzjoni tal-Għid tal-Mulej.5 Hekk kif għamel dan, Kristu esperjenza tbatija fiżika u spiritwali li l-ebda moħħ uman ma’ jista’ jifhem. Is-Salvatur innifsu qal:

“Araw, jiena, Alla, sofrejt dan kollu għall-bnedmin kollha, …

“Liema sofferenza wasslet biex jiena, l-istess Alla, l-akbar wieħed fost kulħadd, nitriegħed minħabba l-uġigħ, u nxerred demmi mill-pori kollha tiegħi u nsofri kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu—u rajt jekk stajtx ma nixrobx mill-kalċi, u jitbiegħed minni—

“Madankollu, glorja lill-Missier, u jiena xrobt u temmejt it-tħejjija tiegħi għal ulied il-bnedmin.”6

Kristu b’mod mill-aktar grazzjuż wettaq ir-rieda tal-Missier7 permezz tas-sagrifiċċju infinit u ħanin. Hu għeleb in-niggieża tal-mewt fiżika u spiritwali,8 li daħlet fid-dinja permezz tal-Waqgħa,9 fejn offrielna l-possibbiltà glorjuża tas-salvazzjoni eterna.10

Ġesù kien l-uniku Esseru li kien kapaċi jwettaq dan is-sagrifiċċju etern u perfett għalina lkoll.11 Hu ġie magħżul u ordnat fil-Gran Kunsill fis-Smewwiet, saħansitra qabel ġiet iffurmata d-dinja.12 Barra minn hekk, għax twieled minn omm mortali, Hu wiret il-mewt fiżika, iżda mingħand Alla, bħala l-Iben il-Waħdieni tal-Missier, Huwa wiret il-qawwa li jagħti ħajtu u mbagħad jerġa’ jiksibha lura.13 Barra minn dan, Kristu għex ħajja perfetta li kienet mingħajr tebgħa u għalhekk, kien eżentat mid-domandi tal-ġustizzja divina.14 F’okkażjoni partikolari l-Profeta Joseph Smith għallem:

“Is-salvazzjoni ma setgħetx tiġi fid-dinja mingħajr il-medjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

“Alla … ħejja sagrifiċċju billi offrielna lill-istess Ibnu, li għandu jintbagħat meta jkun il-waqt … biex jiftaħ bieb li minnu l-bniedem jista’ jidħol fil-preżenza tal-Mulej.”15

Filwaqt li permezz tas-sagrifiċċju tiegħu s-Salvatur neħħa mingħajr ebda kundizzjoni l-effetti tal-mewt fiżika,16 Hu ma eliminax ir-responsabbiltà personali tagħna li nindmu minn dnubietna.17 Pjuttost, Hu għamlilna stedina ta’ mħabba biex nirrekonċiljaw ruħna mal-Missier Etern tagħna. Permezz ta’ Ġesù Kristu u s-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni Tiegħu, aħna nistgħu nesperjenzaw bidla kbira f’moħħna u f’qalbna, li twassalna biex ikollna attitudni friska, kemm lejn Alla u lejn il-ħajja in ġenerali.18 Meta aħna nindmu sinċerament minn dnubietna u ndawru qalbna u r-rieda tagħna lejn Alla u l-kmandamenti tiegħu, aħna nistgħu nirċievu l-maħfra tiegħu u nħossu l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu b’abbundanza akbar. Grazzi għall-ħniena tiegħu, aħna nevitaw li jkollna nesperjenzaw it-tbatija enormi li għadda minnha s-Salvatur.19

Ir-rigal tal-indiema hu espressjoni tat-tjubija ta’ Alla lejn uliedu u hu turija tal-qawwa inkomparabbli tiegħu li tgħinna negħlbu d-dnubiet li aħna nwettqu. Huwa wkoll evidenza tal-paċenzja u s-sabar li Missierna li tant iħobbna għandu għad-dgħjufijiet u d-debbolizzi mortali tagħna. Il-President Russell M. Nelson, il-maħbub profeta tagħna, irrefera għal dan ir-rigal bħala “is-sigriet għall-ferħ u s-serħan il-moħħ.”20

Għeżież ħbieb tiegħi, jiena nixhed magħkom li hekk kif aħna ġenwinament nindmu minn dnubietna,21 aħna nagħtu ċans li s-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni ta’ Kristu ikun kompletament effettiv f’ħajjitna.22 Aħna nsiru ħielsa mill-jasar tad-dnub, insibu l-ferħ fil-vjaġġ etern tagħna, u nsiru eleġibbli li nirċievu s-salvazzjoni eterna, li tħejjiet mill-bidu tad-dinja għal dawk kollha li jemmnu f’Ġesù Kristu u jersqu lejh.23

