Konferenza Ġenerali
Nitlob li Hu Jagħmel Użu Minna
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Nitlob li Hu Jagħmel Użu Minna

Numru ta’ inizjattivi żgħar flimkien jagħmlu impatt kbir, ikabbru l-bosta ħwejjeġ individwali li nagħmlu bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu.

Dawn il-gallettini, magħmula minn għaġina bla ħmira bil-lewż tal-pistaċċi, huma turija ta’ ringrazzjament. Għamluhom il-familja Kadado li, għal għexieren ta’ snin, kellhom tliet ifran f’Damasku, is-Sirja. Meta faqqgħet il-gwerra, ma baqgħux jirċievu ikel u provvisti fl-inħawi tagħhom tal-belt minħabba imblokk. Il-familja Kadado bdiet tbati l-ġuħ. Fl-eqqel ta’ din is-sitwazzjoni ddisprata, il-Karitajiet tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien u xi membri mill-aktar qalbiena tal-istaff tar-Rahma Dinjija bdew ta’ kuljum iservuhom ikla sħuna, kif ukoll ħalib għat-tfal ċkejknin. Wara żmien diffiċli, il-membri ta’ din il-familja bdew il-ħajja tagħhom mill-ġdid—kif ukoll il-forn tagħhom—f’pajjiż ġdid.

M’ilux, irċevejna kaxxa gallettini fl-uffiċċji tal-Knisja u magħhom kien hemm il-messaġġ li ġej: “Għal aktar minn xahrejn, aħna konna qed nieklu l-ikel mill-kċina tar-Rahma u tal-Karitajiet tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Mingħajru konna nispiċċaw immutu bil-ġuħ. Jekk jogħġobkom nitlobkom taċċettaw dan … il-kampjun mill-ħanut tiegħi bħala daqsxejn ta’ turija ta’ ringrazzjament. Nitlob lill-Alla s-Setgħan biex iberikkom … f’kull ma tagħmlu.”1

Gallettini ta’ gratitudni u tifkira. Magħmulin għalikom. Lilkom kollha li tlabtu wara li rajtu xi storja fuq l-aħbarijiet, lilkom kollha li għamiltuha ta’ voluntiera meta ma kienx konvenjenti għalikom jew li ġentilment tajtu l-flus lill-fondi umanitarja għax emmintu li qed tagħmlu l-ġid, grazzi.

Responsabbiltà Divina li Nieħdu Ħsieb il-Foqra

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu għandha mandat divin li tieħu ħsieb il-foqra.2 Din hi waħda mill-kolonni tal-ħidma tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni.3 Dak li kien minnu fi żmien Alma għadu ċertament minnu għalina llum: “U b’hekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ risq tagħhom, ma bagħtu ’l hemm lil ħadd li kien għeri, jew bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew marid, jew li kien bla saħħa; u huma ma rabtux qalbhom mar-rikkezzi; għalhekk taw lil kulħadd b’id miftuħa, kemm lix-xiħ kif ukoll liż-żgħir, kemm lill-ilsir kif ukoll lill-ħieles, kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa, kemm jekk kienu barra ’l knisja jew fil-knisja, u ma ħarsu lejn wiċċ ħadd meta ġew għal min kien fil-bżonn.”4

Il-Knisja wieġbet għal dan il-kmand b’varjetà wiesgħa ta’ modi, inkluż:

  • il-ministeru li nwettqu permezz tas-Soċjetà tal-Għajnuna, tal-kworums tas-saċerdozju, u tal-klassijiet;

  • is-sawm u l-użu tal-offerti tas-sawm;

  • l-irziezet u l-fabbriki tal-ibottiljar tal-welfer;

  • iċ-ċentri li fihom nilqgħu lill-immigranti;

  • l-outreach għal dawk li jinsabu fil-ħabs;

  • l-inizjattivi tal-ħidma umanitarja tal-Knisja;

  • u l-app JustServe, fejn hu disponibbli, li jillinkja lill-voluntiera ma’ għadd ta’ opportunitajiet ta’ servizz.

Dawn huma kollha modi, organizzati permezz tas-saċerdozju, fejn inizjattivi żgħar flimkien jagħmlu impatt kbir, u hekk ikabbru l-bosta ħwejjeġ individwali li nagħmlu bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu.

