Konferenza Ġenerali
Ħarsu ’l Bogħod
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Ħarsu ’l Bogħod

Li niffokaw fuq l-aktar ħwejjeġ importanti—speċjalment dawk il-ħwejjeġ li “jinsabu ’l bogħod,” dawk il-ħwejjeġ eterni—hu s-sigriet kif nistgħu nimmanuvraw tul din il-ħajja.

Meta kont għadni kif għalaqt 15, jiena ġibt permess li nitgħallem il-karozza, li kien jippermettili li nsuq jekk ikolli miegħi lil xi ħadd mill-ġenituri tiegħi. Meta missieri staqsieni jekk ridx immur dawra bil-karozza, tgħidx kemm ħadt gost.

Hu saq ftit mili sa tarf il-belt lejn triq twila u dritta b’żewġ korsiji li ftit kienu jużawha nies—tajjeb ngħid li dan kien, probabbilment, l-uniku post fejn seta’ jħossu sigur. Hu tefa’ mal-ġenb tat-triq, u bdilna postna. Hu tani xi ftit istruzzjonijiet u mbagħad qalli, “Ħudha bilmod fit-triq u suq sakemm ngħidlek biex tieqaf.”

Jien imxejt eżatt skont l-ordnijiet tiegħu. Iżda wara 60 sekonda, qalli, “Ibni, itfa’ mal-ġenb. Qed tistordini. Qiegħed isserrep min-naħa għall-oħra.” Hu staqsieni, “Lejn xiex qed tħares?”

Xi ftit irritat jien għidtlu, “Qed inħares lejn it-triq.”

Imbagħad qalli hekk: “Qed inħares lejn għajnejk, u qed tħares biss lejn dak li hemm eżatt quddiem il-karozza. Jekk tħares biss lejn x’hemm direttament quddiemek, qatt ma jirnexxielek issuq dritt. Imbagħad enfasizza, “Fit-triq ħares ’il bogħod. Dan jgħinek issuq dritt.”

Għal tifel ta’ 15-il sena, ħsibt li dik kienet lezzjoni tajba tas-sewqan. Minn dak iż-żmien irrealizzajt li dik kienet ukoll lezzjoni tajba ħafna għall-ħajja. Li niffokaw fuq l-aktar ħwejjeġ importanti—speċjalment dawk il-ħwejjeġ li “jinsabu ’l bogħod,” dawk il-ħwejjeġ eterni—hu s-sigriet kif nistgħu nimmanuvraw tul din il-ħajja.

F’okkażjoni partikolari fil-ħajja tas-Salvatur, Hu xtaq jgħaddi ħin waħdu, għalhekk “tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob.”1 Lid-dixxipli tiegħu bagħathom ’l hemm fejn talabhom biex jaqsmu għan-naħa l-oħra tax-xatt. Fid-dalma tal-lejl, id-dgħajsa li kienet qed iġġorr lid-dixxipli nqabdet f’maltempata kbira. Ġesù mar biex isalvahom iżda b’mod xejn konvenzjonali. Ir-rakkont tal-iskrittura jgħid, “Fir-raba’ sahra tal-lejl Ġesù mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar.”2 Meta rawh, bdew jibżgħu, għax ħasbu li l-figura li kienet riesqa lejhom kienet speċi ta’ fantażma. Ġesù, għax induna kemm kienu qed jibżgħu u għax ried iserrħilhom moħħhom, qalilhom, “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn.”3

Pietru mhux biss serraħ moħħu iżda mtela b’kuraġġ. Bħala l-bniedem mill-aktar qalbieni kif ukoll impetwuż, Pietru qal lil Ġesù: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.”4 Ġesù wieġbu bl-istedina familjari u eterna tiegħu: “Ejja.”5

Pietru, li bla dubju kien kuntent bl-istedina, qabeż mid-dgħajsa mhux għal ġo l-ilma iżda fuq l-ilma. Waqt li beda jiffoka fuq is-Salvatur, hu seta’ jagħmel l-impossibbli, anka jimxi fuq l-ilma. Għall-ewwel, Pietru ma ddejjaq xejn mill-maltemp. Iżda r-riħ “qawwi”6 eventwalment aljenah, u ma baqax iffokat. Reġgħet ħakmitu l-biża’. Konsegwentament, bdiet tonqsu l-fidi, u beda se jegħreq. “Hu beda jgħajjat u jgħid, Salvani, Mulej.”7 Is-Salvatur, li dejjem lest biex isalva, ħareġ idu u ġibdu ’l fuq, ’il bogħod mill-periklu.

