Konferenza Ġenerali
Wieħed fil-Mija Aħjar
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Wieħed fil-Mija Aħjar

Kull sforz biex nindmu li aħna nagħmlu—jidher kemm jidher żgħir—jaf jagħmel l-akbar differenza f’ħajjitna.

Id-dinja taċ-ċikliżmu għaddiet aktar minn seklu tiżżuffjetta bit-timijiet nazzjonali tat-tlielaq tar-roti tal-Gran Brittanja. Minħabba l-medjokrità tagħhom, is-sewwieqa Brittaniċi kien irnexxielhom jiksbu biss numru żgħir ta’ midalji tad-deheb f’100 sena jikkompetu fil-logħob Olimpiku u kienu qatgħu figura ferm agħar fl-akbar avveniment taċ-ċikliżmu, it-Tour de France, avveniment ta’ tliet ġimgħat—li f’110 snin l-ebda sewwieq Brittaniku ma ddomina. Tant kienet diżappuntanti il-prestazzjoni tas-sewwieqa Brittaniċi li xi manifatturi tar-roti rrifjutaw li saħansitra jbigħu roti lill-Brittaniċi għax beżgħu li jaffettwa ħażin ir-reputazzjoni tal-kumpanija, li tant ħadmu għaliha. U minkejja li ddedikaw għadd kbir ta’ riżorsi fl-aħħar teknoloġija u kull tip ta’ taħriġ mill-aktar avvanzat, baqa’ ma nbidel xejn.

Immaġni
ċiklisti Brittaniċi

Ma nbidel xejn, sewwasew, sal-2003, meta seħħet bidla żgħira li kważi ħadd ma ta kasha li kienet se tibdel it-trajettorja taċ-ċikliżmu Brittaniku għal dejjem. Dak l-atteġġjament ġdid kien ukoll se tiżvela prinċipju etern—flimkien ma’ wegħda—rigward it-tfittxija xi kultant tant diffiċli biex intejbu lilna nfusna. Għalhekk x’ġara fiċ-ċikliżmu Brittaniku li hu ta’ relevanza kbira għat-tfittxija personali tagħna biex inkunu wlied aħjar ta’ Alla?

Fl-2003, ingaġġaw lil Sir Dave Brailsford. B’differenza għall-kowċis ta’ qablu li ppruvaw jibdlu kollox b’mod drammatiku fi żmien qasir, Sir Brailsford iffoka fuq strateġija li hu rrefera għaliha bħala “l-aggregazzjoni ta’ kisbiet marġinali.” Dan kien jeħtieġ l-implimentazzjoni ta’ titjib żgħir f’kull ħaġa. Dan kien ifisser moniteraġġ kontinwu tal-istatistiċi ewlenin u tikkonċentra fuq dgħjufijiet speċifiċi.

B’xi mod tixbah l-idea tal-profeta Samwel il-Lamanita “li timxi b’għaqal.”1 Din is-sistema aktar wiesgħa u olistika tevita l-iżball li nkunu iffokati mijopikament fuq sempliċiment il-problemi ovvji jew xi dnub partikolari. Brailsford qal, “L-għan sħiħ ta’ dan il-prinċipju ġej mill-idea li jekk inti taqbad kull ħaġa li tista’ timmaġina relatata mas-sewqan tar-rota, u mbagħad ittejjibha b’perċentwali ta’ wieħed fil-mija, inti tkun tejjibt kollox b’mod sinifikanti meta tpoġġi kollox flimkien.”2

Il-metodu jallinja ruħu tajjeb ma’ dak li għallimna l-Mulej dwar l-importanza kritika tal-1 fil-mija—anke a spejjeż tad-99 fil-mija. M’hemmx dubju, Hu kien qed jgħallem wieħed mill-kmandi tal-evanġelju, li għandna nfittxu l-individwi fil-bżonn. Iżda xi ngħidu jekk napplikaw dak l-istess prinċipju għat-tieni prinċipju mill-aktar ħelu tal-evanġelju, l-indiema? Minflok ma nitfixklu minħabba l-bidla konfuża u drammatika ta’ bejn id-dnub u l-indiema, xi ngħidu jekk il-metodu li nużaw ikun li niffokaw fuq ħwejjeġ aktar żgħar—anke jekk ikollna bżonn nidħlu f’aktar dettall? Minflok ma nippruvaw inkunu perfetti f’kollox, xi ngħidu jekk niffokaw fuq ħaġa waħda biss?

