Konferenza Ġenerali
Il-Vjaġġ Personali ta’ Wlied Alla
konferenza ġenerali April 2021


Il-Vjaġġ Personali ta’ Wlied Alla

Bħala wlied tal-patt ta’ Alla, aħna nħobbu, nonoraw, inrawmu, nieħdu ħsieb, u nilqgħu fostna lil dawk l-ispirti li ġejjin mid-dinja primortali.

Ilkoll kemm aħna ġejna affettwati bil-pandemija dinjija, hekk kif xi membri tal-familja u ħbieb tagħna spiċċaw biex għaddew bla mistenni għal ħajja oħra. Ippermettuli nitkellem dwar tlett individwi, li jirrappreżentaw lil dawk li nħobbu.

Immaġni
Brother u Sister Nsondi

Dawn huma Brother Philippe u Sister Germaine Nsondi. Brother Nsondi, kien qed iservi bħala l-patrijarka tal-Wited ta’ Brazzaville, fir-Repubblika tal-Congo, meta miet. Huwa kien tabib li qasam it-talenti tiegħu b’mod ġeneruż ma’ ħaddieħor.1

Immaġni
Clara Ruano de Villareal

Din hi Sister Clara Elisa Ruano de Villareal minn Tulcán, Ecuador. Hija ħaddnet l-evanġelju rrestawrat meta kella 34 sena u kienet mexxej mill-aktar maħbuba. Il-membri tal-familja tagħha tawha l-aħħar tislima billi kantawlha l-għanja favorita tagħha, “Jiena Naf li Feddej Tiegħi Jgħix.”2

Immaġni
Ray Tuineau u l-familja tiegħu

Dan hu Brother Ray Tuineau minn Utah, mal-familja sabiħa tiegħu. Martu, Juliet, qalet, “Irrid li wliedna jibqgħu jiftakru li f’ħajtu missierhom dejjem ipprova jpoġġi lil Alla l-ewwel.”3

Il-Mulej qal, “Intom għandkom tgħixu flimkien f’imħabba, hekk li taslu biex tibku għat-telfa ta’ dawk li jmutu.”4

Waqt li aħna nibku, aħna nifirħu wkoll fil-Qawmien glorjuż mill-imwiet tas-Salvatur tagħna. Grazzi għalih, il-maħbubin u l-ħbieb tagħna se jkomplu bil-vjaġġ etern tagħhom. Kif spjega l-President Joseph F. Smith: “Aħna ma nistgħux ninsewhom; ma niqfux inħobbuhom. … Huma avvanzaw; aħna qed navvanzaw; aħna qed nikbru kif kibru huma.”5 Il-President Russell M. Nelson qal, “Id-dmugħ ta’ niket tagħna … jinbidel fi dmugħ ta’ antiċipazzjoni.”6

Aħna Nafu dwar il-Ħajja qabel it-Twelid

Il-perspettiva eterna tagħna mhux biss tkabbar l-għarfien tagħna dwar dawk li qed ikomplu bil-vjaġġ tagħhom lil hinn mill-mortalità iżda twessa’ wkoll l-għarfien tagħna dwar dawk li għadhom aktar lura fil-vjaġġ tagħhom u li bħalissa jinsabu resqin biex jidħlu fil-mortalità.

Kull persuna li tiġi fid-dinja hija iben uniku jew bint unika ta’ Alla.7 Il-vjaġġ personali tagħna ma bediex fit-twelid. Qabel ma twelidna, aħna konna flimkien f’dinja ta’ tħejjija fejn aħna “irċevejna l-ewwel lezzjonijiet tagħna fid-dinja tal-ispirti.”8 Jaħweh qal lil Ġeremija, “Qabel ma sawwartek fil-ġuf, għaraftek; qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek.”9

Xi wħud mhumiex ċerti jekk il-ħajja tibdiex meta jibda jifforma l-embrijun, jew meta tibda tħabbat il-qalb, jew meta t-tarbija tkun tista’ tgħix barra l-ġuf, iżda għalina, nafu mingħajr ebda dubju li l-ulied spirtu ta’ Alla jkunu jinsabu fuq il-vjaġġ personali tagħhom lejn din id-dinja biex jirċievu ġisem u jesperjenzaw il-mortalità.

