Konferenza Ġenerali
Insaħħu l-Konverżjoni Tagħna għal Ġesù Kristu
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Insaħħu l-Konverżjoni Tagħna għal Ġesù Kristu

L-iskrittura u l-għarfien tagħna dwar Alla huma rigali—rigali li spiss ma napprezzawx biżżejjed. Ejjew ngħożżu dawn il-barkiet.

Grazzi ħafna, Presbiteru Nielson, għall-messaġġ sabiħ tiegħek. Verament kellna bżonnu.

Għeżież ħuti, m’ilux il-President Russell M. Nelson għallimna: “Biex tagħmlu xi ħaġa sew hemm bżonn daqsxejn ta’ sforz. Li ssiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu mhix eċċezzjoni. Biex tkabbru l-fidi u l-fiduċja tagħkom fih hemm bżonn daqsxejn ta’ sforz.” Fost ir-rakkomandazzjonijiet li tana biex inkabbru l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu hemm li aħna nsiru nies li verament jridu jitgħallmu, li ngħaddsu rasna fl-iskrittura biex nifhmu aħjar il-missjoni u l-ministeru ta’ Kristu. (Ara “Kristu Qam; Il-Fidi Fih Twarrab il-Muntanji,” Liahona, Mejju 2021, 103.)

Fil-Ktieb ta’ Mormon nitgħallmu li l-iskrittura kienet mill-aktar importanti għall-familja ta’ Leħi—tant hu hekk, li Nefi u ħutu reġgħu lura Ġerusalemm biex jiksbu l-pjanċi tal-bronż (ara 1 Nephi 3–4).

L-iskrittura tiżvela r-rieda ta’ Alla għalina l-istess kif għamlet il-Liahona għal Nefi u missieru. Wara li nkisirlu l-qaws, Nefi ried ikun jaf fejn seta’ jmur biex jikseb l-ikel. Missieru, Leħi, ħares lejn il-Liahona u ra l-ħwejjeġ li kien hemm miktubin fuqu. Nefi ra li l-imgħażel kienu jiffunzjonaw skont il-fidi, id-diliġenza, u l-attenzjoni li tingħatalhom. Hu ra wkoll kitba li ma kienx diffiċli biex jaqraha u li għenithom jifhmu t-toroq li riedhom jieħdu l-Mulej. Hu sar konxju li l-Mulej iġib fis-seħħ ħwejjeġ kbar permezz ta’ ħwejjeġ żgħar. Hu kien ubbidjenti rigward id-direzzjoni li ngħata permezz tal-Liahona. Hu tela’ fuq il-muntanja u kiseb l-ikel għall-familja tiegħu, li batiet ħafna minħabba l-ġuħ. (Ara 1 Nephi 16:23–31.)

Jien inħares lejn Nefi bħala student iddedikat għall-iskrittura. Naqraw li Nefi kien isib l-għaxqa tiegħu fl-iskrittura, kien jixtarrha f’qalbu, u jiktibha għat-tagħlim u l-profitt ta’ wliedu (ara 2 Nephi 4:15–16).

Il-President Russell M. Nelson qal:

“Jekk ‘nibqgħu mexjin ’il quddiem, niffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu, u nibqgħu nirreżistu sal-aħħar, … aħna jkollna l-ħajja eterna’ [2 Nephi 31:20].

“Li tiffestiġġja jfisser li dduq. Li tiffestiġġja jfisser li ttiegħem. Aħna nduqu l-iskrittura billi nistudjawha fi spirtu ta’ skopertà delizzjuża u ubbidjenza fidila. Meta niffesteġġjaw permezz ta’ kliem Kristu, kliemu jiġi inkorporat fuq ‘it-twavel tal-laħam ta’ qalbna’ [2 Korintin 3:3]. Isir parti integrali min-natura tagħna” (“Living by Scriptural Guidance,” Liahona, Jan. 2001, 21).

X’Inhuma Wħud mill-Ħwejjeġ li Nistgħu Nagħmlu Jekk Ruħna Ssib l-Għaxqa Tagħha fl-Iskrittura?

Ix-xewqa tagħna li nkunu parti mill-ġabra ta’ Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu tikber. Għalina tkun ħaġa normali u naturali li nistiednu lill-familja u lill-ħbieb tagħna biex jiltaqgħu mal-missjunarji. Aħna nkunu denji, u jkollna rakkomandazzjoni tat-tempju kurrenti sabiex inkunu nistgħu mmorru fit-tempju ta’ spiss kemm jista’ jkun. Aħna naħdmu biex insibu, inħejju, u nissottomettu l-ismijiet tal-antenati tagħna fit-tempju. Aħna nkunu fidili fiż-żamma ta’ Jum il-Mulej, nattendu l-knisja kull nhar ta’ Ħadd biex inġeddu l-patti tagħna mal-Mulej, u nipparteċipaw b’mod denn fit-teħid tas-sagrament. Aħna niddeċiedu li nibqgħu fit-triq tal-patt, ngħixu permezz ta’ kull kelma li toħroġ minn fomm Alla (ara Doctrine and Covenants 84:44).

Xi Jfisser Għalikom li Ssibu l-Għaxqa Tagħkom fil-Ħwejjeġ tal-Mulej?

Li nsibu l-għaxqa tagħna fl-iskrittura tfisser ferm aktar milli nkunu bil-ġuħ u bil-għatx għall-għarfien. Nefi esperjenza ferħ kbir f’ħajtu. Madankollu, hu ffaċċja wkoll diffikultajiet u niket (ara 2 Nephi 4:12–13). “Imma,” huwa qal, “Jien naf f’min afdajt ” (2 Nephi 4:19). Hekk kif nistudjaw l-iskrittura, aħna nifhmu aħjar il-pjan tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni ta’ Alla, u nafdaw fil-wegħdiet li Hu għamel magħna fl-iskrittura, kif ukoll fil-wegħdiet u l-barkiet tal-profeti ta’ żmienna.

