Konferenza Ġenerali
Li Tkun Dixxiplu ta’ Kristu
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Li Tkun Dixxiplu ta’ Kristu

Li nkunu dixxipli ta’ Kristu jfisser li nagħmlu li nistgħu biex l-għemejjel, l-imġieba, u l-ħajja tagħna jkunu jixbhu lil dawk tas-Salvatur.

Fl-istudju personali tiegħi tal-iskrittura, laqtitni ferm il-konverżjoni ta’ Sawl ta’ Tarsu, li aktar tard sar magħruf bħala Pawlu, kif deskritta fil-Bibbja.

Pawlu kien raġel attiv fil-persekuzzjoni tal-Knisja u tal-Kristjani. Iżda minħabba l-qawwa tas-smewwiet u l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, hu nbidel kompletament, u sar wieħed mill-akbar qaddejja ta’ Alla. Il-mudell ta’ ħajtu kien is-Salvatur Ġesù Kristu.

Fit-tagħlim ta’ Pawlu lill-Korintin, hu stedinhom biex ikunu d-dixxipli tiegħu kif hu stess kien dixxiplu ta’ Kristu (ara 1 Korintin 11:1). Din hi stedina sinċiera li baqgħet valida minn żmien Pawlu sal-lum: li tkun dixxiplu ta’ Kristu.

Jien bdejt nirrifletti fuq xi jfisser li ssir dixxiplu ta’ Kristu. U aktar importanti, jien bdejt nistaqsi, “b’liema mod għandi nimitah?”

Li nkunu dixxipli ta’ Kristu jfisser li nagħmlu li nistgħu biex l-għemejjel, l-imġieba, u l-ħajja tagħna jkunu jixbhu lil dawk tas-Salvatur. Ifisser li niksbu numru ta’ virtujiet. Ifisser li nkunu dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu.

Jien studjajt xi aspetti mill-ħajja tas-Salvatur, u se niffoka, bħala parti mill-messaġġ tiegħi llum, fuq erba’ mill-kwalitajiet li nipprova nimita u li se naqsam magħkom.

L-ewwel kwalità tas-Salvatur hi l-umiltà. Ġesù Kristu kien umli ħafna saħansitra mill-ħajja primortali. Waqt il-Kunsill fis-Smewwiet, Hu għaraf u ppermetta li r-rieda ta’ Alla titrijonfa fil-pjan tas-salvazzjoni għall-umanità. Hu qal “Missier, ikun li trid int, u l-glorja tkun tiegħek għal dejjem” (Moses 4:2).

Nafu li Ġesù Kristu għallem l-umiltà u ċċekken biex jigglorifika lil Missieru.

Ejjew ngħixu b’umiltà għaliex hi twasslilna l-paċi (ara Doctrine and Covenants 19:23). L-umiltà tippreċedi l-glorja, u Alla jberikna minħabba fiha: “Ilkoll kemm intom, imbagħad, ilbsu l-umiltà ma’ xulxin, għax Alla jeqfilhom lill-kburin, imma lill-umli jagħtihom il-grazzja” (1 Pietru 5:5). L-umiltà twasslilna tweġibiet ġentili. Hija s-sors ta’ karattru tajjeb.

Il-Presbiteru Dale G. Renlund għallem:

“L-individwi li jkunu umli fl-imġiba tagħhom ma’ Alla jiftakru f’dak li Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu għamlu għalihom.”

“Aħna naġixxu b’mod onorabbli ma’ Alla billi nkunu umli fl-imġieba tagħna miegħu” (““Agħmel Dak li Hu Ġust, Ħobb u Kun Ħanin, u Kun Umli fl-Imġiba Tiegħek ma’ Alla,” Liahona, Nov. 2020, 111, 109).