Per eżempju, xi ngħidu jekk fil-panorama tagħkom tiskopru li waqajtu lura milli taqraw il-Ktieb ta’ Mormon kuljum? Mela, minflok ma tippruvaw b’mod iddisprat taqraw il-531 paġna f’lejl wieħed, xi tgħidu jekk tikkommettu ruħkom li taqraw sempliċiment wieħed fil-mija ta’ dan—li jiġu biss ħames paġni kuljum—jew numru ieħor ta’ paġni adattat għas-sitwazzjoni tagħkom? Jista’ jkun li l-metodu li niksbu kisbiet marġinali żgħar iżda konsistenti f’ħajjitna finalment ikun il-mod kif nirbħu fuq saħansitra l-aktar nuqqasijiet personali tedjanti tagħna? Jista’ dan l-atteġġjament lejn in-nuqqasijiet tagħna li niffokaw fuq ħwejjeġ żgħar jaħdem verament?

L-awtur mill-aktar magħruf James Clear jgħid li din l-istrateġija żżidilna ċ-ċans li nirnexxu. Hu jsostni li “il-vizzji huma ‘l-interess kompost tat-titjib personali.’ Jekk inti tista titjieb f’xi ħaġa kuljum b’persentaġġ ta’ wieħed fil-mija … sal-aħħar tas-sena inti tkun 37 darba aħjar.”3

It-titjib żgħir ta’ Brailsford beda bi ħwejjeġ li huma ovvji bħall-apparat, il-materjal tal-ħwejjeġ, u l-metodu tat-taħriġ. Iżda t-tìm tiegħu ma waqafx hemm. Huma komplew isibu kif setgħu jitjiebu b’wieħed fil-mija f’affarijiet li qabel ma kenux jagħtu kashom jew li ma kenux normali għalihom, bħan-nutrizzjoni, u saħansitra l-manutenzjoni tar-rota tagħhom. Maż-żmien, dan it-titjib u titjib żgħir ieħor wassal għal riżultati impressjonanti li waslu aktar malajr milli wieħed kien qed jistenna. Verament, huma kienu qed japplikaw il-prinċipju etern “linja wara linja, preċett wara preċett, ftit minn hawn u ftit minn hemm.”4

Tgħid dan it-tibdil żgħir iwassal għal “bidla kbira”5 li tixtiequ? Jekk timplimentawh sew jiena ninsab 99 fil-mija ċert li jaħdem! Iżda s-sigriet ta’ dan il-metodu hu li biex il-kisbiet żgħar jaħdmu, jeħtieġ sforz konsistenti ta’ kuljum. U minkejja li ċ-ċans hu li mhux se niġu perfetti, jeħtieġ inkunu determinati li l-paċenzja u l-persistenza tagħna jimxu id f’fid. Agħmlu dan u l-premjijiet ħelwin ta’ tjubija akbar iġibulkom il-ferħ u l-paċi li tixtiequ. Kif għallem il-President Russell M. Nelson: “Xejn ma jilliberana aktar, ma jirraffinana aktar, jew li hu aktar kruċjali għall-progressjoni individwali tagħna milli, b’mod regolari u ta’ kuljum, niffokaw fuq l-indiema. L-indiema mhijiex xi avveniment; hija proċess. Hija l-element ewlieni għall-ferħ u s-serħan il-moħħ. Meta tħaddimha flimkien mal-fidi, l-indiema tiftaħ l-aċċess tagħna għall-qawwa tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.”6

Immaġni
Żerriegħa tal-mustarda
Immaġni
Siġra tal-mustarda

U dwar dan il-prerekwiżit tal-indiema fejn tidħol il-fidi, l-iskrittura hija ċara. Kulma hu għall-ewwel meħtieġ minna hi “farka fidi.”7 U jekk aħna nistgħu nieħdu ħsieb din “iż-żerriegħa tal-mustarda”8 mentalment, aħna wkoll nistgħu nistennew titjib bla mistenni u eċċezzjonali f’ħajjitna. Iżda ftakru, l-istess kif ma nistgħux minn Attila l-Unnu f’daqqa waħda nippruvaw insiru Madre Teresa, aħna għandna norjentaw il-mudell tat-titjib tagħna ftit ftit. Anke jekk it-tibdil meħtieġ f’ħajjitkom huwa wieħed mill-aktar san, ibdew b’dożi żgħar. Dan hu speċjalment minnu jekk qed tħossukom fi stat ta’ diffikultà jew frustrati.

Dan il-proċess ma jitwettaqx dejjem b’mod lineari. Anke l-aktar nies determinati jafu jinħolqulhom l-ostakli. Peress li jien stess esperjenzajt din il-frustrazzjoni f’ħajti, jien naf li xi kultant inħossni li nkun qed nagħmel pass ta’ 1 fil-mija ’l quddiem u ieħor ta’ 2 fil-mija lura. Madankollu jekk nibqgħu sodi fid-determinazzjoni tagħna li konsistentement nibqgħu niksbu dak il-1 fil-mija, Dak li “tgħabba bin-niket tagħna”9 żgur li ċertament se jitgħabba bina.

