Konferenza Ġenerali
Ersqu Lejn Kristu u Tersqux Weħidkom
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Ersqu Lejn Kristu u Tersqux Weħidkom

L-aqwa mod kif intom tistgħu ttejbu d-dinja hu billi nistiednu lil kulħadd ħalli jimxi warajh.

M’ilux irċevejt ittra mingħand tfajla mill-aktar inkwiżittiva. Hi kitbet: “Inħossni mitlufa. … Ma nafx eżatt min jiena, iżda nħoss li ninsab hawn għal xi ħaġa grandjuża.”

Qatt ħassejtukom qiskom mitlufin, tistaqsu lilkom infuskom jekk Missierna fis-Smewwiet jafx min intom jew jekk għandux bżonnkom? Għeżież żgħażagħ, u dawk kollha li qed tisimgħuni, nixhed li t-tweġiba hi iva! Il-Mulej għandu pjan għalikom. Hu ippreparakom għal dan iż-żmien, bħalissa, biex tkunu qawwa u forza għat-tajjeb fil-ħidma setgħana tiegħu. Aħna għandna bżonnkom! Żgur li ma tkunx grandjuża mingħajrkom!

Taħt ċirkustanzi sagri, il-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, darba fakkarni dwar żewġ veritajiet sempliċi li huma fundamentali għall-ħidma grandjuża u glorjuża tagħkom.

Waqt li kont bilqiegħda ma’ żewġi fuq is-sufan, il-profeta tagħna ġibed is-siġġu li kien fuqu lejna, kważi irkoppa ma’ rkoppa magħna, u ħares lejja bl-għajnejn koħol u penetranti tiegħu. Ma kontx ċerta jekk qalbi bdietx tħabbat sitta sitta jew kenitx waqfet għal kollox hekk kif sejjaħli biex inservi bħala l-President Ġenerali tat-Tfajliet. Hu staqsa mistoqsija li għadha tidwi f’qalbi, “Bonnie, x’inhi l-aktar ħaġa importanti li ż-żgħażagħ jeħtieġ li jkunu jafu?”

Jien xtarrejt għal ftit ħin u weġibt, “Jeħtieġ ikunu jafu min huma.”

“IVA!” qalli b’ħerqa, “u jeħtieġ ikunu jafu x’inhu l-għan tagħhom.”

L-Identità Divina Tagħna

Intom ulied għeżież ta’ Missierna fis-Smewwiet. Hu jħobbkom b’daqstant perfezzjoni li bagħat lil Ibnu, Ġesù Kristu, biex ipatti għalikom u għalija.1 L-imħabba tas-Salvatur għalina ma tintemm qatt—anke meta aħna naqgħu! Xejn ma jista’ jifridna mill-imħabba ta’ Alla.2 Li tibqgħu tiftakru din l-imħabba jgħinkom biex tkeċċu minn ħdejkom il-konfużjoni tad-dinja li tipprova ddgħajjef l-identità divina tagħkom u ċċaħħadkom mill-potenzjal tagħkom.

Waqt konferenza tal-GħSŻ, jien iltqajt ma’ żewġ tfajliet li kienu għaddejjin minn żmien diffiċli. It-tnejn semmew li kienu daru lejn il-barka patrijarkali tagħhom biex jiskopru mill-ġdid l-imħabba u l-gwida tal-Mulej għalihom personalment. Sibu l-barka patrijarkali tagħkom, farfru t-trab minn fuqha jekk hemm bżon, iżda studjawha ta’ spiss. Jekk m’għandkomx waħda, iksbuha—iddumux. Toqogħdux taħsbuha biex issibu xi jridkom tkunu tafu l-Mulej dwar min verament intom.

L-Għan Etern Tagħna

It-tieni verità li kellimna dwarha l-President Nelson dak inhar kienet li nkunu nafu l-għan tagħna. Dan hu d-dmir kbir u nobbli tagħna.

Bosta snin ilu, ibni Tanner kellu madwar ħames snin meta lagħab l-ewwel logħba futbol tiegħu. Hu kien fis-seba’ sema!

Meta wasalna għal-logħba, irrealizzajna li t-tìm tiegħu kien qed juża lasta tal-futbol ta’ qis normali—mhux lasta żgħira minn dawk li jinfetħu iżda xibka kbira ħafna li kienet tidher twila wisq għal tfal ta’ ħames snin.

