Konferenza Ġenerali
Fidi li Naġixxu u Nsiru
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Fidi li Naġixxu u Nsiru

Permezz tat-talb u tal-istudju tal-iskrittura, aħna jista’ jkollna aċċess għall-barkiet tas-smewwiet u nsiru dixxipli aħjar tas-Salvatur Ġesù Kristu.

Ftit wara li ġejt imsejjaħ biex inservi bħala Awtorità Ġenerali Sebgħin, jien kelli l-opportunità li niltaqa’ għal ftit minuti mal-President Russell M. Nelson. Kienet laqgħa spontanja ġo kafeterija, u hu kien ġentili biżżejjed li jistieden lili u lill-Presbiteru S. Mark Palmer biex inpoġġu ħdejh u nieklu miegħu.

“Dwar xiex kellna nitkellmu waqt ikla mal-profeta?” kien il-ħsieb li għadda minn moħħi. Għalhekk iddeċidejt li nistaqsi lill-President Nelson jekk kellux xi parir jew xi kliem ta’ gwida għalija peress li kont għadni nibda fis-sejħa tiegħi. It-tweġiba tiegħu kienet mill-aktar sempliċi u diretta; hu ħares lejja u qalli, “Presbiteru Schmeil, inti ġejt imsejjaħ għal dak li tista’ ssir.” Dik l-esperjenza wasslitni biex nixtarr dwar dak li jridni nsir il-Mulej. Hekk kif bdejt naħseb dwar dan, irrealizzajt li Hu jridni nsir raġel miżżeweġ aħjar, missier, u iben u qaddej aħjar. Imbagħad irrealizzajt li dan kollu jista’ jseħħ waqt li naħdem biex insir dixxiplu aħjar tas-Salvatur Ġesù Kristu.

L-aħħar konferenza ġenerali, il-President Nelson qal: “Biex tagħmlu xi ħaġa sew hemm bżonn daqsxejn ta’ sforz. Li ssiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu mhix eċċezzjoni.”1 Il-President Nelson qed jistedinna biex naħdmu bis-serjetà ħalli nsiru dixxipli aħjar ta’ Ġesù Kristu. Hu qalilna li biex insiru aktar bħas-Salvatur, jeħtieġ li, fost ħwejjeġ oħra, insaħħu l-fidi tagħna billi nistaqsu, naġixxu, u nistudjaw.

1. Nistaqsu

Huwa qal, “Itolbu lil Missierkom fis-Smewwiet, f’isem Ġesù Kristu, għall-għajnuna.”2 Li nistaqsu permezz tat-talb hi waħda mill-modi ewlenin kif inkunu nafu kif nistgħu nsiru dixxipli aħjar ta’ Ġesù Kristu.

Lejn tmiem il-ministeru tiegħu fost in-Nefiti fil-kontinent Amerikan, Ġesù Kristu tela’ fis-smewwiet. Aktar tard, id-dixxipli tiegħu nġabru flimkien, “magħqudin fis-setgħa tat-talb u s-sawm. U Ġesù reġa’ wera lilu nnifsu lilhom, għax huma kienu qed jitolbu lill-Missier f’ismu.”3 Għalfejn Ġesù reġa’ wera lilu nnifsu lid-dixxipli tiegħu? Għaliex huma kienu qed jitolbu; kienu qed jistaqsu.

Imbagħad Hu kompla jgħid:

“Issa se mmur għand il-Missier. U tassew ngħidilkom, kull ma titolbu lil Missieri f’ismi jingħatalkom.

“Għalhekk, itolbu u taqilgħu; ħabbtu u jiftħulkom; għax kull min jitlob, jaqla’; u min iħabbat, jiftħulu.”4

Jeħtieġ li nitolbu bil-fidi biex inkunu nafu r-rieda tal-Mulej, u naċċettaw li l-Mulej jaf x’inhu l-aħjar għalina.

2. Naġixxu

Li naġixxu huwa wkoll mod ewlieni kif insiru dixxipli aħjar ta’ Ġesù Kristu. Hekk kif naġixxu, Hu jiggwidana u jmexxina tul it-triq. Jiena ċert li Nefi kien qed ifittex il-gwida mingħand il-Mulej biex ikun jaf kif seta’ jikseb il-pjanċi tal-bronż mingħand Laban, madankollu hu u ħutu ppruvaw darbtejn mingħajr suċċess. Iżda huma kienu qed jaġixxu, u l-Mulej kien qed jidderiġihom tul it-triq. Finalment, mat-tielet darba Nefi rnexxielu. Huwa qal, “Jien kont immexxi mill-Ispirtu, għax ma kontx naf minn qabel x’kelli nagħmel.”5

Dan hu l-mod kif jaħdem bih il-Mulej hekk kif nagħmlu dak kollu li nistgħu u naġixxu anke meta ma jkollniex għarfien ċar ta’ x’jeħtieġ li nagħmlu. Il-Mulej qal lin-Nefi x’kellu jagħmel: mur u ġib il-pjanċi. Iżda Hu ma qalx lin-Nefi kif kellu jagħmel dan. Hu ħalla f’idejn Nefi biex isib soluzzjoni u jfittex l-għajnuna tal-Mulej—u ħafna drabi dan hu kif il-Mulej jaħdem f’ħajjitna. Hekk kif naġixxu bil-fidi, il-Mulej jiggwidana u jmexxina.

