Konferenza Ġenerali
Restawrazzjoni ta’ Kuljum
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Restawrazzjoni ta’ Kuljum

Neħtieġu infużjoni kontinwa u ta’ kuljum ta’ dawl divin. Neħtieġu “mumenti li fihom niffriskaw lil ruħna.” Mumenti ta’ restawrazzjoni personali.

Ninsabu miġburin f’din l-għodwa mill-isbaħ ta’ Jum il-Mulej biex nitkellmu dwar Kristu, nifirħu fl-evanġelju tiegħu, u nissapportjaw u nsostnu lil xulxin hekk kif nimxu “fit-triq” tas-Salvatur tagħna.1

Bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, aħna ninġabru flimkien għal dan il-għan f’kull Jum il-Mulej, tul is-sena kollha. Jekk int m’intix membru tal-Knisja, nilqgħuk b’imħabba u nirringrazzjawk talli ngħaqadt magħna biex tqim lis-Salvatur u titgħallem dwaru. Bħalek, aħna qed nagħmlu li nistgħu—minkejja li m’aħniex perfetti—biex insiru ħbieb, ġirien, u nies aħjar,2 u nippruvaw nagħmlu dan billi nimxu wara l-Eżemplar tagħna, Ġesù Kristu.

Immaġni
Is-Salvatur Ġesù Kristu

Nittamaw li inti tista’ tħoss is-sinċerità tat-testimonjanza tagħna. Ġesù Kristu jgħix! Hu Iben Alla l-ħaj, u Hu jmexxi lill-profeti fid-dinja fi żmienna. Nistednukom ilkoll biex tiġu, tisimgħu l-kelma ta’ Alla, u tgawdu mit-tjubija tiegħu! Naqsam ix-xhieda personali tiegħi li Alla jinsab fostna u li Hu bla dubju jersaq viċin dawk kollha li jersqu lejh.3

Aħna nikkunsidrawh bħala unur li nimxu magħkom fit-trejqa stretta u dejqa tad-dixxipulat tal-Imgħallem.

L-Arti li Timxi f’Linja Dritta

Teżisti teorija li smajnieha kemm-il darba li n-nies mitlufin joqogħdu jduru fiċ-ċrieki. M’ilux wisq, xjenzati fl-Istitut ta’ Max Planck għaċ-Ċibernetika Bijoloġika ttestjaw dik it-teorija. Huma ħadu numru ta’ parteċipanti ġo foresta tropikali u tawhom struzzjoni sempliċi: “Imxu f’linja dritta.” Ma kien hemm l-ebda marki biex jiggwidawhom fil-mixja tagħhom. Il-parteċipanti kellhom jiddependu biss fuq is-sens tagħhom ta’ direzzjoni.

Kif taħsbu li marru?

Ix-xjenzati kkonkludew, “In-nies verament jibqgħu jduru fi ċrieki meta ma jkollhom l-ebda indikazzjoni affidabbli għad-direzzjoni li jridu jimxu fiha.”4 Meta l-parteċipanti wara ġew mistoqsijin, xi wħud b’kunfidenza ddikjaraw li huma xejn ma ddevjaw mit-triq. Minkejja l-kunfidenza kbira li kellhom, id-dejta tal-GPS kienet turi li huma baqgħu jimxu fi ċrieki ta’ mhux akbar minn 20 metru tond.

Għalfejn insibuha daqstant diffiċli biex nimxu f’linja dritta? Xi riċerkaturi jagħmlu l-ipoteżi li ċerti devjazzjonijiet żgħar li jidhru insinifikanti fit-terren jagħmlu d-differenza. Oħrajn semmew il-fatt li aħna lkoll għandna sieq li hi ftit aktar b’saħħitha mill-oħra. “Il-probabbiltà,” madankollu, għalfejn aħna nsibuha diffiċli biex nimxu f’linja dritta “hi minħabba l-inċertezza dejjem tiżdied dwar id-direzzjoni fejn tinsab it-triq id-dritta.”5

Hi x’inhi l-kawża, hija n-natura umana: li mingħajr ebda marki li jiggwidawna fil-mixja tagħna, aħna nitilfu r-rotta.