Il-Profeti Huma Responsabbli mid-Dinja Kollha

Il-profeti huma responsabbli mid-dinja kollha, mhux biss mill-membri tal-Knisja. Jien nista’ ngħid mill-esperjenza tiegħi kemm l-Ewwel Presidenza jieħdu din ir-responsabbiltà verament b’mod personali u b’tant devozzjoni. Hekk kif il-bżonn kiber, il-membri tal-Ewwel Presidenza talbuna biex inkabbru l-outreach umanitarji tagħna b’mod sinifikanti. Huma jinteressaw irwieħhom fl-akbar trends u fl-iżgħar dettalji.

M’ilux, aħna ħadna quddiemhom waħda mill-ġagagi mediċi protettivi li l-Beehive Clothing ħietu għall-isptarijiet biex jużawhom waqt il-pandemija. Bħala tabib mediku, il-President Russell M. Nelson verament interessa ruħu. Hu mhux biss ried jaraha. Ried jippruvaha—jiċċekkja l-kmiem u t-tul u l-mod kif tintrabat fuq wara. Aktar tard qalilna, b’leħen emozzjonat, “Meta tiltaqgħu man-nies waqt il-ħidma tagħkom, irringrazzjawhom għas-sawm tagħhom, għall-offerti tagħhom, u għall-ministeru tagħhom f’isem il-Mulej.”

Rapport Umanitarju

Taħt id-direzzjoni tal-President Nelson, jien qed nirrapporta lilkom dwar kif il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien qed twieġeb għall-uragani, għat-terrimoti, għall-ispostament tar-refuġjati—u anke għall-pandemija—grazzi għat-tjieba tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien u ta’ bosta ħbieb. Filwaqt li l-1,500 proġett, u fuqhom, tal-COVID-19 kien l-akbar ħidma ta’ għajnuna tal-Knisja f’dawn l-aħħar 18-il xahar, il-Knisja wieġbet ukoll għal 933 diżastru naturali u kriżi tar-refuġjati f’108 pajjiż. Iżda l-istatistiċi ma jurux l-istampa sħiħa. Ippermettuli naqsam magħkom erba’ eżempji qosra li jagħtukom togħma żgħira ta’ dak li qed isir.

Għajnuna tal-COVID fl-Afrika t’Isfel

Dieke Mphuti, ta’ sittax-il sena minn Welkom, l-Afrika t’Isfel, snin ilu tilfet lill-ġenituri tagħha, u spiċċat tieħu ħsieb it-tliet ħutha iżgħar minnha. Dejjem kien diffiċli ħafna għaliha biex issib ikel biżżejjed, iżda n-nuqqas ta’ provvista minħabba l-COVID u l-kwarantina għamlu s-sitwazzjoni waħda impossibbli. Spiss kienu jispiċċaw bil-ġuħ, jiddependu biss fuq il-ġenerożità tal-ġirien.

Immaġni
Dieke Mphuti

F’jum xemxi f’Awwissu 2020, Dieke b’sorpriża semgħet xi ħadd iħabbat fuq il-bieb. Hi marret tiftaħ u sabet żewġ stranġieri—wieħed rappreżentant tal-Knisja mill-uffiċċju reġjonali f’Johannesburg u l-ieħor uffiċjal mid-Dipartiment tal-Iżvilupp Soċjali tal-Afrika t’Isfel.

Iż-żewġ organizzazzjonijiet ingħaqdu flimkien biex iwasslu l-ikel lil familji li kienu f’riskju. Dieke ħasset fiha sens kbir ta’ solliev hekk kif tat ħarsa lejn il-munzell qamħirrum u ikel komuni ieħor, mixtri permezz tal-fondi umanitarji tal-Knisja. Dan kien se jgħinha ssostni lill-familja tagħha għal bosta ġimgħat sakemm pakkett ta’ għajnuna tal-gvern ikun jista’ jilħaqha.

L-istorja ta’ Dieke hi waħda minn eluf ta’ esperjenzi simili li qed iseħħu madwar id-dinja waqt il-pandemija tal-COVID grazzi għall-kontribuzzjoni kkonsagrata tagħkom.

