Konferenza Ġenerali
Niġri ’l Quddiem lejn it-Tmiem
konferenza ġenerali April 2021


Niġri ’l Quddiem lejn it-Tmiem

L-aktar importanti mhux dak li ngħaddu minnu tul din il-ħajja, iżda dak li aħna nsiru.

Hekk kif jiena naqra l-ktieb tal-Atti u l-ittri ta’ Pawlu, jien nimmeravilja ruħi dwar kemm Pawlu kien jimmotiva ruħu mill-imħabba u l-gratitudni biex hu jservi, jgħallem, u jixhed dwar Ġesù Kristu. Kif jista’ bniedem bħalu jservi, b’tant imħabba u gratitudni, speċjalment meta tikkunsidra t-tbatija kbira tiegħu? X’kien dak li mmotiva lil Pawlu biex iservi? “Niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù.”1

Li niġru ’l quddiem lejn it-tmiem ifisser li b’fedeltà nkomplu fit- “trejqa stretta u dejqa li twassal għall-ħajja eterna”2 mas-Salvatur tagħna u ma’ Missierna fis-Smewwiet. Pawlu ħares lejn it-tbatijiet tiegħu bħala “ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina.”3 L-ittra ta’ Pawlu lill-Filippin li hu kiteb meta kien jinsab maqful f’ħabs hi ittra ta’ ferħ mill-aktar kbir, u inkuraġġiment għalina lkoll, partikolarment f’dan il-mument diffiċli ta’ inċertezza. Aħna lkoll jeħtieġ inħallu kliem Pawlu jimliena bil-kuraġġ: “Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu.”4

Hekk kif inħarsu lejn is-servizz ta’ Pawlu, aħna nispiraw u nelevaw ruħna permezz tal-“Pawlijiet” tagħna fi żmienna, li wkoll iservu, jgħallmu, u jixhdu b’imħabba u gratitudni qalb l-isfidi li huma jiffaċċjaw f’ħajjithom u fil-ħajja tal-maħbubin tagħhom. Esperjenza li jiena kelli disa’ snin ilu għenitni nirrealizza l-importanza li niġru ’l quddiem lejn it-tmiem.

Fl-2012, hekk kif dħalt għall-ewwel darba għal-laqgħa tal-konferenza ġenerali għat-tmexxija, ma stajtx ma nħossnix kommoss u inadegwat. F’moħħi kien hemm leħen li b’mod persistenti beda jtenni, “Int mhux postok hawn! Żgur sar xi żball mill-aktar serju!” Hekk kif kont miexi ħalli nipprova nsib post fejn noqgħod bilqiegħda, induna bija l-Presbiteru Jeffrey R. Holland. Hu ġie fuqi u qalli, “Edward, qed nieħu gost narak hawn,” u bil-ħlewwa taptapli fuq wiċċi. Ħassejt qisni tarbija! L-imħabba u t-taptipa tiegħu għenuni nikseb il-kunfidenza u nħoss l-ispirtu tal-appartenenza, l-ispirtu tal-fratellanza. L-għada, jien osservajt lill-Presbiteru Holland jagħmel l-istess ħaġa li għamel lili fil-jum ta’ qabel, itaptap bil-ħlewwa fuq wiċċ il-Presbiteru Dallin H. Oaks, li hu aktar anzjan minnu!

F’dak il-mument ħassejt l-imħabba tal-Mulej permezz ta’ dawn l-irġiel li aħna nsostnu bħala profeti, veġġenti, u rivelaturi. Il-Presbiteru Holland, permezz tal-azzjoni kollha mħabba u naturali tiegħu, għenni negħleb l-egoċentriċità tiegħi u s-sentimenti tiegħi ta’ inadegwatezza. Hu għenni niffoka fuq il-ħidma sagra u li timliena bil-ferħ li għaliha ġejt imsejjaħ—li nressaq l-erwieħ lejn Kristu. Hu, bħal Pawlu tal-qedem, urieni kif nista’ niġri ’l quddiem lejn it-tmiem.

Interessanti l-fatt li Pawlu qed jitlobna biex nibqgħu mexjin ’il quddiem, filwaqt li jgħidilna biex ninsew dak li hemm warajna—il-biżgħat li kellna fil-passat, dak li konna niffokaw fuqu lbieraħ, il-falliment, u n-niket li kellna fil-passat. Hu qed jistedinna, eżatt bħall-profeta għażiż tagħna, il-President Russell M. Nelson, biex “ikollna atteġġjament aktar ġdid u qaddis.”5 Il-wegħda tas-Salvatur hi reali: “Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.”6

Fl-ewwel diskors tiegħi waqt il-konferenza ġenerali, jiena qsamt magħkom esperjenza dwar ommi li kienet tgħallimni naħdem fl-għalqa tagħna. “Qatt tħares lura,” hija qaltli. “Dejjem ħares ’il quddiem lejn dak li għadna ma lestejniex.”7

Lejn it-tmiem ta’ ħajjitha, meta ommi kienet qed tiġġieled mal-marda tal-kanċer, hija kienet qed toqgħod miegħi u ma’ Naume. Lejl wieħed jien smajtha tibki fil-kamra tas-sodda tagħha. L-uġigħ li kellha kien mill-aktar intens, anke wara li sagħtejn biss qabel kienet għadha kif ħadet l-aħħar doża ta’ morfina tal-ġurnata.