It-tieni kwalità tas-Salvatur hi l-kuraġġ. Meta naħseb dwar Ġesù Kristu fl-età ta’ 12-il sena, bilqiegħda fit-tempju ta’ Alla qalb l-għorrief tal-liġi u jgħallimhom ħwejjeġ divini, ninnota li Hu diġà kellu, minn età żgħira, sens tajjeb ta’ kuraġġ, kuraġġ partikolari. Filwaqt li ħafna jistennew li jaraw tfajjel qed jiġi mgħallem mill-għorrief tal-liġi, Hu kien qed jgħallimhom hekk kif “kienu qed jisimgħuh, u jistaqsuh il-mistoqsijiet” (Joseph Smith Translation, Luke 2:46 [f’ Luqa 2:46, nota f’qiegħ il-paġna ċ).

Aħna qdejna missjoni full-time fil-Missjoni ta’ Mbuji-Mayi ġewwa r-Repubblika Demokratika tal-Kongo mill-2016 sal-2019. L-uniku mod kif stajna nivvjaġġaw fil-missjoni minn zona għall-oħra kien permezz tat-triq. F’dawn l-inħawi kien tfaċċa fenomenu, b’numru ta’ ħallelin armati bi skieken kbar joħorġu fit-triq u jiddisturbaw il-moviment ta’ min ikun qed jivvjaġġa.

Ħames missjunarji li kienu qed jivvjaġġaw minn zona għall-oħra bħala parti mit-trasferiment tagħhom kienu vittmi ta’ dan it-tfixkil. Peress li xi drabi qabel, aħna stess konna vittmi ta’ dan il-fenomenu, aħna bdejna nibżgħu x’seta’ jiġri mill-ħajja u s-sigurtà tagħna lkoll, tant li bdejna nsibuha bi tqila biex nivvjaġġaw f’dawn it-toroq ħalli nżuru lill-missjunarji u nagħmlu konferenzi taz-zona. Ma konniex nafu kemm kienet se ddum din is-sitwazzjoni. Jien ktibt rapport, li bgħatt lill-Presidenza Reġjonali, u esprimejt il-biża’ li bdejt inħoss jekk se jkollna nkomplu nivvjaġġaw meta t-triq kienet l-unika mod kif stajna nilħqu lill-missjunarji.

Fit-tweġiba li tana, il-Presbiteru Kevin Hamilton, li kien il-President tagħna tar-Reġjun tal-Lbiċ tal-Afrika, kitibli: “Il-parir tiegħi hu li tagħmlu li tistgħu. Kunu għaqlin u itolbu dejjem. Tpoġġux konxjament lilkom infuskom jew lill-missjunarji tagħkom fil-periklu, iżda fl-istess ħin ibqgħu mexjin bil-fidi. ‘Għax Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba, u ta’ rażan’ (2 Timotju 1:7).

Din it-twissija verament saħħitna u tatna ċ-ċans li nkomplu nivvjaġġaw u nservu b’kuraġġ sal-aħħar tal-missjoni tagħna għax konna smajna d-direzzjoni mingħand Missierna fis-Smewwiet: permezz ta’ dik l-iskrittura.

Fl-iskrittura moderna, naqraw il-kliem ispirat tal-Profeta Joseph Smith li jirrifletti l-inkuraġġiment li tana l-Mulej: “Ħuti, m’għandniex nibqgħu mexjin f’kawża daqstant kbira? Imxu ’l quddiem u mhux lura. Kuraġġ, ħuti; u ibqgħu mexjin sar-rebħa!” (Doctrine and Covenants 128:22).

Ejjew ikollna l-kuraġġ li nagħmlu s-sewwa, anke meta ma jkunx popolari—il-kuraġġ li niddefendu l-fidi tagħna u li naġixxu permezz tal-fidi. Ejjew ikollna l-kuraġġ li nindmu kuljum, il-kuraġġ li naċċettaw ir-rieda ta’ Alla u li nobdu l-kmandamenti tiegħu. Ejjew ikollna l-kuraġġ li ngħixu ħajja tajba u nagħmlu dak li hu mistenni minna fir-responsabbiltajiet u l-pożizzjonijiet varji tagħna.

