Konferenza Ġenerali
Il-Ħtieġa ta’ Knisja
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Il-Ħtieġa ta’ Knisja

L-iskrittura, tgħallem b’mod ċar l-oriġni u l-ħtieġa ta’ knisja mmexxija minn u bl-awtorità ta’ Sidna, Ġesù Kristu.

Bosta snin ilu, il-Presbiteru Mark E. Petersen, membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, beda d-diskors tiegħu b’dan l-eżempju.

“Kenneth, u martu, Lucille, huma nies twajbin, onesti u rispettabbli. Madankollu huma ma jmorrux knisja, u jħossu li jistgħu jkunu twajbin biżżejjed mingħajrha. Huma jgħallmu l-onestà u l-virtù lil uliedhom u jgħidu lilhom infushom li dan hu sewwasew dak li l-Knisja tista’ tagħmel għalihom.

“U, fil-fatt, huma jinsistu li għandhom bżonn ta’ tmiem il-ġimgħa għar-rikreazzjoni tal-familja … [u] jekk jattendu l-knisja jżommhom milli jagħmlu dan.”1

Illum, il-messaġġ tiegħi jikkonċerna nies twajbin bħal dawn, li r-reliġjon tfisser xi ħaġa għalihom, iżda li waqqfu jattendu jew jipparteċipaw fil-knejjes tagħhom.2 Meta ngħid “knejjes,” qed ninkludi wkoll sinagogi, moskej, jew xi organizzazzjonijiet reliġjużi oħra. Aħna ninsabu kkonċernati li l-attendenza f’dawn kollha nieżla ’l isfel b’mod sinifikattiv, mal-pajjiż kollu.3 Jekk għal xi raġuni nieqfu napprezzaw il-knejjes tagħna, aħna nkunu qed nheddu l-istess ħajja spiritwali tagħna, u s-separazzjoni ta’ numru sinifikanti ta’ nies minn Alla jwassal biex il-ġnus tagħna jirċievu anqas barkiet minn tiegħu.

L-attendenza u l-attività fi knisja tgħinna nsiru nies aħjar u aktar influwenti fuq il-ħajja ta’ ħaddieħor. Fi knisja aħna mgħallmin kif napplikaw prinċipji reliġjużi. Nitgħallmu minn xulxin. Eżempju persważiv hu aktar effettiv minn xi priedka. Aħna nitqawwew meta nassoċċjaw irwieħna ma’ oħrajn li jaħsbuha bħalna. Meta nattendu u nipparteċipaw fil-knisja, qlubna jkunu, kif tgħid il-Bibbja, “marbutin flimkien f’imħabba.”4

I.

L-iskrittura li Alla ta lill-Kristjani fil-Bibbja u permezz ta’ rivelazzjoni moderna tgħallem b’mod ċar il-ħtieġa ta’ knisja. It-tnejn juru li Ġesù Kristu organizza knisja u kkontempla li knisja setgħet tmexxi l-ħidma tiegħu ’l quddiem wara li Hu jħalli din id-dinja. Hu sejjaħ Tnax-il Appostlu u tahom l-awtorità u l-imfietaħ biex imexxuha. Il-Bibbja tgħallem li Kristu hu “ras il-Knisja”5 u l-uffiċjali tagħha huma maħtura biex “irawmu lilll-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-ġisem ta’ Kristu.”6 Bla dubju l-Bibbja hi ċara dwar l-oriġni ta’ knisja u l-bżonn tagħha llum.

Xi wħud jgħidu li l-attendenza tagħhom fil-laqgħat tal-Knisja mhux qed tgħinhom. Xi wħud jgħidu, “Illum ma tgħallimt xejn” jew “ħadd ma ġie jkellimni” jew “ħassejtni offiż.” Id-diżappunt personali qatt m’għandu jżommna mid-duttrina ta’ Kristu, li għallimna biex inservu, u mhux niġu servuti.7 B’dan il-ħsieb f’moħħu, membru ieħor iddeskriva dak li beda jiffoka fuqu meta jattendi l-Knisja:

“Snin ilu, jien ma bqajtx naħsibha l-istess dwar l-attendenza tiegħi l-knisja. M’għadnix aktar immur il-knisja għalija nnifsi, iżda biex naħseb f’ħaddieħor. Iddeċidejt li nibda nsellem lil nies li jkunu bilqiegħda weħidhom, li nilqa’ lill-viżitaturi, … li nkunu voluntier f’xi ħidma meħtieġa. …