Bħala wlied tal-patt ta’ Alla, aħna nħobbu, nonoraw, inrawmu, nieħdu ħsieb, u nilqgħu fostna lil dawk l-ispirti li ġejjin mid-dinja primortali.

Il-Kontribut Enormi tan-Nisa

Għal mara, li jkollha t-tfal jaf ikun ta’ sagrifiċċju kbir, kemm fiżiku, emozzjonali, kif ukoll ekonomiku. Aħna nħobbu u nonoraw lin-nisa meraviljużi ta’ din il-Knisja. B’intelliġenza u b’għerf, intom iġġorru l-piż tal-familja tagħkom. Intom tħobbu. Intom isservu. Intom tissagrifikaw. Intom tqawwu l-fidi, timministraw lil dawk fil-bżonn, u tikkontribwixxu ferm lejn is-soċjetà.

Ir-Responsabbiltà Sagra li Nissalvagwardjaw il-Ħajja

Snin ilu, minħabba l-preokkupazzjoni li kellu għan-numru ta’ aborti fid-dinja, il-President Gordon B. Hinckley indirizza lin-nisa tal-Knisja bi kliem li għadu relevanti għalina llum. Huwa qal: “Intom li intom nisa miżżewġin u ommijiet, intom l-ankri tal-familja. Intom iġġibu t-tfal fid-dinja. X’responsabbiltà enormi u mil-aktar sagra. … X’qed jiġri fejn jidħol l-apprezzament tagħna lejn is-santità tal-ħajja umana? L-abort huwa ħaġa diabolika, mill-aktar brutali, reali u repulsiva, li qed jinfirex mad-dinja kollha. Nitlob lin-nisa ta’ din il-Knisja biex jevitawh, jibqgħu ’l bogħod minnu u minn dawk is-sitwazzjonijiet kompromettenti li jpinġuh bħala xi ħaġa ta’ min jixtieqha. Intom l-ommijiet ta’ wlied Alla, li ħajjithom hija sagra.10 … Intom l-ommijiet ta’ wlied Alla, li ħajjithom hija sagra. Is-salvagwardja tagħhom hija responsabbiltà mogħtija b’mod divin li ma tistgħux tfarfru minnha malajr.”11

Il-Presbiteru Marcus B. Nash qasam miegħi l-istorja ta’ mara ta’ 84 sena li, waqt l-intervista tal-magħmudija tagħha, “irrikonoxxiet li ħafna snin qabel kienet għamlet abort.” B’emozzjoni mill-qalb, hija qalet: “Jiena ġarrejt il-piż li abortajt tarbija kull jum ta’ ħajti għal sitta u erbgħin sena sħaħ. … L-ebda ħaġa li għamilt ma setgħet tneħħi minn ġo fija l-uġigħ u l-ħtija. Kont inħossni bla tama sakemm jien ġejt mgħallma l-evanġelju veru ta’ Ġesù Kristu. Tgħallimt kif nindem … u f’daqqa waħda imtlejt bit-tama. Finalment sirt naf li jien stajt niġi maħfura jekk verament kont indimt minn dnubieti.”12

Kemm aħna grati għar-rigali divini tal-indiema u l-maħfra.

Aħna X’Nistgħu Nagħmlu?

X’inhi r-responsabbiltà tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu li nħobbu l-paċi? Ejjew ngħixu l-kmandamenti ta’ Alla, ngħallmuhom lil uliedna, u naqsmuhom ma’ oħrajn li huma lesti jisimgħu.13 Ejjew naqsmu s-sentimenti profondi tagħna dwar il-qdusija tal-ħajja ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-soċjetà. Jista’ jkun li huma ma japprezzawx għal kollox dak li nemmnu fih, iżda nitolbu biex jifhmu b’mod sħiħ għaliex, għalina, dawn id-deċiżjonijiet imorru lil hinn sew minn dak li persuna trid għal ħajjitha stess.