Noħorġu ’l Barra mill-Mogħdija

Mhuwiex interessanti l-fatt li ċerti fatturi żgħar li jafu jidhru insinifikanti jistgħu jagħmlu differenza kbira f’ħajjitna?

Jien tgħallimt dan minn esperjenza personali bħala pilota. Kull darba li nkun se nibda bl-inżul f’xi ajruport, kont naf li l-aktar ħaġa li kien ikun baqagħli nagħmel kienet tikkonsisti f’li nagħmel ċerta korrezzjoni żgħira u kostanti ħalli nidderieġi bla periklu l-ajruplan lejn ir-runway li se nkunu neżlin fiha.

Intom tafu tgħaddu minn xi esperjenza simili meta ssuqu xi vettura. Ir-riħ, ċerti irregolaritajiet fit-toroq, ċertu allinjament imperfett tar-rota, u nuqqas ta’ attenzjoni—biex ma nsemmux l-azzjonijiet ta’ sewwieqa oħra—kollha jistgħu jitfgħuk ’il barra mit-triq li ridt tgħaddi minnha. Jekk ma tagħtix każ ta’ dawn il-fatturi taf tispiċċa ħażin.6

Immaġni
Karozza f’pixxina

Dan japplika għalina fiżikament.

Japplika għalina wkoll spiritwalment.

Ħafna mit-tibdil fil-ħajja spiritwali tagħna—kemm pożittiv kif ukoll negattiv—iseħħ gradwalment, pass pass. Bħall-parteċipanti fl-istudju ta’ Max Planck, aħna nafu ma nirrealizzawx meta nkunu qed niddevjaw mit-triq. Jaf anke nħossuna veru kunfidenti li ninsabu mexjin f’linja dritta. Iżda l-fatt hu li mingħajr l-għajnuna tal-marki li jiggwidawna, aħna inevitabbilment nispiċċaw niddevjaw mit-triq u nispiċċaw f’postijiet li qatt ma bsarna li se nispiċċaw fihom.

Dan hu minnu għal kull individwu. Hu minnu wkoll għas-soċjetajiet u l-ġnus. L-iskrittura mimlija eżempji ta’ dan.

Il-ktieb tal-Imħallfin jgħid li wara li Ġożwè miet “telgħet ġenerazzjoni oħra … li ma kenitx taf il-Mulej u anqas x’għamel il-Mulej għal Iżrael.”7

Minkejja l-interventi, id-dehriet, is-salvataġġi divini tal-għaġeb u r-rebħiet mirakolużi li wlied Iżrael esperjenzaw fi żmien Mosè u Ġożwè, wara biss ġenerazzjoni waħda, il-poplu abbanduna t-Triq u beda jimxi skont ix-xewqat personali tagħhom. U, bla dubju, m’għaddiex wisq żmien qabel huma spiċċaw ħallsu għal dik l-imġiba.

Xi kultant din il-waqgħa sseħħ wara li jgħaddu ġenerazzjonijiet sħaħ. Drabi oħra dan iseħħ wara ftit snin jew saħansitra xhur.8 Iżda aħna lkoll suxxettibbli. Irrispettivament kemm kienu b’saħħithom l-esperjenzi spiritwali tagħna fil-passat, bħala bnedmin aħna lkoll għandna t-tendenza li niddevjaw. Dan minn dejjem kien il-każ minn żmien Adam sal-lum.

Hawn hi l-Aħbar it-Tajba

Iżda mhux kollox mitluf. B’differenza għall-parteċipanti li spiċċaw iduru fit-test li semmejt qabel, aħna lkoll għandna marki li jiggwidawna li nistgħu nużaw ħalli nevalwaw it-triq tagħna.

U x’inhuma dawn il-marki li jiggwidawna?

