Konferenza Ġenerali
Bil-Qawwa ta’ Alla fi Glorja Kbira
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Bil-Qawwa ta’ Alla fi Glorja Kbira

(1 Nephi 14:14)

Jekk nonoraw il-patti aħna nkunu armati permezz tas-sewwa u permezz tal-qawwa ta’ Alla fl-ogħla glorja.

Nitlob li l-Ispirtu s-Santu jdawwal u jedifika lilna lkoll hekk kif nikkunsidraw flimkien il-ħidma meraviljuża tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni fid-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet.

L-Ewwel Żjara ta’ Moroni lil Joseph Smith

Madwar tliet snin wara l-Ewwel Dehra, fil-lejl tal-21 ta’ Settembru, 1823, it-tfajjel Joseph Smith kien qed jitlob biex jirċievi maħfra ta’ dnubietu u jkun jaf l-istat u d-denjità tiegħu quddiem Alla.1 Deher personaġġ ħdejn is-sodda tiegħu, sejjaħ lil Joseph b’ismu u ddikjara li “hu kien messaġġier mibgħut mill-preżenza ta’ Alla … u li ismu kien Moroni.” Huwa spjega “li Alla kellu ħidma għal Joseph xi jwettaq”2 u mbagħad kellmu dwar il-miġja tal-Ktieb ta’ Mormon. B’mod sinifikanti, il-Ktieb ta’ Mormon kien wieħed mill-ewwel suġġetti indirizzati fil-messaġġ ta’ Moroni.

Il-Ktieb ta’ Mormon hu testment ieħor ta’ Ġesù Kristu u l-għodda importanti tal-konverżjoni fl-aħħar żminijiet. L-għan tagħna li naqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor hu biex nistiednu lil kulħadd ħalli jersaq lejn Ġesù Kristu,3 jirċievi l-barkiet tal-evanġelju rrestawrat, u jibqa’ jirreżisti sal-aħħar permezz tal-fidi fis-Salvatur.4 Li ngħinu lill-individwi jesperjenzaw il-bidla setgħana f’qalbhom5 u jsiru ħaġa waħda mal-Mulej permezz ta’ patti u ordinanzi sagri huma l-oġġettivi fundamentali għalfejn inxandru l-evanġelju.

L-introduzzjoni ta’ Moroni għall-Ktieb ta’ Mormon lil Joseph Smith tat bidu għall-ħidma tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni għall-individwi fuq din in-naħa tal-velu fid-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet.

Hekk kif kompla bl-istruzzjoni tiegħu lil Joseph, Moroni mbagħad ikkwota mill-ktieb ta’ Malakija fit-Testment il-Qadim, b’lingwaġġ ftit differenti minn dak użat fil-verżjoni ta’ King James:

“Ara, jiena se niżvela miegħek is-Saċerdozju, permezz ta’ Elija l-profeta, qabel ma jasal Jum il-Mulej u jum il-biża’.

“… U hu se jiżra’ f’qalb l-ulied il-wegħdiet li saru lill-missirijiet, u se jraġġa’ l-qlub tal-ulied lejn missirijiethom. Li ma kienx hekk, id-dinja għad tispiċċa tinqered għal kollox fil-miġja tiegħu.”6

L-għan tagħna li nibnu t-tempji hu sabiex nipprovdu l-postijiet qaddisa li fihom jistgħu jiġu amministrati l-patti sagri u l-ordinanzi neċessarji għas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni tal-familja umana, kemm għall-ħajjin u kemm għall-mejtin. L-istruzzjoni ta’ Moroni lil Joseph Smith dwar l-irwol mill-aktar importanti ta’ Elija u l-awtorità tas-saċerdozju kompliet tespandi l-ħidma tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni fuq din in-naħa tal-velu u tat bidu fid-dispensazzjoni tagħna għall-ħidma għall-mejtin fuq in-naħa l-oħra tal-velu.

Fi ftit kliem, it-tagħlim ta’ Moroni f’Settembru tal-1823 dwar il-Ktieb ta’ Mormon u l-missjoni ta’ Elija stabbilixxew is-sisien duttrinali għall-ħidma tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni fuq iż-żewġ naħat tal-velu.