Jekk mara qed tistenna tarbija bla mistenni, ejjew nilħquha b’imħabba, b’inkoraġġiment, u, meta jkun hemm bżonn, b’għajnuna finanzjarja, fejn insaħħu lil dik l-omm biex tħalli lit-tarbija tagħha titwieled u tkompli bil-vjaġġ tagħha fil-mortalità.14

Is-Sbuħija tal-Adozzjoni

Fil-familja tagħna, ġejna mberkin bla qies hekk kif żewġ deċennji ilu, waħda żagħżugħa ta’ 16-il sena saret taf li kienet qed tistenna tarbija. Hi u missier it-tarbija ma kenux miżżewġin, u ma setgħu jaraw l-ebda futur flimkien. Dik iż-żagħżugħa emmnet li l-ħajja li kienet qed iġġorr kienet prezzjuża. Hi welldet tifla u ħalliet familja twajba tadottaha bħallikieku kienet tagħhom. Għal Bryce u Jolinne, hija kienet tweġiba għal talbhom. Huma semmewha Emily u għallmuha tafda f’Missierha fis-Smewwiet u f’Ibnu, Ġesù Kristu.

Immaġni
Emily u Christian

Emily kibret. Kemm aħna grati li Emily u n-neputi tagħna, Christian, saru jinħabbu u żżewġu fid-dar tal-Mulej. Emily u Christian issa għandhom huma stess tifla żgħira.

Immaġni
Emily ma’ bintha

M’ilux Emily kitbet: “Matul dawn l-aħħar disa’ xhur ta’ tqala, kelli żmien nirrifletti fuq l-avvenimenti tat-twelid tiegħi stess. Ħsibt f’ommi tat-twelid, li kellha biss 16-il sena. Hekk kif jiena esperjenzajt l-uġigħ u l-bidliet li ġġib magħha t-tqala, ma stajtx ma nimmaġinax kemm kienet ħaġa diffiċli għal tfajla fl-età żgħira ta’ 16-il sena. … Jaqbiżli d-dmugħ anke issa hekk kif naħseb dwar ommi li wellditni, li kienet taf li ma setgħetx tagħtini l-ħajja li xtaqet għalija u b’mod altruwista poġġietni għall-adozzjoni. Ma nistax nimmaġina dak li setgħet għaddiet minnu f’dawk id-disa’ xhur—meta tara lin-nies iħarsu lejha waqt li jiġġudikawha kif ġisimha beda jinbidel, dwar l-esperjenzi li tilfet bħala adolexxenti, meta kienet taf li meta kienet se tgħaddi minn dan is-sagrifiċċju ta’ mħabba materna, hija kienet se tpoġġi lit-tarbija tagħha f’idejn ħaddieħor. Jiena verament grata għall-għażla altruwista tagħha, li ma għażlitx li tuża l-volontà tagħha b’mod li ċċaħħad lili mill-volontà tiegħi.” Emily tikkonkludi, “Ninsab grata ħafna għall-pjan divin ta’ Missierna fis-Smewwiet, għall-ġenituri inkredibbli tiegħi li ħabbewni u ħadu ħsiebi, u għat-tempji fejn nistgħu niġu ssiġillati mal-familji tagħna għall-eternità.”15

Immaġni
Ġabra ta’ ritratti

Is-Salvatur “ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom, Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili.”16

Meta x-Xewqat Tajbin Għadhom Ma Ġewx fis-Seħħ

Nesprimi l-imħabba u l-kompassjoni tiegħi għal koppji twajba li jiżżewġu u ma jistgħux ikollhom it-tfal li tant ikunu qed jistennew b’ħerqa u lil dawk in-nisa u l-irġiel li ma kellhomx l-opportunità li jiżżewġu skont il-liġi ta’ Alla. Il-ħolm tal-ħajja li ma ġiex realizzat diffiċli tifhmu jekk tħares lejh biss mill-perspettiva tal-mortalità. Bħala l-qaddej tal-Mulej, inwegħidkom li hekk kif tibqgħu fidili lejn Ġesù Kristu u l-patti tagħkom, intom tirċievu barkiet ta’ kumpens f’din il-ħajja u x-xewqat ġusti tagħkom jiġu fis-seħħ skont l-orarju etern tal-Mulej.17 Aħna jista’ jkollna l-ferħ fil-vjaġġ tal-mortalità anke meta t-tamiet ġusti kollha tagħna ma jiġux fis-seħħ.18

Wara t-twelid, it-tfal ikomplu jeħtieġu l-għajnuna tagħna. Xi wħud għandhom verament bżonnha. Kull sena permezz ta’ isqfijiet li jieħdu ħsiebhom u l-kontribuzzjonijiet ġenerużi tagħkom tal-offerti tas-sawm u tal-fondi umanitarji, jitbierku miljun kbar ta’ tfal. L-Ewwel Presidenza reċentement ħabbret li se tagħti 20 miljun dollaru ieħor biex tassisti lill-UNICEF fl-isforzi globali tagħhom biex jamministraw żewġ biljun vaċċin.19 Alla verament iħobb lil uliedu.