Bla dubju dawn jinkludu li kuljum nitolbu u nixtarru l-iskrittura u nużaw għodda i+spirata bħal Come, Follow Me. Kuljum, aħna nistgħu navviċinaw it-tron ta’ Alla b’umiltà u onestà. Aħna nistgħu nixtarru għemilna u nagħtu ħarsa lejn il-mumenti tal-jum tagħna—nikkunsidraw ir-rieda u x-xewqat tagħna fid-dawl tiegħu. Jekk aħna ddevvjajna, nitolbu lil Alla biex jirrestawrana, u nikkommettu ruħna biex nagħmlu aħjar.

Immaġni
Is-Salvatur imexxi lin-nagħaġ tiegħu

Dan il-ħin ta’ introspezzjoni huwa opportunità biex nerġgħu nikkalibraw irwieħna. Huwa ġnien ta’ riflessjoni li fih nistgħu nimxu mal-Mulej u niġu mgħallmin, edifikati, u ppurifikati permezz tal-kelma miktuba u żvelata mill-Ispirtu ta’ Missierna fis-Smewwiet. Hu ħin sagru li fih niftakru l-patti solenni tagħna li nimxu wara l-Kristu ġentili, fejn nivvalutaw il-progress tagħna u nallinjaw irwieħna mal-marki spiritwali li jiggwidawna li Alla pprovda għal uliedu.

Ħarsu lejn dan bħala r-restawrazzjoni ta’ kuljumpersonali tagħkom. Fil-vjaġġ tagħna bħala pellegrini fit-triq tal-glorja, aħna nafu kemm hu faċli li naqgħu. Iżda bl-istess mod kif ċerti devjazzjonijiet żgħar jistgħu jbegħduna mit-Triq tas-Salvatur, l-istess jistgħu jerġgħu jeħduna fit-triq ċerti atti żgħar u sempliċi ta’ allinjament mill-ġdid. Meta d-dalma taħkem ħajjitna, kif spiss tagħmel, ir-restawrazzjoni tagħna ta’ kuljum tiftaħ qalbna għad-dawl divin, li jillumina ruħna, ikeċċi d-dellijiet, il-biżgħat, u d-dubji.

Tmun Żgħar, Vapuri Kbar

Jekk infittxuh, bla dubju li “Alla jagħtina l-għarfien permezz tal-Ispirtu s-Santu tiegħu, iva, permezz tad-don li ma jitfissirx bil-kliem tal-Ispirtu s-Santu.”9 Kull darba li nitolbuh, Hu jgħallimna t-Triq u jgħinna nimxu fiha.

Dan, bla dubju, jeħtieġ sforz kontinwu min-naħa tagħna. Aħna ma nistgħux nikkuntentaw ruħna bl-esperjenzi spiritwali tal-passat. Jeħtieġ li nibqgħu niksbu esperjenzi ġodda.

Ma nistgħux niddependu fuq it-testimonjanzi ta’ ħaddieħor għal dejjem. Jeħtieġ nibnu l-esperjenzi tagħna.

Neħtieġu infużjoni kontinwa u ta’ kuljum ta’ dawl divin.

Neħtieġu “mumenti li fihom niffriskaw lil ruħna.”10 Mumenti ta’ restawrazzjoni personali.

“L-ilma mmewweġ” ma jistax “jibqa’ impur.”11 Biex inżommu ħsibijietna u l-għemejjel tagħna safja, jeħtieġ li nkomplu nitmewġu!

Wara kollox, ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju u tal-Knisja mhijiex xi ħaġa li ġrat darba u daqshekk. Hija proċess kontinwu—jum wara jum, qalb wara l-oħra.

Hekk kif jgħaddu l-jiem, l-istess tgħaddi ħajjitna. Kif kiteb wieħed awtur: “Jum wieħed jixbah ħajja sħiħa. Tibda tagħmel ħaġa, iżda tispiċċa tagħmel xi ħaġa oħra, tippjana biċċa xogħol, iżda qatt ma tlestiha. … U fl-aħħar ta’ ħajtek, l-eżistenza kollha tiegħek għandha wkoll dik l-istess kwalità. Il-ħajja kollha tiegħek għandha l-istess forma ta’ jum wieħed.”12

Trid tibdel il-forma ta’ ħajtek?

Ibdel il-forma tal-jum tiegħek.

Trid tibdel il-forma tal-jum tiegħek?

Ibdel din is-siegħa.

