Konferenza Ġenerali
Konverżazzjonijiet Essenzjali
konferenza ġenerali April 2021


Konverżazzjonijiet Essenzjali

Aħna ma nistgħux noqogħdu nistennew li t-tfal tagħna sempliċiment jikkonvertu. Il-konverżjoni aċċidentali mhijiex prinċipju tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Ġieli ħsibtu għalfejn il-Primarja nsejħulha “Primarja”? Filwaqt li l-isem jirreferi għat-tagħlim spiritwali li t-tfal jirċievu fl-ewwel snin ta’ ħajjithom, għalija l-frażi tfakkarna wkoll f’verità mill-aktar importanti. Għal Missierna fis-Smewwiet, it-tfal qatt ma kienu sekondarji—kienu dejjem “primarji.”1

Hu għandu fiduċja fina li aħna sejrin napprezzawhom, nirrispettawhom, u nipproteġuhom bħala wlied Alla. Dan ifisser li aħna qatt m’aħna b’xi mod se nweġġgħuhom fiżikament, verbalment, jew emozzjonalment, anke meta nħossu ċerta tenzjoni u nkunu taħt pressjoni. Minflok għandna napprezzaw lit-tfal u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nikkumbattu l-ħażen tal-abbuż. Li nieħdu ħsiebhom hi ħaġa mill-aktar primarja għalina—kif inhi għalih.2

Koppja żagħżugħa poġġew bilqiegħda madwar il-mejda tal-kċina jitkellmu dwar l-affarijiet tal-jum. F’ħin minnhom semgħu ħoss ġew mill-kuritur. “Dan x’kien?” staqsiet l-omm.

Imbagħad huma semgħu lit-tifel tagħhom ta’ erba’ snin jibki bil-mod fil-kamra tas-sodda tiegħu. Huma telqu b’ġirja fil-kuritur. Sabuh mal-art ħdejn is-sodda tiegħu. L-omm refgħet lit-tifel ċkejken u staqsietu x’kien ġara.

Huwa qalilha, “Waqajt mis-sodda.”

Hija qalet, “Għalfejn waqajt mis-sodda?”

Waqt li għolla spalltu qal, “Ma nafx. Naħseb li ma kontx biżżejjed ’il ġewwa.”

Hu sewwasew dwar din li “ma nkunux biżżejjed ’il ġewwa” li nixtieq inkellimkom dalgħodu. Hu l-privileġġ u r-responsabbiltà tagħna li ngħinu lit-tfal “ikunu biżżejjed ’il ġewwa” fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. U qatt mhu kmieni wisq biex nibdew.

Hemm żmien unikament speċjali fil-ħajja tat-tfal meta huma jkunu protetti mill-influwenza ta’ Satana. Hu ż-żmien meta fih huma jkunu innoċenti u ħielsa mid-dnub.3 Hu żmien sagru għall-ġenituri u l-ulied. It-tfal jiġi mgħallmin, bil-kelma u bl-eżempju, qabel u wara li huma jkunu “waslu fis-snin tal-kontabilità quddiem Alla.”4

Il-President Henry B. Eyring għallem: “Aħna għandna l-akbar opportunità fejn jidħlu t-tfal. L-aqwa żmien biex ngħallmuhom huwa fl-ewwel snin, meta t-tfal ikunu għadhom mhumiex suġġett għat-tentazzjoni tal-għadu mortali, u żmien sew qabel ikun aktar diffiċli għalihom li jisimgħu l-kliem tal-verità qalb l-istorbju tat-taqbid personali tagħhom.”5 Dan it-tagħlim jgħinhom jagħrfu l-identità divina tagħhom, l-għan tagħhom, u l-barkiet meraviljużi li hemm jistennewhom hekk kif jagħmlu ċerti patti sagri u jirċievu l-ordinanzi tul it-triq tal-patt.