Għajnuna għall-Afgani f’Ramstein

Ilkoll kemm aħna rajna ċerti immaġini riċenti fl-aħbarijiet: eluf ta’ nies jiġu evakwati permezz tal-ajru mill-Afganistan. Ħafna waslu f’bażijiet tal-ajru jew f’postijiet temporanji oħra ġewwa l-Qatar, l-Istati Uniti, il-Ġermanja, u Spanja qabel baqgħu sejrin sad-destinazzjoni finali tagħhom. Il-ħtiġijiet tagħhom kienu immedjati, u l-Knisja wieġbet permezz ta’ għadd ta’ provvisti u voluntiera. Ġewwa l-Bażi tal-Ajru ġewwa Ramstein, il-Ġermanja, il-Knisja pprovdiet donazzjonijiet kbar ta’ ħrieqi, ikel għat-trabi, ikel ieħor, u żraben.

Immaġni
Donazzjonijiet umanitarji għar-refuġjati
Immaġni
Nisa jħitu għal refuġjati Afghani

Xi wħud mill-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna nnotaw li ħafna min-nisa Afgani kienu qed jużaw id-dbielet ta’ żwieġhom biex jgħattu rashom minħabba li d-drapp tradizzjonali li jużaw normalment ma’ rashom kien tqatta’ fil-ġenn li kien hemm fl-ajruport ta’ Kabul. Bħala att ta’ ħbiberija li tmur lil hinn mill-fruntieri reliġjużi jew kulturali, l-aħwa nisa tal-Ewwel Qasam ta’ Ramstein inġabru flimkien biex iħitu l-ilbies tradizzjonali Musulman għan-nisa Afgani. Sister Bethani Halls qalet, “Smajna li n-nisa kellhom bżonn tal-ilbies tat-talb, u aħna qed inħituh ħalli jkunu komdi meta jitolbu.”5

Għajnuna għat-Terrimot f’Ħaiti

Dan l-eżempju li jmiss jurikom li m’hemmx għalfejn tkunu sinjuri jew anzjani biex tkunu strument għat-tajjeb. Marie “Djadjou” Jacques, ta’ tmintax-il sena ġejja mill-Fergħa ta’ Cavaillon, Ħaiti. Meta f’Awwissu terrimot qerriedi laqat qrib il-belt fejn toqgħod, id-dar tal-familja tagħha kienet waħda minn għexieren ta’ eluf ta’ bini li ġġarraf. Kważi impossibbli timmaġina d-disperazzjoni li tħoss meta titlef darek. Iżda minflok ma ddisprat, Djadjou—b’mod inkredibbli—marret tgħin lil ħaddieħor.

Immaġni
Marie Jacques
Immaġni
Terrimot ta’ Haiti

Associated Press

Hi rat ġara anzjana qed tbati u bdiet tieħu ħsiebha. Hi għenet oħrajn ineħħu l-iskart li kien inġabar. Minkejja l-għejja tagħha, hi ngħaqdet ma’ membri oħra tal-Knisja biex tqassam l-ikel u pakketti tal-iġene lil ħaddieħor. L-istorja ta’ Djadjou hi biss waħda minn għadd ta’ eżempji kbar ta’ servizz imwettqin miż-żgħażagħ u mill-adulti żgħażagħ hekk kif jagħmlu l-almu tagħhom biex jimxu wara l-eżempju ta’ Ġesù Kristu.

Għajnuna għall-Għargħar fil-Ġermanja

Ftit ġimgħat biss qabel it-terrimot, grupp ieħor ta’ adulti żgħażagħ kien qed jagħti servizz simili fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku. L-għargħar li esperjenzat l-Ewropa tal-Punent f’Lulju kienu l-agħar li laqtu l-inħawi għal għexieren ta’ snin.

Immaġni
Għargħar fil-Ġermanja

Meta l-ilmijiet finalment bdew jonqsu, wieħed sid ta’ ħanut fid-distrett ta’ Ahrweiler, il-Ġermanja, belt li tinsab max-xmara, ikkalkola kemm kienet kbira l-ħsara u kien se jiddispra. Dan ir-raġel umli, Kattolku mill-aktar devot, qal talba f’qalbu biex Alla jibgħat lil xi ħadd ħa jgħinu. Dik l-istess għodwa, il-President Dan Hammon tal-Missjoni ta’ Frankfurt, il-Ġermanja, wasal f’dik it-triq ma’ grupp żgħir ta’ missjunarji lebsin il-flokkijiet sofor tal-Idejn tal-Għajnuna. L-ilma kien laħaq ’il fuq minn 10 piedi (3 m) minn mal-ħitan tal-ħanut, u ħalla warajh saff mill-aktar fond ta’ tajn. Il-voluntiera ppalaw it-tajn, neħħew it-tapit u l-ġipsum, u ħarġu kollox fit-triq għar-rimi. Sid il-ħanut, li kien ferħan se jtir, għadda sigħat sħaħ jaħdem magħhom, mistagħġeb kif il-Mulej kien bagħat grupp ta’ qaddejja tiegħu biex iwieġeb talbu—u f’temp ta’ 24 siegħa!6