Ibdel dak li qed taħseb, tħoss, u tagħmel f’dan il-mument.

Tmun żgħir jista’ jmexxi vapur kbir.13

Ġebel żgħir jista’ jsir palazz meraviljuż.

Żerriegħa żgħira tista’ ssir siġra ġganteska.

Il-minuti u s-sigħat li ngħadduhom b’mod tajjeb jibnu ħajja mgħixa b’mod tajjeb. Huma jistgħu jispiraw it-tjubija, jelevawna mill-jasar tal-imperfezzjoni, u jmexxuna ’l fuq lejn it-triq feddejja tal-maħfra u l-qdusija.

L-Alla ta’ Bidu Ġdid

Flimkien magħkom, jien noffri l-qalb kollha gratitudni tiegħi għar-rigal meraviljuż ta’ opportunità ġdida, ħajja ġdida, tama ġdida.

Aħna ngħollu leħinna b’tifħir lil Alla tagħna, kollu abbundanza u maħfra. Bla dubju, Huwa Alla ta’ bidu ġdid. It-tmiem sublimi tal-ħidma kollha tiegħu hi li jgħin lilna, uliedu, nirnexxu fit-tfittxija tagħna għall-immortalità u l-ħajja eterna.14

Aħna nistgħu nsiru ħlejjaq ġodda fi Kristu, għax Alla wiegħed, “Kemm-il darba n-nies jindmu jiena naħfrilhom il-ħtijiet tagħhom lejja”15 u “ma niftakarhomx iżjed.”16

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, aħna lkoll niżżvijjaw minn żmien għall-ieħor.

Iżda nistgħu nerġgħu lura fit-triq. Aħna nistgħu ninnavigaw it-triq tagħna qalb id-dalma u l-isfidi ta’ din il-ħajja u nsibu triqitna lura lejn Missierna fis-Smewwiet li tant iħobbna jekk infittxu u naċċettaw il-marki spiritwali li jiggwidawna illi Huwa pprovda, ngħożżu r-rivelazzjoni personali, u nagħmlu li nistgħu biex nirrestawraw lil ruħna kuljum. Hu b’dan il-mod kif nistgħu nsiru dixxipli vera tal-maħbub Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

U kif nagħmlu dan, Alla jitbissmilna. “Il-Mulej sejjer … ibierkek fl-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik. U l-Mulej jagħmel minnek poplu kkonsagrat għalih.”17

Li aħna nfittxu r-restawrazzjoni ta’ kuljum u kontinwament nagħmlu li nistgħu biex nimxu fit-Triq ta’ Ġesù Kristu hija t-talba tiegħi. F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ġesù għallem, “Jiena t-triq, il-verità, u l-ħajja” (Ġwanni 14:6). Fil- NIV First-Century Study Bible insibu din l-ispjegazzjoni: “L-immaġni ta’ mogħdija jew triq fil-Bibbja Ebrajka ħafna drabi tirrappreżenta ż-żamma tal-kmandamenti jew tat-tagħlim ta’ Alla [ara Salm 1:1; 16:11; 86:11]. Din kienet metafora komuni tal-qedem għall-parteċipazzjoni attiva f’sett ta’ twemmin, tagħlim, jew drawwiet. Il-komunità tal-Parċmini tal-Baħar il-Mejjet sejħu lilhom infushom dixxipli tat-‘triq,’ li biha riedu jfissru li kienu dixxipli tal-interpretazzjoni tagħhom tal-mogħdija li kienet togħġob lil Alla. Pawlu u l-ewwel Kristjani wkoll sejħu lilhom infushom ‘dixxipli tat-Triq’ [ara Atti 24:14]” (f’“What the Bible Says about the Way, the Truth, and the Life,” Bible Gateway, biblegateway.com/topics/the-way-the-truth-and-the-life).