Aħna ma nistgħux noqogħdu nistennew li t-tfal tagħna sempliċiment jikkonvertu. Il-konverżjoni aċċidentali mhijiex prinċipju tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Li nsiru bħas-Salvatur tagħna mhux xi ħaġa li ssir b’mod każwali. Li intenzjonalment aħna nħobbu u ngħallmu lil uliedna u naqsmu x-xhieda tagħna magħhom jista’ jgħinhom minn età żgħira jħossu l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu hu essenzjali għat-testimonjanza u l-konverżjoni f’Ġesù Kristu ta’ wliedna; aħna nixtiquhom biex “dejjem jiftakru fih, ħalli jkunu jistgħu jkollhom l-Ispirtu tiegħu magħhom.”6

Immaġni
Konverżazzjoni fil-familja

Ikkunsidraw il-valur tal-konverżazzjonijiet fil-familja dwar l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, konverżazzjonijiet essenzjali, li jistgħu jistiednu l-Ispirtu. Meta aħna jkollna dawn it-tip ta’ konverżazzjonijiet ma’ wliedna, aħna ngħinuhom joħolqu pedament, “pedament fiż-żgur, pedament li jekk il-bnedmin jibnu fuqu ma jistgħux jikkrollaw.”7 Meta aħna nsaħħu t-tfal, aħna nsaħħu l-familja.

Dawn id-diskussjonijiet importanti jistgħu jwasslu lit-tfal biex:

  • Jifhmu d-duttrina tal-indiema.

  • Ikollhom il-fidi fi Kristu, Iben Alla l-ħaj.

  • Jagħżlu l-magħmudija u d-don tal-Ispirtu s-Santu meta jkollhom tmien snin.8

  • U jitolbu u “jimxu bla ħtija quddiem il-Mulej.”9

Is-Salvatur talabna, “Għalhekk jien nagħtikom kmandament, biex tgħallmu dawn l-affarijiet minn jeddkom lil uliedkom.”10 U xi jridna ngħallmu daqstant minn jeddna?

  1. Il- Waqgħa ta’ Adam

  2. L-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu

  3. L-importanza li nitwieldu mill-ġdid11

Il-Presbiteru D. Todd Christofferson qal, “Ċertament l-avversarju jieħu gost meta l-ġenituri jittraskuraw milli jgħallmu u jħarrġu lil uliedhom sabiex ikollhom il-fidi fi Kristu u jerġgħu jitwieldu spiritwalment mill-ġdid.”12

B’kuntrast għal dan, is-Salvatur iridna li ngħinu lit-tfal “jafdaw f’dak l-Ispirtu li jwassalhom biex jagħmlu t-tajjeb.”13 Biex nagħmlu dan, aħna nistgħu nassistu lit-tfal ħalli huma jagħrfu meta jkunu qed iħossu l-Ispirtu kif ukoll liema huma l-affarijiet li jwassalu biex l-Ispirtu ma jibqax magħhom. B’hekk huma jitgħallmu jindmu u jerġgħu lura għad-dawl permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Din l-għajnuna tinkoraġġixxi r-reżiljenza spiritwali.

Aħna nistgħu nieħdu gost ngħinu lil uliedna jibnu r-reżiljenza spiritwali, hi x’inhi l-età tagħhom. Mhemmx għalfejn tkun xi ħaġa ikkumplikata jew li tieħu ħafna ħin. Ċerti konverżazzjonijiet sempliċi u ta’ mħabba jistgħu jwasslu lit-tfal biex ikunu jafu mhux biss x’inhu dak li jemmnu, iżda fuq kollox, għaliex jemmnu dan. Konverżazzjonijiet ta’ mħabba, li jseħħu b’mod naturali u konsistenti, jistgħu jwasslu għal għarfien u tweġibiet aħjar. Ejjew ma nħallux il-konvenjenza tal-apparat elettroniku żżommna milli ngħallmu u nisimgħu lil uliedna u li nħarsu dritt f’għajnejhom.