Minbarra li pprovdielna r-rigal majestuż tas-salvazzjoni, is-Salvatur joffrilna s-serħan u l-faraġ hekk kif niffaċċjaw it-tbatija, it-tentazzjoni, u d-dgħjufijiet tal-ħajja mortali, fosthom iċ-ċirkustanzi li għadna kif esperjenzajna fil-pandemija li għaddejjin minnha bħalissa. Nista’ nassigurakom li Kristu hu dejjem konxju tal-avversità li aħna nesperjenzaw f’din il-ħajja. Hu jifhem l-agunija kollha u l-imrar u l-uġigħ fiżiku kollu kif ukoll l-isfidi emozzjonali u spiritwali li aħna niffaċċjaw. Is-Salvatur hu mimli ħniena, u Hu dejjem lest biex jgħinna. Dan hu possibbli għaliex Hu personalment esperjenza u ħa fuqu nnifsu fil-ġisem l-uġigħ tad-dgħjufija u tat-tbatija tagħna.24

B’umiltà mill-aktar kbira, Huwa ċċekken aktar minn kollox u aċċetta li jiġi ddisprezzat, imwarrab, u umiljat mill-bnedmin, hekk kif bata għad-dnubiet u l-ħtijiet tagħna. Hu bata dan kollu għalina lkoll, fejn ħa fuqu nnifsu d-dnubiet tad-dinja25 u b’hekk sar l-akbar kurant spiritwali tagħna.

Hekk kif nersqu aktar viċin tiegħu, filwaqt li spiritwalment nerħu lilna nfusna f’idejh, aħna nkunu nistgħu nieħdu fuqna l-madmad tiegħu, li hu ħelu, u t-toqol tiegħu, li hu ħafif, u b’hekk inisbu dak il-faraġ u l-mistrieħ imwiegħed. Barra minn hekk, aħna nirċievu l-qawwa li għandna bżonn biex negħlbu t-tbatija, id-dgħjufijiet, u n-niket tal-ħajja, li huma ferm aktar diffiċli li nġorruhom mingħajr l-għajnuna u l-qawwa tal-fejqan tiegħu.26 L-iskrittura tgħallimna: “Ħalli xortik f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek.”27 “Imbagħad jalla Alla jħaffef it-toqol tagħna, permezz tal-ferħ ta’ Ibnu.”28

Immaġni
Regina u Mario Emerick

Fl-aħħar tas-sena l-oħra, jien sirt naf bil-mewt ta’ koppja għażiża, Mario u Regina Emerick, li kienu fidili ħafna lejn il-Mulej u ħallew din il-ħajja erbat ijiem wara xulxin, kaġun ta’ kumplikazzjonijiet minħabba l-COVID-19.

Wieħed minn uliedhom is-subien, li bħalissa qed iservi bħala isqof fil-Brażil, qalli dan li ġej: “Kien diffiċli għalija nara l-ġenituri tiegħi jħallu din id-dinja f’dik il-kundizzjoni, iżda jiena stajt verament inħoss l-influwenza tal-Mulej f’ħajti f’nofs din it-traġedja, għaliex jien ksibt fija qawwa u paċi li diffiċli nifhimhom. Permezz tal-fidi tiegħi f’Ġesù Kristu u fl-Espjazzjoni tiegħu, jiena ksibt l-għajnuna divina biex ngħin u nfarraġ lill-membri tal-familja tiegħi u lil dawk kollha li għinuna tul din l-esperjenza diffiċli. Avolja l-miraklu li kulħadd beda jittama għalih ma seħħx, personalment jiena xhud ta’ bosta mirakli oħra li seħħew f’ħajti u fil-ħajja tal-membri tal-familja tiegħi. Jien ħassejt fija paċi inspjegabbli li ppenetrat il-fond ta’ qalbi, li mlietni bit-tama u l-kunfidenza fl-imħabba tas-Salvatur għalija u fil-pjan ta’ ferħ ta’ Alla għal uliedu. Jien tgħallimt li fl-aktar jiem ta’ niket, id-dirgħajn kollha mħabba tas-Salvatur jinsabu dejjem lesti jilqgħuna hekk kif infittxuh bil-qalb, bil-qawwa, u bis-setgħa kollha tagħna u bil-moħħ kollu tagħna.”

Immaġni
Il-familja Emerick

Għeżież ħuti, f’dan Ħadd il-Għid, jien naqsam magħkom ix-xhieda solenni tiegħi li Ġesù qam mill-mewt u li Hu jgħix. Nixhed magħkom li permezz tal-Espjazzjoni infinita tiegħu, is-Salvatur ipprovdielna mod kif negħlbu l-mewt, kemm fiżika u spiritwali. Minbarra dawn il-barkiet, Hu joffrilna l-faraġ u l-assigurazzjoni fi żminijiet diffiċli. Nassigurakom li hekk kif aħna nafdaw f’Ġesù Kristu u fis-sagrifiċċju divin tal-Espjazzjoni tiegħu, u nibqgħu nissaportu permezz tal-fidi tagħna sal-aħħar, aħna ngawdu l-wegħdiet tal-għażiż Missierna fis-Smewwiet, li jagħmel dak kollu li jista’ biex jgħinna ħalli xi darba nerġgħu lura fil-preżenza tiegħu. Din hi l-ħidma tiegħu u l-glorja tiegħu!29 Jiena nixhed li Ġesù hu l-Kristu, il-Feddej tad-dinja, il-Messija mwiegħed, il-Qawmien u l-Ħajja.30 U jien naqsam magħkom dawn il-veritajiet fl-isem imqaddes tiegħu, l-Iben il-Waħdieni tal-Missier, Sidna, Ġesù Kristu, amen.