    Fl-1873, instab ktieb ta’ żmien il-qedem jismu Didache fil-librerija tal-patrijarka ta’ Ġerusalemm f’Kostantinopli. Bosta studjużi jaħsbu li kien inkiteb u kien jintuża fl-aħħar tal-ewwel seklu (AD 80–100). Id- Didache jibda b’dan il-kliem: “Jeżistu żewġ toroq, waħda tal-ħajja u l-oħra tal-mewt, iżda hemm differenza kbira bejniethom. It-triq tal-ħajja, mela, hi din: L-ewwel, għandek tħobb lil Alla li ħalqek; it-tieni, lil għajrek bħalek innifsek” (Teaching of the Twelve Apostles, trad. Roswell D. Hitchcock u Francis Brown [1884], 3).

    Sorsi oħra, bħal The Expositor’s Bible Commentary, jindikaw li “fi żmien l-ewwel żminijiet tal-knisja, dawk li aċċettaw lil Ġesù bħala l-Messija u ddikjaraw li Hu Sidhom sejħu lilhom infushom dawk tat-‘Triq’ [ara Atti 19:9, 23; 22:4; 24:14, 22]” (ed. Frank E. Gaebelein u oħrajn [1981], 9:370).

  2. Ara Mosiah 2:17.

  3. Ara Doctrine and Covenants 88:63.

  4. “Walking in Circles,” 20 ta’ Aww., 2009, Max-Planck-Gesellschaft, mpg.de.

  5. “Walking in Circles,” mpg.de. Din l-immaġni turi t-traċċar bil-GPS tal-erba’ parteċipanti fl-istudju. Tlieta minnhom imxew f’jum imċajpar. Wieħed minnhom (SM) beda jimxi waqt li x-xemx kienet miksija bis-sħab, iżda wara 15-il minuta s-sħab beda jonqos xi ftit, u l-parteċipanti setgħu jaraw daqsxejn xemx. Innotaw kif, la darba bdiet tidher ix-xemx, il-parteċipant beda jimxi aktar f’linja dritta.

  6. Għal eżempju traġiku kif żball mill-aktar żgħir ta’ żewġ gradi wassal biex ajruplan tal-passiġġieri jikkraxxja fil-Muntanja Erebus fl-Antartika, li fih mietu 257 persuna, ara Dieter F. Uchtdorf, “A Matter of a Few Degrees,” Liahona, Mejju 2008, 57–60.

  7. Mħallfin 2:10.

  8. Wara ż-żjara ta’ Kristu fil-Kontinent Amerikan, in-nies nidmu verament minn dnubiethom, tgħammdu, u rċevew l-Ispirtu s-Santu. Fejn darba kienu poplu ġellied u kburi, issa “ma kien hemm l-ebda tilwim u kwistjonijiet bejniethom, u l-bnedmin kollha mxew b’mod ġust bejniethom” (4 Nephi 1:2). Dan il-perjodu ta’ tjieba dam mitejn sena qabel il-kburija bdiet twassal biex il-poplu jitbiegħed mit-Triq. Madankollu, l-iżvijjar spiritwali jista’ jseħħ ferm aktar malajr. Bħala eżempju, għexieren ta’ snin qabel, fil-50 sena tas-saltna tal-imħallfin fil-Ktieb ta’ Mormon, kien hemm “paċi kontinwa u ferħ kbir” fost il-poplu. Iżda minħabba l-kburija li daħlet fi qlub il-membri tal-Knisja, wara żmien qasir ta’ erba’ snin “kien hemm ħafna tilwim fil-knisja, u kien hemm ukoll ġlied bejn il-poplu, tant li kien hemm ħafna tixrid tad-demm” (ara Helaman 3:32–4:1).

  9. Doctrine and Covenants 121:26.

  10. Atti 3:19.

  11. Doctrine and Covenants 121:33.

  12. Michael Crichton, Jurassic Park (2015), 190.

  13. “Ħudu per eżempju l-vapuri. Minkejja li huma daqstant kbar u jinħakmu minn irjieħ qawwija huma jiġu mmexxija minn tmun verament żgħir li jmexxi l-vapur fejn ikun irid il-kaptan” (James 3:4, New International Version).

  14. Ara Moses 1:39.

  15. Mosiah 26:30.

  16. Doctrine and Covenants 58:42.

  17. Dewteronomju 28:8–9; ara wkoll versi 1–7.