Il-logħba ħadet dimensjoni mitika meta rajt lil Tanner jieħu postu fil-lasta. Issorprendejt vera ruħi. Tgħid kien qed jifhem verament l-għan tiegħu li jiddefendi x-xibka?

Saffret is-suffara, u tant konna moħħna fil-logħba li nsejnieh lil Tanner. F’daqqa waħda wieħed mill-plejers tat-tìm oppost ħa l-ballun u baqa’ tiela’ b’ġirja lejh. Ħarist fid-direzzjoni ta’ Tanner biex inkun ċerta li kien lest li juri x’jaf u jiddefendi l-lasta. Rajt xi ħaġa li ma kontx qed nistenna.

Immaġni
Tifel jilgħab bħala gowler

F’ħin minnhom waqt il-logħba, Tanner aljena ruħu u beda jdaħħal driegħu tax-xellug fil-ħafna toqob tax-xibka. Imbagħad għamel l-istess b’driegħu tal-lemin. Wara b’siequ x-xellugija. Finalment għamel l-istess b’siequ l-leminija. Tanner intilef kompletament fix-xibka. Hu kien nesa l-għan tiegħu u x’kien mistenni minnu.

Immaġni
Tifel imħabbel f’xibka

Filwaqt li l-karriera ta’ Tanner bħala plejer tal-futbol ma damitx wisq, il-lezzjoni li tgħallimt minnu dak inhar mhux se ninsieha. Aħna lkoll xi kultant naljenaw ruħna minn fejn ninsabu bħalissa u naħlu l-enerġiji tagħna xi mkien ieħor. Waħda mill-aktar armi effettivi ta’ Satana hi li jaljenana permezz ta’ kawżi tajbin u aħjar li, f’mumenti ta’ bżonn, jafu jagħmuna u jbegħduna mill-aqwa kawża—mill-istess ħidma li ssejjaħna għaliha f’din id-dinja.3

L-għan etern tagħna hu li nersqu lejn Kristu u b’mod attiv ningħaqdu miegħu fil-ħidma kbira tiegħu. Hi ħaġa sempliċi daqs li nagħmlu dak li għallimna l-President Nelson: “Kull darba li nagħmlu xi ħaġa biex ngħinu lil ħaddieħor … jagħmel u jħares il-patti tiegħu ma’ Alla,” għallem il-President Nelson, “inkunu qed ngħinu fil-ġabra ta’ Iżrael.”4 U meta nwettqu l-ħidma tiegħu flimkien miegħu, insiru nafuh u nħobbuh aktar.

Aħna kontinwament infittxu li nersqu aktar viċin tas-Salvatur permezz tal-fidi, li nħaddnu l-indiema, u nħarsu l-kmandamenti. Hekk kif ningħaqdu miegħu permezz tal-patti u l-ordinanzi, ħajjitna timtela b’aktar kunfidenza,5 protezzjoni,6 u ferħ kbir u dejjiem.7

Hekk kif immorru għandu, nibdew naraw lill-oħrajn kif jarahom hu.8 Ejjew għand Kristu. Ejjew issa, iżda tiġux weħidkom!9

L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu mhuwiex biss sabiħ; hu essenzjali għal kulħadd. “M’hemm l-ebda mod jew mezz ieħor kif il-bniedem jista’ jsalva, ħlief fi Kristu u permezz ta’ Kristu.”10 Aħna neħtieġu lil Ġesù Kristu! Id-dinja teħtieġ lil Ġesù Kristu.11

Ftakru, l-aqwa mod kif intom tistgħu ttejbu d-dinja hu billi nistiednu lil kulħadd ħalli jimxi warajh.

Fil-Ktieb ta’ Mormon insibu storja li tqanqlek li titkellem dwar is-Salvatur imqajjem mill-imwiet iqatta’ ħinu man-Nefiti Tistgħu timmaġinawha dik l-esperjenza?

Hekk kif Kristu ħabbar li Hu kellu jerġa’ lura għand il-Missier, “hu reġa’ ta ħarsa madwaru.”12 Meta ra d-dmugħ f’għajnejn in-nies, Hu kien jaf li x-xewqa ta’ qalbhom kienet li jibqa’ aktar magħhom.