Ovvjament, jekk aħna involuti fi dnubiet serji, il-Mulej hu ċar daqs il-kristall dwar dan; jeħtieġ li nieqfu, għandna niksbu l-għajnuna mingħand l-isqof tagħna, u ma nkomplux b’li qed nagħmlu b’mod immedjat. Iżda kif qalilna l-Presbiteru David A. Bednar: “Titjib żgħir u konsistenti huma l-passi li jridna nieħdu l-Mulej. Li nitħejjew biex nimxu bla ħtija quddiem Alla hi waħda mill-għanijiet ewlenin tal-mortalità u t-tfittxija ta’ ħajjitna; dan ma jirriżultax minn mumenti sporadiċi ta’ attività spiritwali intensa.”10

Immaġni
ċiklisti Brittaniċi

Għalhekk, dan l-atteġġjament ta’ titjib żgħir, fejn tidħol l-indiema u l-bidla vera, verament jaħdem? F’kelma waħda, hemm prova ta’ dan? Ikkunsidraw ftit x’ġara miċ-Ċikliżmu Brittaniku fl-aħħar għoxrin sena minn meta bdiet tiġi implimentata din il-filosofija. Iċ-ċiklisti Brittaniċi issa rebħu l-avveniment mill-aktar prestiġjuż tat-Tour de France seba’ darbiet! Fl-aħħar erba’ edizzjonijiet tal-Logħob Olimpiku, il-Gran Brittanja kienet l-aktar pajjiż ta’ suċċess fid-dixxiplini kollha taċ-ċikliżmu. U fl-Olimpjadi ta’ Tokyo li għandhom kif ġew fi tmiemhom, ir-Renju Unit rebaħ medalji tad-deheb aktar minn kull pajjiż ieħor.

Immaġni
Rebbieħa Olimpiċi

Ritratti taċ-ċiklisti Brittaniċi (minn fuq ix-xellug) Friedemann Vogel, John Giles, u Greg Baker/Getty Images

Iżda ferm aktar brillanti mill-fidda u d-deheb tad-dinja, il-wegħda prezzjuża tagħna fi triqitna lejn l-eternitajiet hi li aħna ultimament sejrin “naslu għar-rebħa fi Kristu.”11 Hekk kif nikkommettu ruħna li nagħmlu titjib żgħir iżda konsistenti, aħna niġu mwiegħda “kuruna tal-glorja minsuġa minn ward li ma jidbielx.”12 Bit-tgawdija ta’ dik id-dija li ma tintefiex dejjem toqrob, nistedinkom biex teżaminaw ħajjitkom u taraw x’inhu li qed iżommkom lura fit-triq tal-patt. Imbagħad ħarsu ftit lejn l-istampa sħiħa. Fittxu li tagħmlu ċertu tibdil modest iżda maġinabbli f’ħajjitkom li jista’ jirriżulta fil-ferħ ħelu li tkunu daqsxejn aħjar.

Ftakru, David uża biss ġebla waħda żgħira biex jirbaħ lil ġgant li kien jidher invinċibbli. Iżda hu kellu erba’ ġebliet oħra għal-lest. Bl-istess mod, id-dispożizzjoni ta’ Alma ż-Żgħir li jagħmel il-ħażen u d-destin etern tiegħu nbidlu permezz ta’ ħsieb wieħed sempliċi u saljenti—fejn ftakar mit-tagħlim ta’ missieru dwar il-grazzja li ssalva ta’ Ġesù Kristu. U l-istess ġara bis-Salvatur tagħna li, minkejja li kien mingħajr dnub, “ma rċeviex għall-ewwel il-milja sħiħa, iżda kompla jirċievi grazzja wara grazzja, sakemm irċieva l-milja sħiħa.”13

Immaġni
Ġesù Kristu

Huwa Dak li jaf meta jaqa’ mal-art l-għasfur tal-bejt li jinsab iffokat kemm fuq il-ħwejjeġ żgħar kif ukoll fuq il-mumenti importanti f’ħajjitna u li bħalissa hu lest li jassistikom f’kwalunkwe ħaġa li tridu taħdmu fuq il-wieħed fil-mija tagħha meta tħallu din il-konferenza. Minħabba kull sforz biex nindmu li aħna nagħmlu—jidher kemm jidher żgħir—jaf jagħmel l-akbar differenza f’ħajjitna.

Dwar dan il-Presbiteru Neal A. Maxwell għallem, “Kull affermazzjoni ta’ xewqa ġusta, kull att ta’ servizz, u kull att ta’ qima, irrispettivament kemm hu żgħir u inkrementali, ikompli jżid mal-momentum spiritwali tagħna.”14 Verament, hu permezz ta’ ħwejjeġ żgħar, sempliċi, u iva, saħansitra l-wieħed fil-mija, li l-ħwejjeġ kbar jiġu fis-seħħ.15 Ultimament ir-rebħa hija 100 fil-mija ċerta, “wara li nagħmlu dak kollu li nistgħu,”16 permezz tal-qawwa, tal-mertu, u l-ħniena ta’ Sidna u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Jiena nixhed dan f’isem Ġesù Kristu, amen.