Tagħlim tal-Profeta Joseph Smith

Il-lezzjonijiet li Joseph Smith tgħallem mingħand Moroni influwenzaw kull aspett tal-ministeru tiegħu. Per eżempju, waqt laqgħa solenni li saret fit-Tempju ta’ Kirtland fis-6 ta’ April, 1837, il-Profeta ddikjara: “Wara dak kollu li ntqal, l-akbar u l-aktar dmir importanti hu li nxandru l-Evanġelju.”7

Kważi preċiżament seba’ snin wara, fis-7 ta’ April, 1844, Joseph Smith għamel diskors li llum magħruf bħala d-Diskors tas-Sultan Follett. F’dak id-diskors hu ddikjara, “L-akbar responsabbiltà li poġġa fuqna Alla f’din id-dinja hi li nfittxu lill-mejtin tagħna.”8

Iżda kif jista’ jkun li kemm li nxandru l-evanġelju kif ukoll li nfittxu lill-mejtin tagħna huma t-tnjen l-akbar dmir u responsabbiltà li poġġa fuqna Alla? Jien nemmen li l-Profeta Joseph Smith kien qed jenfasizza fiż-żewġ dikjarazzjonijiet il-verità fundamentali li l-patti, li nidħlu fihom permezz ta’ ordinanzi bl-awtorità tas-saċerdozju, jistgħu jdaħħluna f’rabta mal-Mulej Ġesù Kristu u huma l-qalba essenzjali tal-ħidma tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni fuq iż-żewġ naħat tal-velu.

Il-ħidma missjunarja u l-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja huma aspetti kumplimentari u interrelatati ta’ ħidma mill-aktar importanti li tiffoka fuq il-patti u l-ordinanzi sagri li jagħmluha possibbli li nirċievu l-qawwa tad-divinità f’ħajjitna u, ultimament, nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Missierna fis-Smewwiet. Għalhekk, iż-żewġ dikjarazzjonijiet mill-Profeta li għall-ewwel jafu jidhru kontradittorji, fil-fatt, jenfasizzaw il-punt fokali ta’ din il-ħidma importanti tal-aħħar żmien.

F’Rabta mas-Salvatur permezz ta’ Patti u Ordinanzi

Is-Salvatur qal:

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

“Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”9

Aħna nieħdu fuqna l-madmad tas-Salvatur hekk kif nitgħallmu dwar ċerti patti u ordinanzi sagri, nirċevuhom b’mod den, u nonorawhom. Aħna nistgħu nidħlu f’rabta sikura mas-Salvatur hekk kif b’fedeltà niftakru u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħixu skont l-obbligi li aħna aċċettajna. U dik ir-rabta miegħu hija s-sors ta’ qawwa spiritwali f’kull staġun ta’ ħajjitna.

Il-Poplu tal-Patt tal-Mulej

Nistedinkom biex tikkunsidraw il-barkiet imwiegħda lid-dixxipli ta’ Ġesù Kristu li jħarsu l-patti. Per eżempju, Nefi “ra l-knisja tal-Ħaruf ta’ Alla [fl-aħħar żminijiet], u kienet magħmula biss minn ftit, … il-qaddisin ta’ Alla, kienu fuq il-wiċċ kollha tal-art; u d-dominji tagħhom … kienu żgħar.”10

Huwa wkoll “ra l-qawwa tal-Ħaruf ta’ Alla, li niżlet fuq il-qaddisin tal-knisja tal-Ħaruf, u fuq il-poplu tal-patt tal-Mulej, … u huma kienu armati bis-sewwa u bil-qawwa ta’ Alla fi glorja kbira.”11

Il-frażi “armati bis-sewwa u bil-qawwa ta’ Alla fi glorja kbira” mhijiex sempliċiment idea sabiħa jew xi eżempju ta’ lingwaġġ skritturali mill-isbaħ. Pjuttost, dawn il-barkiet huma mill-aktar evidenti fil-ħajja ta’ numru bla għadd ta’ dixxipli tal-Mulej tal-aħħar żmien.

Il-ħidma tiegħi bħala membru tat-Tnax teħodni madwar id-dinja kollha. U jien ġejt imbierek li nesperjenza u nitgħallem lezzjonijiet memorabbli minn ħafna minnkom. Jiena nixhed li llum il-poplu tal-patt tal-Mulej hu armat bis-sewwa u bil-qawwa ta’ Alla fi glorja kbira. Jiena rajt b’għajnejja l-fidi, il-kuraġġ, il-perspettiva, il-persistenza, u l-ferħ li jmorru lil hinn mill-kapaċità mortali—u li Alla biss jista’ jipprovdi.