Hemm għadd kbir ta’ lezzjonijiet x’nitgħallmu minn dan ir-rakkont mirakoluż, iżda jien se nsemmi tlieta.

Iffokaw fuq Kristu

L-ewwel lezzjoni: iffokaw fuq Ġesù Kristu. Waqt li Pietru żamm għajnejh iffokati fuq Ġesù, hu seta’ jimxi fuq l-ilma. Il-maltemp, il-mewġ, u r-riħ ma setgħux iwaqqfuh sakemm hu baqa’ ffokat fuq is-Salvatur.

Li nifhmu l-għan aħħari tagħna jgħinna niddeterminaw fuq xiex għandna niffokaw. Ma nistgħux nirbħu logħba jekk ma nkunux nafu l-għan tagħha, u lanqas ma nistgħu ngħixu ħajja sinifikanti jekk ma nkunux nafu l-iskop tagħha. Waħda mill-akbar barkiet tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu hi li hu jwieġeb, fost ħwejjeġ oħra, il-mistoqsija “X’inhu l-għan tal-ħajja?” “L-iskop tagħna f’din il-ħajja hu li nkunu ferħanin u li nitħejjew sabiex nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla.”8 Li niftakru li aħna ninsabu hawn fid-dinja biex nitħejjew ħalli nerġgħu lura ma’ Alla jgħinna niffokaw fuq il-ħwejjeġ li jressquna lejn Kristu.

Biex niffokaw fuq Kristu jeħtieġ nuru d-dixxiplina, speċjalment dwar ċerti drawwiet spiritwali żgħar u sempliċi li jgħinuna nsiru dixxipli aħjar. Ma jeżistix dixxipulat mingħajr dixxiplina.

Aħna nistgħu niffokaw fuq Kristu b’aktar ċarezza meta fi triqitna aħna nħarsu ’l bogħod lejn fejn nixtiequ mmorru u lejn min nixtiequ nsiru u mbagħad niddedikaw ħin kull jum biex inwettqu dawk il-ħwejjeġ li jgħinuna naslu s’hemm. Li niffokaw fuq Kristu jista’ jissimplifika d-deċiżjonijiet tagħna u jipprovdilna gwida kif nistgħu l-aħjar inqattgħu l-ħin u r-riżorsi tagħna.

Filwaqt li hemm ħafna ħwejjeġ denji li nistgħu niffokaw fuqhom, mill-eżempju ta’ Pietru nitgħallmu dwar l-importanza li ħarsitna dejjem tibqa’ ffokata fuq Kristu. Hu biss permezz ta’ Kristu li aħna nistgħu nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Alla. Aħna niddependu fuq il-grazzja ta’ Kristu hekk kif nagħmlu li nistgħu biex insiru bħalu u nfittxu l-maħfra u l-qawwa setgħana tiegħu meta niżbaljaw.

Attenti mid-Distrazzjoni

It-tieni lezzjoni: attenti mid-distrazzjoni. Meta Pietru ma baqax iffokat fuq Ġesù u minflok beda jiffoka fuq ir-riħ u l-mewġ li beda jħabbat ma’ riġlejh, hu qabad jegħreq.