Id-Deċiżjoni Sagra li Jkollok it-Tfal

Jinkwetana l-fatt li anke f’xi wħud mill-aktar pajjiżi sinjuri tad-dinja, qed jitwieldu anqas tfal.20 “Aħna niddikjaraw li l-kmandament ta’ Alla lil uliedu sabiex jitkattru u jimlew id-dinja għadu jgħodd.”21 Meta għandu jkollok u kemm għandu jkollok tfal huma deċiżjonijiet privati ​​li għandhom jittieħdu bejn ir-raġel u martu u l-Mulej. Bil-fidi u t-talb, dawn id-deċiżjonijiet sagri jistgħu jkunu esperjenza sabiħa u rivelatorja.22

Se naqsam magħkom l-istorja tal-familja Laing li huma min-Nofsinhar ta’ Kalifornja. Sister Rebecca Laing kitbet:

Immaġni
Il-familja Laing

“Fis-sajf tal-2011, il-ħajja għall-familja tagħna kienet tidher waħda perfetta. Konna miżżewġin kuntenti b’erbat itfal—li kellhom l-età ta’ 9, 7, 5, u 3 snin. …

“It-tqala u l-ħlas tiegħi dejjem kienu f’riskju għoli … u aħna ħassejna li konna verament imberkin li kellna erbat itfal, fejn konna naħsbu li l-familja tagħna kienet kompluta. F’Ottubru waqt li kont qed nisma’ l-konferenza ġenerali, ħassejt sensazzjoni inkonfondibbli li kien se jkollna tarbija oħra. Hekk kif jien u LeGrand xtarrejna flimkien u tlabna, … aħna konna nafu li Alla kellu pjan differenti għalina milli kellna għalina nfusna.

“Wara tqala u ħlas diffiċli oħra, aħna ġejna mberkin b’tifla mill-isbaħ. Aħna semmejnieha Brielle. Hija kienet miraklu. Ftit wara t-twelid tagħha, waqt li kont għadni fil-kamra tal-ħlas, smajt il-leħen inkonfondibbli tal-Ispirtu jgħidli: ‘Baqa’ oħra.’

“Tliet snin wara, miraklu ieħor, Mia. Brielle u Mia ġabu ferħ tremend fil-familja tagħna.” Hija tikkonkludi, “Li nkunu lesti għad-direzzjoni tal-Mulej u nimxu wara l-pjan tiegħu għalina dejjem iwassal għal kuntentizza akbar milli kieku … niddependu fuq l-għarfien tagħna.”23

Immaġni
Brielle u Mia Laing

Is-Salvatur iħobb lit-tfal prezzjużi kollha.

“U huwa ħa lit-tfal ċkejknin tagħhom, wieħed wieħed, u berikhom. …

“U … huma xeħtu għajnejhom lejn is-smewwiet, … u raw l-anġli neżlin mis-sema … imdawrin bin-nar; u l-anġli … dawru lil dawk iċ-ċkejknin f’ċirku, … u l-anġli bdew jamministawlhom.”24

Jiena nixhed li l-vjaġġ personali tagħkom bħala wlied Alla ma bediex għalikom hekk kif l-ewwel fluss ta’ arja tad-dinja ppenetra l-pulmun tagħkom u mhux se jintemm meta tieħdu l-aħħar nifs tal-ħajja mortali tagħkom.

Jalla aħna nibqgħu niftakru dejjem li l-ulied spirtu ta’ Alla kollha qed jiġu fid-dinja bħala parti mill-vjaġġ personali tagħhom.25 Jalla nilqgħuhom, nieħdu ħsiebhom, u nħobbuhom dejjem. Hekk kif intom tirċievu lil dawn it-tfal prezzjużi f’isem is-Salvatur u tgħinuhom fil-vjaġġ etern tagħhom, inwegħidkom li l-Mulej iberikkom u jixħet fuqkom l-imħabba u l-approvazzjoni tiegħu. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Korrispondenza personali.

  2. Korrispondenza personali. “Jiena Naf li l-Feddej Tiegħi Jgħix,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, paġna 38.

