Konferenza Ġenerali
Il-Mirakli tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Il-Mirakli tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu

Jiena naf li l-Evanġelju tiegħu jista’ jġibilna t-tama, il-paċi, u l-ferħ, mhux biss bħalissa, iżda jista’ jbierek numru bla għadd ta’ persuni fil-ġenerazzjonijiet futuri.

Mabuhay! Inwasslilkom l-imħabba u t-tbissima ħelwa tal-Qaddisin meraviljużi tal-Filippini. Din is-sena qed infakkru s-60 sena minn meta l-ewwel missjunarji waslu fil-gżejjer tal-Filippini. Illum hemm 23 missjoni u aktar minn 800,000 membru tal-Knisja f’123 wited. Issa għandna seba’ tempji li bħalissa qed joperaw, jew qed jinbnew, jew li ġew imħabbra. Dan hu verament miraklu. Qed naraw b’għajnejna t-twettiq tal-profezija li hemm f’ 2 Nephi 10:21: “Kbar huma l-wegħdiet tal-Mulej lil dawk li jinsabu fil-gżejjer tal-baħar.”

Immaġni
Il-President Hinckley fil-Filippini

Dan il-miraklu hu wkoll it-twettiq tal-profezija mogħtija f’talba minn dak li dak iż-żmien kien il-Presbiteru Gordon B. Hinckley, f’Manila, fl-1961. F’dik it-talba, il-Presbiteru Hinckley iddikjara: “Aħna nsejħu għall-barkiet tiegħek fuq il-poplu ta’ din l-art, li huma jkunu simpatiċi u ospitabbli u twajbin u grazzjużi ma’ dawk jiġu hawn, u li ħafna, iva, Mulej, nitolbu li jkun hawn ħafna eluf u eluf ta’ nies li jirċievu dan il-messaġġ u jitbierku permezz tiegħu. Nitolbuk biex tberikom b’moħħ riċettiv u b’qalb li tifhem, u b’fidi li jirċievu, u b’kuraġġ li jgħixu l-prinċipji tal-evanġelju” (talba dedikatorja fiċ-Ċimiterju tal-Monument tal-Gwerra Amerikan, il-Filippini, 28 ta’ Apri, 1961.)

Immaġni
il-familja Revillo

Minbarra l-bosta eluf ta’ Qaddisin tal-Aħħar Żmien fidili, il-miraklu tal-evanġelju ġab tibdil pożittiv fil-pajjiż u fost in-nies tiegħu. Jiena xhieda ħajja ta’ dan. Jien kelli sitt snin meta l-ġenituri tiegħi ngħaqdu mal-Knisja fil-gżira ta’ Mindanao, fin-nofsinhar tal-pajjiż. Dak iż-żmien, fil-pajjiż kollu kien hemm biss missjoni waħda u ma kien hemm ebda wited. Jien eternament grat għall-kuraġġ u l-impenn tal-ġenituri tiegħi li jimxu wara s-Salvatur. Jien nonora lilhom u lill-pijunieri kollha tal-Knisja fil-Filippini. Huma fasslu t-triq għall-ġenerazzjonijiet ta’ wara biex ikunu mberkin.

Is-Sultan Benjamin fil-Ktieb ta’ Mormon qal: “U barra minn hekk, jien nixtieq li intom tikkunsidraw l-istat imbierek u ta’ ferħ ta’ dawk li jżommu l-kmandamenti ta’ Alla. Għax araw, huma mberkin f’kollox, kemm fi ħwejjeġ temporali kif ukoll spiritwali” (Mosiah 2:41).

Hekk kif ngħixu u nobdu l-prinċipji u l-ordinanzi tal-evanġelju, aħna niġu mberkin, mibdulin, u kkonvertiti biex insiru aktar bħal Ġesù Kristu. Kien b’dan il-mod kif l-evanġelju bidel u bierek lill-Qaddisin Filippini, fosthom lill-familja tiegħi. L-evanġelju hu verament il-mod kif jista’ jkollna ħajja kuntenta u abbundanti.

Il-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu hi l-ewwel prinċipju tal-evanġelju. Bosta nies mill-Filippini għandhom fidi naturali f’Alla. Hu faċli għalina li nafdaw f’Ġesù Kristu u nagħrfu li nistgħu nirċievu tweġiba għal talbna.