“F’kelma waħda, jien kull ġimgħa mmur il-knisja b’intenzjoni li nkun attiv, mhux passiv, u li nagħmel differenza f’ħajjet in-nies.”8

Immaġni
Merbħa fil-knisja

Il-President Spencer W. Kimball għallem li “aħna ma mmorrux għal-laqgħat tagħna ta’ Jum il-Mulej biex niddevertu jew saħansitra sempliċiment biex nitgħallmu. Immorru biex inqimu lill-Mulej. Din hi responsabbiltà individwali. … Jekk is-servizz hu ta’ falliment għalik, tkun inti li fallejt. Ħadd ma jista’ jqim f’ismek; trid tkun inti stess li tistenna mingħand il-Mulej.”9

L-attendenza tagħna fil-knisja tista’ tiftaħ qalbna u tqaddes ruħna.

Immaġni
Laqgħa tal-kunsill tal-qasam

Fi knisja aħna mhux sempliċiment inservu weħidna jew bil-mod li rridu jew l-aktar konvenjenti għalina. Normalment aħna nservu bħala parti minn tìm. Fis-servizz aħna nsibu opportunitajiet divini li jelevawna ’l fuq mill-individwaliżmu ta’ żmienna. Servizz immexxi mill-knisja jgħinna negħlbu l-egoiżmu personali li jista’ jżommna milli nikbru spiritwalment.

Hemm vantaġġi importanti oħra x’nista’ nsemmi, anke jekk fil-qosor. Fi knisja aħna nassoċjaw irwieħna ma’ nies meraviljużi li qed jippruvaw jaqdu lil Alla. Dan ifakkarna li m’aħniex weħidna fl-attivitajiet reliġjużi tagħna. Aħna lkoll jeħtieġ li niltaqgħu ma’ ħaddieħor, u l-laqgħat tagħna ma’ ħaddieħor fil-knisja huma fost l-aqwa li nistgħu nesperjenzaw, għalina, għall-konjuġi tagħna u għal uliedna. Mingħajr dawn it-tip ta’ laqgħat, speċjalment bejn tfal u ġenituri fidili, ir-riċerka turi diffikultà akbar għall-ġenituri li jrabbu lil uliedhom fit-twemmin tagħhom.10

II.

Sa issa, jien tkellimt dwar il-knejjes b’mod ġenerali. Issa se nindirizza r-raġunijiet speċjali għas-sħubija, għall-attendenza, u għall-parteċipazzjoni fil-Knisja rrestawrata tas-Salvatur, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

Immaġni
It-Tempju ta’ Salt Lake

Aħna, bla dubju, niddikjaraw li l-iskrittura, tal-qedem u dik moderna, tgħallem b’mod ċar l-oriġni u l-ħtieġa ta’ knisja mmexxija minn u bl-awtorità ta’ Sidna, Ġesù Kristu. Aħna nixhdu wkoll li l-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu ġiet imwaqqfa biex tgħallem il-milja tad-duttrina tiegħu u tuffiċjalizza permezz tal-awtorità tas-saċerdozju tiegħu biex twettaq l-ordinanzi neċessarji ħalli wieħed jidħol fis-saltna ta’ Alla.11 Il-membri li jieqfu jattendu l-Knisja u jiddependu biss fuq l-ispiritwalità individwali tagħhom ikunu qed jisseparaw irwieħhom minn dawn l-essenzjali tal-evanġelju: il-qawwa u l-barkiet tas-saċerdozju, il-milja tad-duttrina rrestawrata, u l-motivazzjoni u l-opportunitajiet li japplikaw dik id-duttrina. Huma jitilfu l-opportunità tagħhom li jikkwalifikaw għall-perpetwazzjoni eterna tal-familja tagħhom.