  3. Korrispondenza personali.

  4. Doctrine and Covenants 42:45.

  5. Joseph F. Smith, f’Conference Report, Apr. 1916, 3.

  6. F’Trent Toone, “‘A Fulness of Joy’: President Nelson Shares Message of Eternal Life at His Daughter’s Funeral,” Church News, 19 ta’ Jan. 19, thechurchnews.com.

  7. Ara “Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” ChurchofJesusChrist.org.

  8. Doctrine and Covenants 138:56.

  9. Ġeremija 1:5 It-Testment il-Ġdid jitkellem dwar Ġwanni l-Battista qabel ma twieled jaqbeż fil-ġuf waqt li Eliżabetta ltaqgħet ma’ Marija, li kienet qed tistenna lit-tarbija Ġesù (ara Luqa 1:41).

  10. Il-pożizzjoni uffiċjali tal-Knista ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien:

    “Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien temmen fis-santità tal-ħajja umana. Għalhekk, il-Knisja topponi l-abort elettiv għall-konvenjenza personali jew soċjali, u tagħti parir lill-membri tagħha biex ma jissottomettux ruħhom għal tali abort, ma jwettquhx, ma jinkoraġġuhx, u lanqas iħallsu jew jirranġaw għalih.

    “Il-Knisja tippermetti eċċezzjonijiet possibbli għall-membri tagħha meta:

    “It-tqala tirriżulta minn stupru jew inċest, jew

    “Tabib kompetenti jiddetermina li l-ħajja jew is-saħħa tal-omm tinsab f’periklu serju, jew

    “Tabib kompetenti jiddetermina li l-fetu għandu difetti severi li ma jippermettux lit-tarbija tibqa’ ħajja wara t-twelid.

    “Il-Knisja tgħallem lill-membri tagħha li anke dawn l-eċċezzjonijiet rari ma jiġġustifikawx l-abort awtomatikament. L-abort huwa ħaġa mill-aktar serja u għandu jiġi kkunsidrat biss wara li l-persuni involuti jkunu kkonsultaw mal-mexxejja tal-knisja lokali tagħhom u jħossu permezz tat-talb personali li d-deċiżjoni tagħhom hija korretta.

    “Il-Knisja ma ffavorixxietx jew opponiet proposti leġislattivi jew dimostrazzjonijiet pubbliċi dwar l-abort” (“Abortion,” Kamra tal-Aħbarijiet, newsroom.ChurchofJesusChrist.org; ara wkoll General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 38.6.1, ChurchofJesusChrist.org).

  11. Gordon B. Hinckley, “Walking in the Light of the Lord,” Ensign, Nov. 1998, 99; Liahona, Jan. 1999, 117.

    Il-President Gordon B. Hinckley qal:

    “L-abort huwa ħaġa kerha, ħaġa li tiddegrada, ħaġa li inevitabbilment iġġib rimors u niket u dispjaċir.

    “Filwaqt li niddenunzjawh, nistgħu nifhmu biss li persuna tiddeċiedi li tabortixxi f’ċirkostanzi bħal meta t-tqala tkun ir-riżultat ta’ inċest jew stupru, meta l-ħajja jew is-saħħa tal-omm tiġi deskritta minn xi awtorità medika kompetenti li tkun f’periklu serju, jew meta l-fetu jkun ikkunsidrat minn awtorità medika kompetenti li għandu difetti serji li ma jippermettux lit-tarbija tibqa’ ħajja wara t-twelid.

    “Iżda każijiet bħal dawn huma rari, u hemm biss probabbiltà negliġibbli li dawn iseħħu. F’dawn iċ-ċirkostanzi, dawk li jiffaċċjaw din is-sitwazzjoni huma mitluba jikkonsultaw mal-mexxejja ekkleżjastiċi lokali tagħhom u jitolbu bis-serjetà, u jaraw li jirċievu konferma permezz tat-talb qabel ma jipproċedu” (“What Are People Asking about Us?,” Ensign, Nov. 1998, 71; Liahona, Jan. 1999, 83–84).