Immaġni
Konverżazzjoni bejn omm u bintha

Opportunitajiet oħra biex ikollna konverżazzjonijiet essenzjali jistgħu jseħħu billi nirreċtaw xi episodju li nkunu esperjenzajna. Il-membri tal-familja jistgħu jirreċtaw xi sitwazzjonijiet ta’ meta ffaċċjaw ċerta tentazzjoni jew pressjoni biex jagħmlu għażla ħażina. Din it-tip ta’ attività tista’ tiffortifika lit-tfal biex ikunu preparati b’sitwazzjonijiet diffiċli. Per eżempju, aħna nistgħu nirreċtaw is-sitwazzjoni u wara niddiskutuha flimkien hekk kif nistaqsu lit-tfal x’jagħmlu:

  • Jekk iħossu t-tentazzjoni li jiksru l-Kelma tal-Għerf.

  • Jekk ikunu esposti għall-pornografija.

  • Jekk iħossu t-tentazzjoni li jigdbu, jisirqu, jew iqarrqu.

  • Jekk jisimgħu xi ħaġa minn xi ħabib jew għalliem fl-iskola li tmur kontra t-twemmin jew il-valuri tagħhom.

Hekk kif huma jirreċtaw din is-sitwazzjoni u jiddiskutuha, minflok ma jinqabdu mhux preparati f’ambjent ostili fost sħahom, it-tfal jistgħu jkunu armati permezz tat-“tarka tal-fidi; li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-ħażen.”14

Ħabib personali tagħna tgħallem din il-lezzjoni kruċjali meta hu kien għadu żagħżugħ ta’ 18-il sena. Huwa nkiteb fil-militar tal-Istati Uniti waqt il-kunflitt bejn l-Istati Uniti u l-Vjetnam. Bagħtuh jagħmel taħriġ bażiku fl-infanterija biex isir suldat. Hu spjega li t-taħriġ kien mill-aktar diffiċli. Hu ddeskriva l-għalliem tiegħu bħala bnieden krudili u inuman.

Jum fost l-oħrajn hu u l-iskwadra tiegħu kienu lebsin bl-ilbies komplut għall-battalja, u bdew mexjin fi sħana qawwija. F’daqqa waħda l-għalliem talabhom b’vuċi għolja biex jinxteħtu mal-art u ma jiċċaqalqux. L-għalliem qagħad attent jilmaħx l-iċken mossa. Kwalunkwe moviment kien jirriżulta f’konsegwenzi serji aktar tard. Il-membri tal-iskwadra sofrew għal aktar minn sagħtejn fis-sħana mimlijin rabja u riżentiment lejn il-mexxej tagħhom.

Bosta xhur wara, il-ħabib tagħna spiċċa jmexxi l-iskwadra tiegħu qalb il-ġungla tal-Vjetnam. Issa kienet realtà mhux sempliċiment taħriġ. Diversi tiri bdew jiġu sparati mil-għoli qalb is-siġar ta’ madwarhom. Il-membri kollha tal-iskwadra f’daqqa waħda nxteħtu mal-art.

X’beda jfittex li jara l-għadu? Xi moviment. Kwalunkwe mossa kienet twassal biex jinfetaħ in-nar fuqhom. Sieħbi qal li hekk kif kien mixħut mimli għaraq bla ma jitħarrek mal-art tal-ġungla, jistenna għal sigħat sħaħ li jidlam, beda jirrifletti f’moħħu dwar it-taħriġ bażiku li kellu. Hu ftakar kemm ma kienx jista’ għall-għalliem li kellu. Issa ħass fih gratitudni intensa—għal dak li kien għallmu u l-mod kif kien ippreparah għal din is-sitwazzjoni kritika. L-għalliem tas-suldati b’mod għaqli pprepara lill-ħabib tagħna u l-iskwadra tiegħu bl-abbiltà li jkunu jafu x’għandhom jagħmlu meta l-battalja tiqliel. Huwa, fil-fatt, salva l-ħajja tal-ħabib tagħna.