Vantaġġ kbir ieħor tal-Knisja rrestawrata hu li tgħinna nikbru spiritwalment. It-tkabbir ifisser bidla. F’termini spiritwali dan ifisser li tindem u tfittex li tersaq aktar viċin tal-Mulej. Fil-Knisja rrestawrata għandna duttrina, proċeduri, u helpers ispirati li jgħinuna nindmu. L-għan tagħhom, anke fil-kunsilli dwar is-sħubija, mhuwiex xi kastig, bħas-sentenza ta’ xi qorti kriminali. Il-kunsilli tas-sħubija tal-Knisja b’imħabba jfittxu li jgħinuna nikkwalifikaw għall-ħniena tal-maħfra possibbli permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

Immaġni
Koppji missjunarji
Immaġni
Mexjin lejn it-tempju

L-ispiritwalità individwali rari tista’ tipprovdi l-motivazzjoni u l-istruttura għal servizz altruwista li tipprovdi l-Knisja rrestawrata. Eżempji tajbin ta’ dan huma l-ġuvintur u t-tfajliet u l-membri aktar anzjani li jpoġġu fil-ġenb l-istudju jew l-attivitajiet tal-irtirar tagħhom, biex jaċċettaw sejħiet missjunarji. Huma jaħdmu bħala missjunarji ma’ nies li ma jafux f’postijiet mhux familjari li ma jkunux għażluhom huma. L-istess nistgħu ngħidu għal membri fidili li jipparteċipaw fis-servizz altruwista li aħna nsejħulu “l-ħidma tat-tempju.” L-ebda wieħed minn dawn is-servizzi ma jkun possibbli mingħajr il-Knisja li tisponsorjah, torgranizzah, u tmexxih.

Il-fidi reliġjuża u s-servizz tal-Knisja tal-membri tagħna għallmuhom kif jaħdmu fi sforz kollettiv għall-benefiċċju tal-komunità inġenerali. Dak it-tip ta’ esperjenza u żvilupp ma jseħħx fl-individwaliżmu daqstant prevalenti fid-drawwiet tas-soċjetà ta’ żmienna. Fl-organizzazzjoni ġeografika tal-oqsma lokali tagħna, aħna niltaqgħu u naħdmu ma’ nies li jaf ma kenux ikunu tal-għażla tagħna, nies li jgħallmuna u jippruvawna.

Minbarra li jgħinuna nitgħallmu kwalitajiet spiritwali bħall-imħabba, il-kompassjoni, il-maħfra, u s-sabar, dan jagħtina l-opportunità li nitgħallmu kif naħdmu ma’ persuni li ġejjin minn ambjent differenti. Dan il-vantaġġ għen bosta mill-membri tagħna u ħafna organizzazzjonijiet ġew imbierka bil-parteċipazzjoni tagħhom. Il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien huma magħrufin għall-abbiltà tagħhom li jmexxu u jingħaqdu f’inizjattivi kooperattivi. Dik it-tradizzjoni oriġinat mill-pijunieri qalbiena tagħna li kkolonizzaw il-Punent ta’ Madwar il-Muntanji u stabbilixxew tradizzjoni imprezzabbli ta’ kooperazzjoni altruwista għall-ġid komuni.

Immaġni
Proġett Idejn tal-Għajnuna

Ħafna inizjattivi umanitarji u karitattevoli jeħtieġ jitwettqu billi għadd ta’ riżorsi individwali jingħaqdu flimkien fuq skala akbar. Il-Knisja rrestawrata tagħmel dan permezz tal-inizjattivi umanitarji mill-aktar kbar tagħha madwar id-dinja. Dawn jinkludu li nqassmu provvisti edukattivi u mediċi, nitimgħu lill-imġewħin, nieħdu ħsieb lir-refuġjati, ngħinu sabiex jittaffew l-effetti tal-vizzji, u bosta ħwejjeġ oħra. Il-membri tal-Knisja huma rinomati għall-proġetti Idejn tal-Għajnuna f’diżastri naturali. Is-sħubija fil-Knisja tagħtina ċ-ċans li nkunu parti minn inizjattivi fuq skala daqshekk kbira. Il-membri jħallsu wkoll l-offerti tas-sawm biex jgħinu lill-foqra f’nofshom.

Immaġni
Nieħdu sehem fis-sagrament

Minbarra li jħossu l-paċi u l-ferħ permezz tas-sħubija tal-Ispirtu, il-membri tagħna li jattendu l-Knisja jgawdu l-frott li wieħed jikseb meta jgħix l-evanġelju, bħall-barkiet li tgħix il-Kelma tal-Għerf u l-prosperità materjali u spiritwali mwiegħda lil dawk li jgħixu l-liġi tad-dieċmi. Għandna wkoll il-barka tal-pariri li niksbu minn mexxejja ispirati.