It-tielet kwalità tas-Salvatur hi l-maħfra. Tul il-ministeru mortali tiegħu, is-Salvatur ma ħalliex li mara, li kienet inqabdet f’adulterju, tiġi mħaġġra. Hu qalilha: “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġwanni 8:11). Dan wassalha biex tindem u eventwalment tikseb il-maħfra, għax kif tgħid l-iskrittura, “minn dak il-mument il-mara gglorifikat lil Alla u emmnet f’ismu” (Joseph Smith Translation, John 8:11 [f’ Ġwanni 8:11, nota f’qiegħ il-paġna ċ).

Waqt devozzjonali tal-Milied f’Diċembru 2018, il-maħbub tagħna, il-President Russell M. Nelson tkellem dwar erba’ doni li rċevejna mingħand is-Salvatur. Hu qal li wieħed mid-doni li joffrilna s-Salvatur hu l-abbiltà li naħfru:

“Permezz tal-Espjazzjoni infinita tiegħu, intom tistgħu taħfru lil dawk li weġġgħukom u li jafu qatt ma huma se jaċċettaw ir-responsabbiltà għall-mod krudili kif jittrattawkom.

“Normalment mhux diffiċli taħfer lil xi ħadd li b’mod sinċier u b’umiltà jfittex il-maħfra. Iżda s-Salvatur jagħtikom l-abbiltà li taħfru lil kull persuna li b’xi mod imxiet magħkom ħażin” (“Four Gifts That Jesus Christ Offers to You” [devozzjonali tal-Milied tal-Ewwel Presidenza, 2 ta’ Diċ., 2018], broadcasts.ChurchofJesusChrist.org).

Ejjew b’sinċerità naħfru lil xulxin biex niksbu l-maħfra tal-Missier. Il-maħfra teħlisna u tagħmilna denji li nieħdu sehem fis-sagrament kull nhar ta’ Ħadd. Hemm bżonn li aħna naħfru biex inkunu dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu.

Ir-raba’ kwalità tas-Salvatur hu s-sagrifiċċju. Huwa parti mill-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Is-Salvatur offra s-sagrifiċċju suprem meta ta ħajtu għalina ħalli nkunu nistgħu niġu mifdija. Peress li ħass l-uġigħ tas-sagrifiċċju, Hu talab lil Missieru biex ibiegħed il-kalċi minnu, iżda hu kompla biex temm is-sagrifiċċju etern. Din hi l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

Il-President M. Russell Ballard għallem hekk: “Is-sagrifiċċju huwa t-turija tal-imħabba safja. Aħna nistgħu nkejlu l-imħabba tagħna lejn il-Mulej, lejn l-evanġelju, u lejn għajrna, b’kemm lesti li nissagrifikaw għalihom” (“The Blessings of Sacrifice,” Ensign, Mejju 1992, 76).

Aħna nistgħu nissagrifikaw il-ħin tagħna biex inwettqu l-ministeru, biex inservu lil ħaddieħor, biex nagħmlu t-tajjeb, biex inwettqu l-ħidma tal-istorja tal-familja, u nkabbru s-sejħa tagħna fil-Knisja.

Aħna nistgħu nagħtu mill-flus li għandna billi nħallsu d-dieċmi, l-offerti tas-sawm, u xi donazzjonijiet oħra biex nibnu s-saltna ta’ Alla fid-dinja. Jeħtieġ li nagħmu sagrifiċċju biex inħarsu l-patti li għamilna mas-Salvatur.

It-talba tiegħi hi li jekk nimxu wara Ġesù Kristu u ngawdu mill-barkiet tal-Espjazzjoni tiegħu, aħna nsiru ferm aktar umli, aktar kuraġġjużi, naħfru ferm aktar, u nissagrifikaw aktar għas-saltna tiegħu.

Jiena nixhed li Missierna fis-Smewwiet jgħix u Hu jaf lil kull wieħed u waħda minna individwalment, li Ġesù hu l-Kristu, li l-President Russell M. Nelson hu l-profeta ta’ Alla llum. Nixhed li l-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hija s-saltna ta’ Alla fuq l-art u l-Ktieb ta’ Mormon hu veru. F’isem Ġesù Kristu, il-Feddej tagħna, amen.