3. Nistudjaw

F’3 Nefi, id-dixxipli qalu lis-Salvatur li kien hemm ċertu disgwid fost in-nies rigward l-isem tal-Knisja. Is-Salvatur weġibhom billi għallimhom prinċipju importanti meta staqsiehom, “Huma ma qrawhiex l-iskrittura?”6 Għalhekk li nistudjaw huwa wkoll mod ewlieni biex insiru dixxipli aħjar ta’ Ġesù Kristu. It-talb u l-istudju tal-iskrittura jmorru flimkien. Huma jaħdmu flimkien għall-aħjar tagħna. Dan hu proċess li stabbilixxa l-Mulej. “Iffestiġġjaw permezz ta’ kliem Kristu; għax araw, kliem Kristu jgħidilkom dak kollu li għandkom tagħmlu.”7

Is-Salvatur għallem ukoll li aħna mhux biss għandna nistudjaw l-iskrittura iżda għandna wkoll ngħallmuha, hekk kif Hu wera dan lin-Nefiti: “U issa ġara li meta Ġesù fissrilhom l-iskrittura kollha, li huma kienu kitbu, hu talabhom biex jgħallmu l-ħwejjeġ li huwa kien fissrilhom.”8

Din hi waħda mir-raġunijiet għalfejn kien daqstant importanti għal Nefi li jmur lura u jikseb il-pjanċi tal-bronż: il-familja tiegħu kienet teħtieġ l-iskrittura mhux biss biex tgħinhom jivvjaġġaw lejn l-art imwiegħda iżda wkoll biex tgħinhom jgħallmu lil uliedhom. Aħna wkoll jeħtieġ infittxu l-gwida mill-iskrittura għall-vjaġġ tagħna, u għandna ngħallmuha fi djarna u fis-sejħiet tal-Knisja.

4. Naġixxu biex Insiru

Bosta drabi, risposta għat-talb ma tasalx mill-ewwel. Iżda jeħtieġ li jkollna l-fidi li nkomplu għaddejjin, naġixxu fis-sewwa, u nkunu persistenti bħal Nefi meta kien qed jipprova jikseb il-pjanċi tal-bronż. Il-Mulej ma juriniex kollox f’daqqa iżda ftit, ftit; hekk kif nistudjaw l-iskritura, il-Mulej jgħidilna dak li nkunu rridu nafu jew jagħtina l-qawwa neċessarja biex ngħaddu b’kuraġġ jum ieħor, ġimgħa oħra, u nerġgħu nippruvaw darb’oħra. Il-Presbiteru Richard G. Scott qal: “Kunu grati li xi kultant Alla jippermetti li għal żmien twil intom tibqgħu titqabdu qabel tirċievu dik it-tweġiba. Dan iwassal biex il-fidi tagħkom tikber u l-karattru tagħkom jissaħħaħ.”9

Permezz tat-talb u l-istudju tal-iskrittura, il-Mulej dejjem tani l-qawwa li naġixxi u ngħaddi b’kuraġġ jum ieħor, ġimgħa oħra, u nerġa’ nipprova darb’oħra. Bosta drabi, ir-risposta ma tasalx mill-ewwel. Jien għandi mistoqsijiet li għadni s’issa mingħajr risposta għalihom, iżda nkompli nistaqsi u nistudja, u kuntent li l-Mulej ikompli jagħtini l-qawwa li naġixxi hekk kif nistenna dawn ir-risposti.

Il-Presbiteru Scott qal ukoll, “Hekk kif timxu lejn il-konfini tal-għarfien tagħkom fl-għabex tal-inċertezza, u teżerċitaw il-fidi, intom tiġu mmexxijin biex issibu soluzzjonijiet li ma tistgħux tiksbuhom mod ieħor.”10

Li nsiru dixxipli aħjar tas-Salvatur Ġesù Kristu huwa vjaġġ għal tul ħajjitna kollha, u aħna lkoll ninsabu fi stadji differenti, mexjin b’pass differenti. Jeħtieġ inżommu f’moħħna li din mhux xi kompetizzjoni, u li aħna ninsabu hawn biex inħobbu u ngħinu lil xulxin. Jeħtieġ li nkunu qed naġixxu biex nippermettu li s-Salvatur jaħdem magħna f’ħajjitna.

Meta kien qed ikellem lil Sidney Rigdon, il-Mulej qal dan li ġej: “Jien żammejt għajnejja fuqek u fuq ħidmietek. Jiena smajt talbek, ħejjejtek għal ħidma akbar.”11 Jiena nixhed li l-Mulej jisma’ u jwieġeb talbna, Hu jafna; Hu għandu ħidma kbira għal kull wieħed u waħda minna. Permezz tat-talb u tal-istudju tal-iskrittura, aħna jista’ jkollna aċċess għall-barkiet tas-smewwiet u nsiru dixxipli aħjar tas-Salvatur Ġesù Kristu.

Il-Presbiteru Dallin H. Oaks għallem li “il-Ġudizzju Finali mhuwiex biss evalwazzjoni tas-somma totali tal-għemejjel tajbin u ħżiena tagħna—ta’ dak li għamilna. Huwa riżultat tal-effett finali tal-għemejjel tagħna u ta’ ħsibijietna—ta’ dak li sirna.”12

Jiena grat għall-profeti, veġġenti, u rivelaturi; huma l-għassiesa fuq it-torri. Huma jaraw ħwejjeġ li aħna ma narawhomx. Jiena nixhed li permezz ta’ kliemhom, aħna nistgħu nsiru dixxipli aħjar tas-Salvatur Ġesù Kristu u niksbu l-potenzjal tagħna. Jiena nixhed li Kristu jgħix u jaf lil kull wieħed u waħda minna individwalment. Din hi l-Knisja tiegħu. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.