Kif nistgħu nagħmlu l-istess għal uliedna spiritwalment? Ħafna qabel jidħlu fil-kamp tal-battalja tal-ħajja, aħna kif nistgħu nagħmlu l-almu tagħna biex ngħallmuhom, niffortifikawhom, u nippreparawhom?15 Kif nistgħu nistednuhom biex “ikunu biżżejjed ’il ġewwa”? Ma nippreferux aħna li nħalluhom “jimtlew kollhom għaraq” f’ambjent sigur tat-tagħlim tad-dar milli jċarċru demmhom fil-kamp tal-battalja tal-ħajja?

Hekk kif inħares lura, kien hemm żminijiet meta jien u r-raġel ħassejna li konna qisna l-għalliema tas-suldati fil-ħerqa li kellna biex ngħinu lil uliedna jgħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Il-profeta Ġakobb jidher li ried jgħaddilna dawn l-istess sentimenti meta qal: “Jien ninkwieta ħafna għall-benesseri ta’ ruħkom. Iva, verament anzjuż għalikom; u intom stess tafu li jien minn dejjem hekk kont.”16

Hekk kif it-tfal jitgħallmu u javvanzaw, it-twemmin tagħhom se jiġi sfidat. Iżda hekk kif ikunu armati b’mod xieraq, huma jistgħu jikbru fil-fidi, fil-kuraġġ, u l-kunfidenza, anke qalb oppożizzjoni kbira.

Alma għallimna biex “inħejju moħħ it-tfal.”17 Aħna qed inħejju lill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa biex ikunu d-difensuri futuri tal-fidi, biex jifhmu “li huma ħielsa li jaġixxu għalihom infushom—li jagħżlu t-triq tal-mewt ta’ dejjem jew it-triq tal-ħajja eterna.”18 It-tfal jistħoqqilhom li jifhmu din il-verità importanti: żgur li mhux tajjeb li nkunu żbaljati dwar l-eternità.

Jalla l-konverżazzjonijiet sempliċi minkejja li essenzjali tagħna ma’ wliedna jgħinuhom biex bħalissa “igawdu l-kliem tal-ħajja eterna,” ħalli jkunu jistgħu jgawdu “l-ħajja eterna fid-dinja li jmiss, sewwasew il-glorja immortali.”19

Hekk kif aħna nrawmu u nħejju lil uliedna, aħna nagħtuhom id-dritt għall-volontà tagħhom, aħna nħobbuhom b’qalbna kollha, aħna ngħallmuhom il-kmandamenti ta’ Alla u d-don tiegħu tal-indiema, u qatt u qatt, ma naqtgħu qalbna minnhom. Wara kollox, mhux dan il-mod kif il-Mulej jimxi magħna lkoll?

Ejjew “nibqgħu mexjin ’il quddiem b’sodezza fi Kristu,” fejn nafu li jista’ jkollna “dija perfetta ta’ tama”20 permezz tas-Salvatur tagħna kollu mħabba.

Jiena nixhed li Huwa dejjem it-tweġiba tagħna. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.

Noti

  1. Ara 3 Nephi 17:23–24.

  2. Ara Michaelene P. Grassli, “Behold Your Little Ones,” Ensign, Nov. 1992, 93: “Għalija, il-kelma araw hija sinifikanti. Timplika aktar milli sempliċiment ‘inħarsu u naraw.’ Meta l-Mulej talab lin-Nefiti biex jaraw liċ-ċkejknin tagħhom, nemmen li qalilhom biex jiddedikaw ħin għal uliedhom, jikkontemplaw dwarhom, u jħarsu lil hinn mill-preżent u jaraw il-possibiltajiet eterni tagħhom.”

    Ara Russell M. Nelson, “Listen to Learn,” Ensign, May 1991, 22: “Li tmexxi lit-tfal bil-forza hija t-teknika ta’ Satana, mhux tas-Salvatur. Le, it-tfal mhumiex tagħna. Il-privileġġ tagħna bħala ġenituri hu li nħobbuhom, li mmexxuhom, u li nħalluhom imorru għal rashom.”