Jien dħalt fil-kamra u bkejt magħha. Jien tlabt għaliha b’vuċi għolja biex l-uġigħ li kellha ma jdumx ma jtaffi. U mbagħad hi għamlet l-istess ħaġa li kienet għamlet fl-għalqa bosta snin qabel: hi waqfet u għallmitni lezzjoni. Qatt ma nista’ ninsa wiċċha f’dak il-mument: fraġli, għajjien, u kollu wġigħ, tħares bil-ħniena lejn l-imnikket binha. Hija tbissmet bid-dmugħ f’għajnejha, ħarset fiss f’għajnejja, u qaltli, “Mhux f’idejk jew f’idejn ħadd ieħor, iżda hu f’idejn Alla jekk dan l-uġigħ hux se jħallini jew le.”

Jiena poġġejt bilqiegħda bla kliem. Hi għamlet bħali. Din ix-xena tibqa’ ċara ġewwa moħħi. Dik il-lejla, permezz ta’ ommi, il-Mulej għallimni lezzjoni li se tibqa’ miegħi għal dejjem. Hekk kif ommi esprimiet li kienet se taċċetta r-rieda ta’ Alla għaliha, jien ftakart ir-raġuni għalfejn Ġesù Kristu bata fil-Ġnien tal-Ġetsemani u fuq is-salib tal-Golgota. Huwa qal: “Araw jiena tajtkom l-evanġelju tiegħi, u dan huwa l-evanġelju tiegħi li jiena tajtkom—li jiena ġejt fid-dinja sabiex nagħmel ir-rieda ta’ Missieri, għaliex kien Missieri li bagħatni.”8

Immaġni
Kristu fil-Ġetsemani

Jien nirrifletti fuq il-mistoqsijiet profetiċi li għamlilna l-għażiż profeta tagħna, il-President Nelson fl-aħħar konferenza ġenerali. Il-President Nelson staqsa: “Inti lest tħalli lill Alla jiddomina f’ħajtek? Inti lest tħalli lil Alla jkun l-aktar influwenza importanti f’ħajtek? … Lest tħalli leħnu … jieħu preċedenza fuq kull ambizzjoni oħra? Inti lest tħalli r-rieda tiegħek tiġi kkunsmata mir-rieda tiegħu?”9 Ommi żgur li kienet twieġeb b’mod emozzjonali iżda b’mod ċar “iva,” u membri fidili oħra tal-Knisja madwar id-dinja wkoll iwieġbu b’mod emozzjonali iżda b’mod ċar “iva.” President Nelson, grazzi ta’ kemm ispirajtna u edifikajtna permezz ta’ dawn il-mistoqsijiet profetiċi tiegħek.

M’ilux, jien kelli konverżazzjoni ġewwa Pretoria, fl-Afrika t’Isfel, ma’ isqof li difen lil martu u lil bintu adulta fl-istess ġurnata. Huma mietu minħabba din il-pandemija tal-coronavirus. Staqsejtu kif kien. It-tweġiba tal-Isqof Teddy Thabethe saħħet id-determinazzjoni tiegħi li nimxi wara l-kliem u l-parir mogħti mill-profeti, veġġenti, u rivelaturi tal-Mulej. L-Isqof Thabethe wieġeb li dejjem hemm it-tama u l-faraġ li tkun taf li s-Salvatur ħa fuqu nnifsu l-uġigħ tal-poplu tiegħu, ħalli jkun jaf kif jista’ jgħinna.10 B’fidi profonda huwa xehed, “Jiena grat għall-pjan tas-salvazzjoni, il-pjan ta’ ferħ.” Imbagħad huwa staqsieni mistoqsija: “Mhuwiex dan dak li pprova jgħallimna l-profeta tagħna f’din l-aħħar konferenza?”

Filwaqt li b’xi mod jew ieħor ilkoll kemm aħna nesperjenzaw l-isfidi tal-mortalità, ejjew niffokaw fuq l-għan tagħna li “niġru ’l quddiem lejn it-tmiem,” li hu l-premju li għalih Alla qed isejħilna hemm fuq.”11

L-istedina umli tiegħi għalina lkoll hi li qatt m’għandna naqtgħu qalbna! Aħna msejħin biex “inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna, inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna.”12

L-aktar importanti mhux dak li ngħaddu minnu tul din il-ħajja, iżda dak li aħna nsiru. Nesperjenzaw ferħ kbir meta aħna niġru ’l quddiem lejn it-tmiem. Jiena nixhed li Dak li għeleb kull ħaġa se jgħinna hekk kif inżommu għajnejna merfugħa lejh. F’isem Ġesù Kristu, amen.