“Mela, Nitlob li Hu Jagħmel Użu Minna”

Meta kien qed jitkellem dwar l-inizjattivi umanitarji tal-Knisja, il-Presbiteru Jeffrey R. Holland darba rrimarka: “It-talb jinstama’ … ħafna drabi … billi Alla juża lil ħaddieħor. Mela, nitlob li Hu jagħmel użu minna. Nitlob li aħna nkunu t-tweġiba għat-talb ta’ ħaddieħor.”7

Ħuti, permezz tal-ministeru, tad-donazzjonijiet, tal-ħin, u tal-imħabba tagħkom, intom tkunu t-tweġiba għal tant talb. U madankollu għad baqa’ ferm xi jsir. Bħala membri mgħammdin tal-Knisja, aħna dħalna f’patt li lesti nieħdu ħsieb ta’ dawk fil-bżonn. L-isforzi individwali tagħna mhux neċessarjament li jeħtieġu l-flus jew li mmorru f’postijiet imbiegħda;8 huma jeħtieġu l-gwida tal-Ispirtu s-Santu u l-qalb lesta li tgħid, “Hawn jien; ibgħat lili.”9

Is-Sena tal-Grazzja tal-Mulej

Luqa 4 jgħidilna li Ġesù mar Nazaret, fejn kien trabba, u waqaf fis-sinagoga biex jaqra. Dan kien ftit qabel ma beda l-ministeru mortali tiegħu, u Hu kkwota passaġġ mill-ktieb ta’ Isaija:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani, bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, nrodd il-ħelsien lill-maħqurin,

“U nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej. …

“… Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.”10

Jien nixhed li l-iskrittura qed tiġi fis-seħħ fi żmienna wkoll. Nixhed li Ġesù Kristu jiġi biex ifejjaq lil ta’ qalbhom maqsuma. L-evanġelju tiegħu jagħti d-dawl lill-għomja. Il-Knisja tiegħu tħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u d-dixxipli tiegħu madwar id-dinja qed jippruvaw iroddu l-ħelsien lill-maħqurin.

Ippermettuli nagħlaq billi nirrepeti l-mistoqsija li Ġesù staqsa lill-Appostlu tiegħu Xmun Pietru: “Tħobbni int?”11 L-essenza tal-evanġelju tinstab fil-mod kif inwieġbu dik il-mistoqsija għalina nfusna u li “nirgħu n-nagħaġ tiegħu.”12 B’qima kbira u b’imħabba kbira għal Ġesù Kristu, l-Imgħallem tagħna, nistieden lil kull wieħed u waħda minna biex inkunu parti mill-ministeru manjifiku tiegħu, u nitlob li Hu jagħmel użu minna. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.

Noti

  1. Abdul Razaq, korrispondenza personali, Mejju 2021.

  2. Ara Doctrine and Covenants 104:11–18.

  3. Ara General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 1.2.2, ChurchofJesusChrist.org.

  4. Alma 1:30.

  5. Bethani Halls, ikkwotata f’“Aiding Afghan Evacuees,” Europe Area Welfare and Self-Reliance Newsletter, Aww. 2021.

  6. Minn Dan Hammon (president tal-missjoni ta’ Frankfurt, il-Ġermanja), imejl lil Ty Johnson, 2021.

  7. Jeffrey R. Holland, “Neonatal Resuscitation with Elder Holland” (video), The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 10 ta’ Nov., 2011, youtube.com.

  8. Ara Sharon Eubank, “16 Things You Can Do to Be a Humanitarian,” 3 ta’ Oct., 2021, ChurchofJesusChrist.org.

  9. Isaija 6:8; ara wkoll Abraham 3:27.

  10. Luqa 4:18–19, 21.

  11. Ara Ġwanni 21:15–17.

  12. Ġwanni 21:15–17.