  12. Ara Neil L. Andersen, The Divine Gift of Forgiveness (2019), 25.

    F’okkażjoni partikolari fi Franza, waqt intervista għall-magħmudija, waħda mara tkellmet miegħi dwar abort li hi kienet għamlet ħafna snin qabel. Jien kont grat għat-tjubija tagħha. Hija kienet tgħammdet. Xi sena wara, irċevejt telefonata. Din il-mara meraviljuża fis-sena li kienet għaddiet mill-magħmudija tagħha kienet ġiet mgħallma mill-Ispirtu s-Santu. Hija bdiet tolfoq waqt li qaltli: “Tiftakar … kont għedtlek dwar abort li għamilt snin ilu? Iddispjaċieni għal li għamilt. Iżda din is-sena li għaddiet biddlitni. … Qalbi daret lejn is-Salvatur. … Verament inħossni mnikkta bil-gravità tad-dnub tiegħi għax m’għandi l-ebda mod kif nista’ nirrestawra s-sitwazzjoni.”

    Stajt inħoss l-imħabba immensa tal-Mulej għal din il-mara. Il-President Boyd K. Packer qal: “Li jirrestawra dak li ma tistax tirrestawra, li jfejjaq il-ġerħa li ma tistax tfejjaq, li jsewwi dak li int kissirt u ma tistax issewwi huwa sewwasew l-għan tal-espjazzjoni ta’ Kristu. Meta x-xewqa tiegħek tkun soda u int tkun lest li tħallas sa ‘l-aħħar tliet ħabbiet,’ [ara Mattew 5:25–26], il-liġi tar-restituzzjoni tiġi sospiża. Inti tittrasferixxi l-obbligu tiegħek lill-Mulej. Huwa jħallas il-kontijiet tiegħek” (“The Brilliant Morning of Forgiveness,” Ensign,, Nov. 1995, 19–20). Jien assigurajtha li s-Salvatur kien iħobbha. Il-Mulej mhux biss ħelesha mid-dnub tagħha, Huwa saħħaħ u rraffina l-ispirtu tagħha. (Ara Neil L. Andersen, The Divine Gift of Forgiveness, 154–56.)

  13. Ara Dallin H. Oaks, “Protect the Children,” Liahona, Nov. 2012, 43–46.

  14. Is-salvagwardja tal-ħajja ta’ bint jew iben Alla hija wkoll ir-responsabbiltà tal-missier. Kull missier għandu responsabbiltà emozzjonali, spiritwali, u finanzjarja biex jilqa’, iħobb, u jieħu ħsieb it-tarbija li ġejja fid-dinja.

  15. Korrispondenza personali.

  16. Mark 9:36–37.

  17. Ara Neil L. Andersen, “A Compensatory Spiritual Power for the Righteous” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young, 18 ta’ Aww, 2015), speeches.byu.edu.

  18. Ara Dallin H. Oaks, “The Great Plan of Happiness,” Ensign, Nov. 1993, 75; ara wkoll Russell M. Nelson, “Choices,” Ensign, Nov. 1990, 75.

  19. Ara “Bishop Caussé Thanks UNICEF and Church Members for COVID-19 Relief,” Kamra tal-Aħbarijiet, 5 ta’ Mar., 2021, newsroom.ChurchofJesusChrist.org.

  20. Per eżempju, li kieku l-Istati Uniti żammet ir-rata tal-fertilità tagħha tal-2008, qed ngħidu biss 13-il sena ilu, kieku llum hawn 5.8 miljun tifel u tifla aktar ħajjin (ara Lyman Stone, “5.8 Million Fewer Babies: America’s Lost Decade in Fertility,” Institute for Family Studies, 3 ta’ Feb., 2021, ifstudies.org/blog).

  21. Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja,” ChurchofJesusChrist.org. L-iskrittura tgħidilna li “l-ulied huma wirt il-Mulej” (Salm 127:3). Ara Russell M. Nelson, “How Firm Our Foundation,” Liahona, Lulju 2002, 83–84; ara wkoll Dallin H. Oaks, “Il-Verità u l-Pjan,” Liahona, Nov. 2018, 27.

  22. Ara Neil L. Andersen, “Children,” Liahona, Nov. 2011, 28.

  23. Korrispondenza personali, 10 ta’ Mar., 2021.

  24. 3 Nephi 17:21, 24.

  25. “Fir-realtà, aħna lkoll vjaġġaturi—saħansitra esploraturi tal-mortalità. M’għandniex il-benefiċċju ta’ xi esperjenza personali preċedenti. Jeħtieġ li aħna ngħaddu minn fuq preċipizzji weqfin u ilmijiet imqallba fil-vjaġġ tagħna hawn fuq l-art” (Thomas S. Monson, “The Bridge Builder,” Liahona, Nov. 2003, 67).