Immaġni
Is-Salvatur jistieden lin-Nefiti biex ifiequ

Hu staqsiehom: “Hemm xi nies morda fostkom? Ġibuhom hawn. Hemm min hu magħtub, jew għami, … jew trux, jew li qed isofru b’xi mod? Ġibuhom hawn u jien infejjaqhom.”13

B’kompassjoni kbira, Hu ma stabbilixxa l-ebda limitu u sejjaħ lil dawk kollha “li qed isofru b’xi mod.” Vera tolqotni l-ħaġa li xejn mhu kbir wisq jew żgħir wisq għal Ġesù Kristu biex ifejqu.

Hu jifhem ukoll it-tbatija tagħna u jitlobna, Ġibu quddiemi lil dawk li għaddejjin minn xi dipressjoni, lil min iħossu għajjien, lill-imkabbrin u lil dawk li jħossuhom insikuri, lil dawk li ma jifhimhom ħadd u li jinsabu weħidhom jew lil dawk li “qed isofru b’xi mod.”

Immaġni
Is-Salvatur ifejjaq

U lkoll “marru għandu … ; u hu fejjaqhom ilkoll. …

“… Kemm dawk li ġew imfejqin, u dawk li kienu b’saħħithom, inxteħtu quddiem riġlejh u bdew iqimuh.”14

Kull darba li naqra dan, jien nistaqsi: Lil min se nressaq lejn Kristu? Lil min intom se tieħdu?

Nistgħu nerġgħu inħarsu madwarna, kif għamel Hu, biex niżguraw li ma nimmissjaw lil ħadd u li kulħadd hu mistieden biex imur u jsir jafu?

Ippermettuli naqsam magħkom eżempju dwar kemm din tista’ tkun ħaġa sempliċi. Il-ħabiba tiegħi Payton, li għandha 15-il sena, kellha għan li taqra ħames versi mill-iskrittura kuljum waqt il-kolazzjon, iżda hi m’għamlitx dan waħedha. Wara li reġgħet ħasbitha, Peyton stiednet lill-ġenituri tagħha u lil ħutha, anke lil ħuha ta’ ħames snin. Dan l-att li jidher verament żgħir hu dak li kien qed jgħallem Kristu meta stedinna, “Ġibuhom hawn.”

Din l-istedina mill-Mulej għadha tgħodd sal-lum. Intom it-tfajliet u l-ġuvintur, ibdew issa, fl-istess dar tagħkom. Lesti titolbu u tistaqsu lil Missierna fis-Smewwiet kif intom tistgħu tissapportjaw lill- ġenituri tagħkom hekk kif ikomplu jersqu lejn Kristu? Huma bżonnkom daqs kemm intom bżonnhom.

Imbagħad erġgħu ħarsu lejn ħutkom, lejn sħabkom, u lejn il-ġirien tagħkom. Lil min se tieħdu għand Kristu?

Is-Salvatur iddikjara, “Araw jiena d-dawl; jiena tajtkom eżempju.”15 Aħna nħossu l-imħabba u l-paċi tas-Salvatur hekk kif ningħaqdu miegħu biex insalvaw il-familja ta’ Alla, għax Hu wiegħed, “Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.”16

Xi żmien glorjuż biex ningaġġaw irwieħna fil-kawża ta’ Kristu!

Iva, intom tinsabu hawn għal xi ħaġa grandjuża. Ningħaqad mal-President Nelson, li qal: “Il-Mulej iridkom tibdlu d-dinja. Hekk kif taċċetaw u timxu wara r-rieda tiegħu, intom taslu biex twettqu l-impossibbli!”17

Jien nixhed b’qawwa li l-Mulej jaf min intom, u Hu jħobbkom! Flimkien, aħna mmexxu ’l quddiem l-għan tiegħu sa dak il-jum grandjuż meta Kristu nnifsu jerġa’ lura f’din id-dinja u lilna lkoll jgħidilna biex niġu “hawn.” Aħna ninġabru flimkien b’ferħ, għax aħna dawk li nersqu lejn Kristu, u ma nersqux weħidna. F’isem Ġesù Kristu, amen.