Fuq kollox hemm l-ordinanzi neċessarji awtorevoli tas-saċerdozju għall-eternità, inkluż is-sagrament li nirċievu kull Jum il-Mulej. L-akbar ordinanza fil-Knisja rrestawrata hija l-patt ta’ dejjem taż-żwieġ, li jagħmel possibbli l-perpetwazzjoni ta’ relazzjonijiet tal-familja mill-aktar glorjużi. Il-President Russell M. Nelson għallem dan il-prinċipju b’mod memorabbli. Huwa qal: “Ma nistgħux nixtiequ li naqbdu u nidħlu fil-preżenza ta’ Alla. Jeħtieġ li nobdu l-liġijiet li magħhom marbuta dik il-barka.”12

Waħda minn dawk il-liġijiet hi li nqimu fil-knisja kull Jum il-Mulej.13 Il-qima u l-applikazzjoni tagħna tal-prinċipji eterni jressquna viċin ta’ Alla u jkabbru l-kapaċità tagħna li nħobbu. Parley P. Pratt, wieħed mill-Appostli oriġinali ta’ din id-dispensazzjoni, iddeskriva kif ħassu meta l-Profeta Joseph Smith spjega dawn il-prinċipji: “Ħassejt li Alla kien verament Missieri fis-Smewwiet; li Ġesù kien ħija, u li l-mara ta’ ħaddejja kienet sieħba eterna u immortali; anġlu twajjeb li jimministra, mogħti lili bħala faraġ, u premju ta’ glorja għal dejjem ta’ dejjem. F’kelma waħda, issa stajt inħobb bl-ispirtu u bl-għarfien ukoll.”14

Biex nagħlaq, infakkar lil kulħadd li aħna ma nemmnux li t-tajjeb jista’ jitwettaq biss permezz ta’ knisja. Minbarra l-knisja, naraw miljuni ta’ nies jissapportjaw u jwettqu għadd kbir ta’ għemejjel tajbin. B’mod individwali, il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jieħdu sehem f’ħafna minnhom. Naraw din il-ħidma bħala manifestazzjoni tal-verità eterna li “l-Ispirtu jagħti d-dawl lil kull bniedem li jiġi fid-dinja.”15

Minkejja l-għemejjel tajbin li jistgħu jitwettqu mingħajr knisja, il-milja tad-duttrina u l-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni tagħha huma disponibbli biss fil-Knisja rrestawrata. Barra minn hekk, l-attendenza fil-Knisja tagħtina l-qawwa u t-tkabbir tal-fidi li niksbuhom meta nassoċċjaw irwieħna ma’ nies fidili oħra u nqimu flimkien ma’ dawk li jinsabu wkoll jagħmlu li jistgħu biex jibqgħu fit-triq tal-patt u jkunu dixxipli aħjar ta’ Kristu. Nitlob li aħna lkoll inkunu determinati f’dawn l-esperjenzi tal-Knisja hekk kif infittxu li niksbu l-ħajja eterna, l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla, f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Mark E. Petersen, “Eternal Togetherness,” Ensign, Nov. 1974, 48.

  2. Ara D. Todd Christofferson, “Għalfejn il-Knisja,” Liahona, Nov. 2015, 108–11.

  3. Ara Jeffrey M. Jones, “U.S. Church Membership Falls below Majority for First Time,” Gallup, 29 ta’ Mar., 2021, news.gallup.com/poll/341963/church-membership-falls-below-majority-first-time.aspx.

  4. Kolossin 2:2.

  5. Ara Efesin 5:23–24.

  6. Efesin 4:12.

  7. Ara Ġakbu 1:27.

  8. Mark Skousen lil Dallin H. Oaks, 15 ta’ Feb., 2009.

  9. Teachings of Presidents of the Church: Spencer W. Kimball (2006), 173–74.

  10. Ara Elizabeth Weiss Ozotak, “Social and Cognitive Influences on the Development of Religious Beliefs and Commitment in Adolescence,” Journal for the Scientific Study of Religion, vol. 28, nu. 4 (Diċ. 1989), 448–63.

  11. Ara Ġwanni 3:5.

  12. Russell M. Nelson, “Now Is the Time to Prepare,” Liahona, Mejju 2005, 18.

  13. Ara Doctrine and Covenants 59:9.

  14. Autobiography of Parley P. Pratt, ed. Parley P. Pratt Jr. (1938), 298.

  15. Doctrine and Covenants 84:46; enfażi miżjuda; ara wkoll Doctrine and Covenants 58:27–28.