Jiena rajt b’għajnejja s-sewwa u l-qawwa ta’ Alla fi glorja kbira li nkisbet permezz tal-fedeltà lejn il-patti u l-ordinanzi fil-ħajja ta’ membru żagħżugħ tal-Knisja li spiċċa parzjalment ipparalizzat f’aċċident ikrah tat-traffiku. Wara li dan l-individwu għadda xhur mill-aktar diffiċli jirkupra u jadatta għal stil ġdid ta’ ħajja b’ċerta mobilità ristretta, jiena ltqajt u tkellimt ma’ din ir-ruħ mill-aktar persistenti. Waqt il-konverżazzjoni tagħna jiena staqsejtu, “Din l-esperjenza x’għinitek titgħallem? Hu fil-pront wieġeb, “Jien mhux imdejjaq. M’inix irrabjat. U kollox se jkun sew.”

Jiena rajt b’għajnejja s-sewwa u l-qawwa ta’ Alla fi glorja kbira li nkisbet permezz tal-fedeltà lejn il-patti u l-ordinanzi fil-ħajja ta’ membri tal-Knisja li għadhom kif tgħammdu u ġew ikkonfermati. Dawn il-membri ġodda kienu ħerqanin li jitgħallmu u jservu, fejn huma jinsabu lesti iżda ħafna drabi inċerti dwar kif iħallu warajhom ċerti vizzji antiki u tradizzjonijiet b’saħħithom, u madankollu jinsabu ferħanin li saru “ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla.”12

Jiena rajt b’għajnejja s-sewwa u l-qawwa ta’ Alla fi glorja kbira li nkisbet permezz tal-fedeltà lejn il-patti u l-ordinanzi fil-ħajja ta’ familja li ħadet ħsieb tar-raġel u ġenitur li kellu marda terminali. Dawn id-dixxipli qalbiena ddeskrivew mumenti li fihom il-familja tagħhom ħassitha weħidha—u mumenti li fihom kienu jafu li id il-Mulej kienet qed iġġorrhom u tqawwihom. Din il-familja esperjenzat gratitudni sinċiera għall-esperjenzi mortali diffiċli li tawhom iċ-ċans li jikbru u jsiru aktar bħal Missierna fis-Smewwiet u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu. Alla għen u bierek lil din il-familja bis-sħubija tal-Ispirtu s-Santu u darhom għamilha sagra u post ta’ refuġju daqs it-tempju.

Jiena rajt b’għajnejja s-sewwa u l-qawwa ta’ Alla fi glorja kbira li nkisbet permezz tal-fedeltà lejn il-patti u l-ordinanzi fil-ħajja ta’ membru tal-Knisja li esperjenzat uġigħ il-qalb li jġib miegħu id-divorzju. It-tbatija spiritwali u emozzjonali ta’ din l-oħt kompliet tiggrava b’ċertu sens ta’ inġustizzja marbuta mal-ksur tal-patti ta’ żewġha u t-tifrik taż-żwieġ tagħhom. Hi riedet tara l-kontabilità u li ssir ġustizzja.

Hekk kif din il-mara fidila bdiet issibha diffiċli taċetta dak kollu li kien ġralha, hi bdiet tistudja u tixtarr l-Espjazzjoni tas-Salvatur b’aktar intenzjoni u intensità minn qatt qabel f’ħajjitha. Gradwalment, ħasset ruħha timtela b’għarfien akbar tal-missjoni feddejja ta’ Kristu—is-sofferenza tiegħu għal dnubietna, kif ukoll għall-uġigħ, għad-dgħjufijiet, għad-diżappunt, u n-niket tagħna. U hi kienet ispirata li tistaqsi lilha nnifisha mistoqsija mill-aktar penetranti: peress li l-prezz diġà kien tħallas għal dawk id-dnubiet, inti qed titlob li l-prezz jerġa’ jitħallas darbtejn? Hi rrealizzat li din il-ħtieġa la kienet tkun ġusta u lanqas ħanina.

Din il-mara tgħallmet li r-rabta tagħha mas-Salvatur permezz tal-patti u l-ordinanzi setgħet tfejjaq il-ġrieħi li kienu kawża tal-eżerċizzju ħażin tal-volontà morali ta’ persuna oħra u ta ċ-ċans li ssib fiha l-kapaċità li taħfer u tirċievi l-paċi, il-ħniena, u l-imħabba.

Wegħda u Testimonjanza

Il-wegħdiet u l-barkiet tal-patt huma possibbli biss grazzi għas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hu jistedinna biex induru lejh,13 immorru għandu,14 nitgħallmu minnu,15 u nidħlu f’rabta miegħu16 permezz tal-patti u l-ordinanzi tal-evanġelju rrestawrat tiegħu. Jien nixhed u nwiegħed li jekk nonoraw il-patti tagħna aħna nkunu armati permezz tas-sewwa u permezz tal-qawwa ta’ Alla fi glorja kbira. U nixhed li l-Mulej il-ħaj Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħna. Dwar dawn il-veritajiet jiena nixhed b’ferħ fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.