Immaġni
David u Gulija

Lejla waħda, jien u marti konna mistednin għand xi ħbieb tagħna. David, it-tifel tagħhom ta’ seba’ snin, qatt ma kien sama’ bl-istorja mill-Bibbja dwar David u Gulija, u ried jismagħha. Hekk kif bdejt nirrakkonta l-istorja, hu impressjona ruħu bil-mod kif David, permezz tal-fidi tiegħu u f’isem Alla, darab u qatel lill-Filisti bi żbandola u b’ċagħqa, bla ma kellu l-ebda xabla f’idu (ara 1 Samwel 17).

Hu ħares lejja bl-għajnejn mill-aktar kbar u żoroq tiegħu u staqsieni b’vuċi soda, “Min hu Alla?” Jien spjegajtlu li Alla hu Missierna fis-Smewwiet u li aħna nitgħallmu dwaru fl-iskrittura.

Imbagħad hu staqsieni, “X’inhi l-iskrittura?” Jien għidtlu li l-iskrittura hi l-kelma ta’ Alla u li fiha jista’ jsib stejjer sbieħ li jgħinuh isir jaf aħjar lil Alla. Jien tlabt lil ommu biex tagħmel użu mill-Bibbja li kellha fid-dar tagħha u tara li David ma jmurx jorqod mingħajr ma l-ewwel tkun qratlu l-istorja sħiħa. Hu verament feraħ meta sema’ l-istorja. L-iskrittura u l-għarfien tagħna dwar Alla huma rigali—rigali li spiss ma napprezzawx biżżejjed. Ejjew ngħożżu dawn il-barkiet.

Meta kont għadni żagħżugħ, waqt li kont qed inservi missjoni, osservajt li permezz tat-tagħlim tagħna tal-iskrittura, ġiet ttrasformata l-ħajja ta’ bosta nies. Jien sirt konxju tal-qawwa li hemm fiha u kif tista’ tibdel ħajjitna. Kull persuna li għallimnieha l-evanġelju rrestawrat kienet individwu uniku bi ħtiġijiet differenti. L-iskrittura mqaddsa—iva, il-profeziji miktuba mill-profeti mqaddsa—wasslithom biex ikollhom il-fidi fil-Mulej, jindmu u jwettqu bidla f’qalbhom.

L-iskrittura mliethom bil-ferħ hekk kif huma rċevew l-ispirazzjoni, id-direzzjoni, il-konsolazzjoni, il-qawwa, u tweġibiet għall-ħtiġijiet tagħhom. Ħafna minnhom iddeċidew li jwettqu bidla f’ħajjithom u jibdew iħarsu l-kmandamenti ta’ Alla.

Nefi jħeġġiġna biex insibu l-għaxqa tagħna fi kliem Kristu, għax kliem Kristu jgħidilna dak kollu li għandna nagħmlu (ara 2 Nephi 32:3).

Immaġni
Studju tal-iskrittura fil-familja

Nistedinkom biex ikollkom pjan permanenti kif tistudjaw l-iskrittura. Come, Follow Me hu sors importanti li għandna biex ngħallmu u nitgħallmu l-evanġelju, billi jsaħħilna l-konverżjoni tagħna għal Ġesù Kristu, u jgħinna nsiru aktar bħalu. Meta nistudjaw l-evanġelju, aħna mhux sempliċiment infittxu informazzjoni ġdida; pjuttost, aħna nfittxu li nsiru “ħlejjaq ġodda” (2 Korintin 5:17).

L-Ispirtu s-Santu jiggwidana lejn il-verità u jixhed magħna dwar il-verità (ara Ġwanni 16:13). Hu jdawwal moħħna, u jġedded l-għarfien tagħna, u jimla qalbna permezz tar-rivelazzjoni ta’ Alla, is-sors tal-verità kollha. L-Ispirtu s-Santu jippurifika qalbna. Hu jispira fina x-xewqa li ngħixu skont il-verità u jgħidilna b’leħen sieket kif għandna nagħmlu dan. “L-Ispirtu s-Santu … jgħallimkom kollox (Ġwanni 14:26).

Meta kien qed jitkellem dwar il-kliem li Hu żvela lill-Profeta Joseph Smith, is-Salvatur tagħna qal:

“Dan il-kliem mhux ġej mill-bniedem, iżda minni; …

“Għax hu leħni li qed jgħidilkom dan il-kliem; għaliex hu mogħti lilkom permezz tal-Ispirtu tiegħi … ;

“Għalhekk, tistgħu tixhdu li smajtu leħni, u tafu kliemi” (Duttrina u Patti 18:35–36).

Aħna għandna nfittxu s-sħubija tal-Ispirtu s-Santu. Dan l-għan għandu jidderieġi d-deċiżjonijiet tagħna u jiggwida l-ħsibijiet u l-għemejjel tagħna. Jeħtieġ li nfittxu kull ħaġa li tistieden l-influwenza tal-Ispirtu u niċħdu kull ħaġa li tiddevjana minn din l-influwenza.

Jiena nixhed li Ġesù Kristu hu l-Iben il-maħbub ta’ Missierna fis-Smewwiet. Jiena nħobb lis-Salvatur tiegħi. Jiena grat għall-iskrittura tiegħu u għall-profeti ħajjin tiegħu. Il-President Nelson huwa l-profeti Tiegħu. F’isem Ġesù Kristu, amen.