Hawn bosta ħwejjeġ li jinsabu “eżatt quddiemna” li jistgħu jaljenawna milli niffokaw fuq Kristu u fuq ħwejjeġ eterni li jinsabu “’l bogħod.” Ix-xitan hu l-akbar distrattur. Aħna nitgħallmu mill-ħolma ta’ Leħi li l-ilħna li ġejjin mill-bini kbir u spazjuż jippruvaw iħajruna għal ħwejjeġ li jbegħduna mit-triq li tħejjina sabiex nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Alla.9

Iżda hemm distrazzjonijiet oħra anqas ovvji li jafu jkunu perikolużi daqshom. Kif jgħid il-qawl, “L-unika ħaġa neċessarja biexil-ħażen jirbaħ hi li n-nies twajbin ma jagħmlu xejn.” L-avversarju jidher determinat li jikkonvinċi nies twajbin biex ma jagħmlu xejn, jew għallinqas jaħlu ħinhom fuq ħwejjeġ li jaljenawhom mill-għanijiet u l-iskopijiet importanti fil-ħajja. Per eżempju, xi ħwejjeġ li b’moderazzjoni jafu jkunu ta’ ġid jistgħu jagħmlulna l-ħsara jekk ma jkollniex dixxiplina. L-avversarju jifhem li d-distrazzjoni m’hemmx għalfejn tkun ħażina jew immorali biex tkun effettiva.

Aħna Nistgħu Niġu Salvati

It-tielet lezzjoni: aħna nistgħu niġu salvati. Meta Pietru beda jegħreq, hu għajjat, “Mulej, salvani. Malajr Ġesù medd idu u qabdu.”10 Meta nkunu qed negħrqu, meta niffaċċjaw l-hemm, jew meta niżbaljaw, aħna wkoll nistgħu niġu salvati minnu.

Meta tiffaċċjaw l-hemm jew l-isfidi, intom tafu tkunu bħali u tittamaw li tiġu salvati immedjatament. Iżda ftakru li s-Salvatur mar biex jeħles lill-Appostli fir-raba’ sahra tal-lejl—wara li kienu għaddew kważi l-lejl kollu jitqabdu fil-maltemp.11 Jista’ jkun li aħna nitlobu li jekk l-għajnuna ma tasalx fil-pront, għallinqas għandha tasal mat-tieni sahra jew inkella mat-tielet sahra tal-lejl diffiċli. Meta jkollna nistennnew, ibqgħu ċerti li s-Salvatur se nsibuh dejjem lest biex jgħinna, fejn Hu jara li ma jkollniex għalfejn inbatu aktar milli nifilħu.12 Għal dawk fostkom li tinsabu tistennew waqt ir-raba’ sahra tal-lejl, li forsi t-tbatija tagħkom għadha fl-eqqel tagħha, titilfux it-tama. Il-fidili dejjem se jiġu salvati, jekk mhux fil-mortalità, fl-eternitajiet.

Xi kultant aħna nibdew negħrqu minħabba l-iżbalji u l-ħtijiet tagħna. Jekk tkunu qed tegħrqu minħabba dawk ir-raġunijiet, agħmlu l-għażla ġusta u indmu.13 Jien nemmen li ftit huma l-affarijiet li jġibu l-ferħ lis-Salvatur aktar milli meta Hu jsalva lil dawk li jmorru, jew jerġgħu lura, għandu.14 L-iskrittura mimlija stejjer ta’ nies li qabel kienu mitlufin u fit-triq żbaljata iżda mbagħad nidmu u saru nies ta’ fidi soda fi Kristu. Jien naħseb li dawk l-istejjer jinsabu fl-iskrittura biex ifakkruna li l-imħabba tas-Salvatur għalina u l-qawwa tiegħu li jifdina huma infiniti. Is-Salvatur mhux biss jifraħ meta nindmu, iżda aħna wkoll inkunu verament ferħanin.

Konklużjoni

Nistedinkom biex intenzjonalment “tħarsu ’l bogħod” u tiffokaw aktar fuq dawk il-ħwejjeġ li huma verament importanti. Jalla aħna nibqgħu dejjem iffokati fuq Kristu. Qalb kull distrazzjoni, kull ħaġa li hemm “eżatt quddiemna,” u qalb l-irwiefen li jaħkmuna, jiena nixhed li Ġesù hu s-Salvatur u l-Feddej tagħna, Dak li jsalvana. F’isem Ġesù Kristu, amen.