  3. Ara Doctrine and Covenants 29:46–47.

  4. Doctrine and Covenants 20:71.

  5. Henry B. Eyring, “The Power of Teaching Doctrine,” Liahona, Lulju 1999, 87.

  6. Doctrine and Covenants 20:79.

  7. Helaman 5:12.

  8. Ara Doctrine and Covenants 68:25; ara wkoll Artikli tal-Fidi 1:4.

  9. Doctrine and Covenants 68:28.

  10. Moses 6:58; enfażi miżjuda.

  11. Ara Moses 6:59; ara wkoll Doctrine and Covenants 20:29–31.

  12. D. Todd Christofferson, “Why Marriage, Why Family?,” Liahona, Mejju 2015, 52.

  13. Ara Doctrine and Covenants 11:12–13; ara wkoll Doctrine and Covenants 93.

  14. Doctrine and Covenants 27:17; enfażi miżjuda; ara wkoll Marion G. Romney, “Home Teaching and Family Home Evening,” Improvement Era, Ġunju 1969, 97: “Satana, l-għadu tagħna, jinsab f’attakk sfrenat fuq is-sewwa. Il-forzi mill-aktar organizzati tiegħu huma leġjun. It-tfal u ż-żgħażagħ tagħna huma l-mira tal-attakki tiegħu. Kull fejn ikunu huma suġġett għall-propoganda diabolika u qerrieda tiegħu. Kull fejn iduru, iħabbtu wiċċhom mal-ħażen, imħajrin b’mod makkakk biex iqarrqu u jeqirdu kull ħaġa sagra u kull prinċipju ġust. … Jekk uliedna jrid li jkollhom qawwa suffiċjenti biex jieqfu kontra dan l-attakk sataniku, jeħtieġ li huma jiġu mgħallmin u mħarrġa fid-dar, kif jgħidilna nagħmlu l-Mulej.”

  15. Ara Russell M. Nelson, “Children of the Covenant,” Ensign, Mejju 1995, 32:

    “Snin ilu, meta kont għadni student żagħżugħ tal-mediċina jiena rajt bosta pazjenti morda b’mard li llum jitfejjaq. Illum hu possibbli li tlaqqam lin-nies kontra kundizzjonijiet li żmien ilu kienu jżommuhom milli jkomplu jgħixu ħajja normali—u saħansitra kien jwasslu għall-mewt. Metodu mediku kif tista’ tinkiseb l-immunità hu permezz tat-tilqim. It-terminu bl-Ingliż għall-kelma tilqim inoculate hu mill-aktar affaxxinanti. Ġej minn żewġ kelmiet Latini: in, li tfisser ‘ġewwa’; u oculus, li tfisser ‘għajn.’ Il-verb għall-kelma Ingliża to inoculate, għalhekk, letteralment ifisser ‘li tpoġġi għajn fuq ġewwa’—li tħares dejjem kontra l-periklu.

    “Ċertu mard bħal poljo jista’ jkisser jew jeqred lill-ġisem. Mard bħad-dnub jista’ jkisser jew jeqred l-ispirtu. Il-ħsara li jagħmel il-poljo issa tista’ tiġi evitata permezz tat-tilqim, iżda l-ħsara li jagħmel id-dnub jeħtieġ mezzi oħra ta’ prevenzjoni. It-tobba ma jistgħux ilaqqmu kontra l-ħażen. Il-protezzjoni spiritwali tiġi biss mingħand il-Mulej—u bil-mod kif irid Hu. Ġesù jagħżel li ma jlaqqamx, iżda li jgħallem. Il-metodi tiegħu ma fih l-ebda vaċċin; juża biss it-tagħlim tad-duttrina divina —‘għajn fuq ġewwa’ li tmexxina—li tipproteġi l-ispirti eterni ta’ wliedu.”

  16. 2 Nephi 6:3.

  17. Alma 39:16.

  18. 2 Nephi 10:23.

  19. Moses 6:59; enfażi miżjuda.

  20. 2 Nephi 31:20.