Immaġni
il-familja Obedoza

Il-familja Obedoza hi eżempju tajjeb ta’ dan. Brother Obedoza kien il-president tal-fergħa tiegħi meta kont għadni żagħżugħ. L-akbar xewqa ta’ Brother u Sister Obedoza kienet li jiġu ssiġillati mal-familja tagħhom fit-Tempju ta’ Manila. Huma kienu jgħixu fil-Belt ta’ General Santos, 1,000 mil (1,600 km) ’il bogħod minn Manila. Għal familja ta’ disgħa, li jagħmlu dan il-vjaġġ għat-tempju dehret xi ħaġa impossibbli. Iżda bħar-raġel negozjant li mar u biegħ dak kollu li kellu biex jixtri ġawhra li tiswa ħafna (ara Mattew 13:45–46), din il-koppja ddeċidiet li tbiegħ id-dar li kellhom biex iħallsu għal dak il-vjaġġ. Sister Obedoza kienet inkwetata għax ma kienx se jkollhom dar għal meta jiġu lura. Iżda Brother Obedoza assiguraha li l-Mulej kien se jipprovdilhom.

Huma ġew issiġillati fit-tempju bħala familja għal żmien u l-eternità kollha fl-1985. Fit-tempju huma sabu ferħ inkomparabbli—il-ġawhra imprezzabbli tagħhom. U kif kien qal sewwasew Brother Obedoza, il-Mulej ipprovdilhom. Meta waslu lura minn Manila, xi nies twajba li huma kienu jafu tawhom fejn joqogħdu, u eventwalment huma sabu dar għalihom. Il-Mulej jieħu ħsieb ta’ dawk li juru l-fidi tagħhom fih.

It-tieni prinċipju tal-evanġelju huwa l-indiema. L-indiema hi li tiċħad id-dnub u ddur lejn Alla għall-maħfra. Hija bidla fil-moħħ u fil-qalb. Kif jgħallem il-President Russell M. Nelson, tfisser li “kuljum tagħmlu u tkunu ftit aħjar.” (“Nistgħu Nagħmlu Aħjar u Nkunu Aħjar,” Liahona, Mejju 2019, 67).

L-indiema tixbah ħafna lis-sapun. Meta kont inġinier żagħżugħ tal-kimika, jien għamilt żmien naħdem ġo fabbirka tas-sapun fil-Filippini. Tgħallimt kif nagħmel is-sapun u l-proċess kif jaħdem. Meta tħallat iż-żjut flimkien ma’ bażi tal-alkali u żżid aġenti ta’ kontra l-baċterja, dan joħloq sustanza qawwija li tista’ telimina l-baċterja u l-virusis. Bħas-sapun, l-indiema hi aġent li jnaddaf. Tagħtina l-opportunità li neħilsu mit-tniġġiż u l-iskart qadim tagħna ħalli nkunu denji li nkunu ma’ Alla, għax “l-ebda ħaġa maħmuġa ma tista’ tiret is-saltna ta’ Alla” (Alma 11:37).

Permezz tal-indiema aħna nistgħu nagħmlu użu mill-qawwa li tnaddafna u tqaddisna ta’ Ġesù Kristu. Hi parti integrali mill-proċess tal-konverżjoni. Dan hu dak li ġara lill-Anti-Nefi-Leħiti fil-Ktieb ta’ Mormon. Huma kienu Lamaniti li tant seħħet bidla kompleta fihom li “qatt ma tbiegħdu mill-verità” (ara Alma 23:6–8). Huma difnu l-armi tal-gwerra tagħhom u qatt ma użawhom aktar. Kienu jippreferu jmutu milli jiksru dak il-patt. U huma taw prova ta’ dan. Aħna nafu li s-sagrifiċċju tagħhom ġabulhom il-mirakli; eluf li ġġieldu kontrihom warrbu l-armi tagħhom u kkonvertew. Snin wara, uliedhom is-subien, li nafuhom bħala l-gwerriera żgħażagħ, ġew protetti f’battalja kontra kull mistenni!

Immaġni
missier il-Presbiteru Revillo

Il-familja tiegħi u bosta Qaddisin Filippini għaddew mill-istess proċess ta’ konverżjoni. Meta aħna aċċettajna l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u ngħaqadna mal-Knisja, aħna bdilna l-ħajja u l-kultura tagħna biex nallinjaw ruħna mal-evanġelju. Kellna nwarrbu ċerti tradizzjonijiet ħżiena. Jien rajt dan iseħħ f’missieri meta hu tgħallem dwar l-evanġelju u nidem. Hu kien ipejjep ħafna, iżda hu rama s-sigaretti tiegħu u qatt ma messhom aktar. Minħabba d-deċiżjoni tiegħu li jinbidel, ġew imbierka erba’ ġenerazzjonijiet sħaħ li ġew warajh.

Immaġni
Il-Ġenerazzjonijiet tal-familja Revillo

L-indiema twasslna biex nagħmlu u nħarsu l-patti permezz ta’ ordinanzi sagri. L-ewwel ordinanza tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni hi l-magħmudija b’immersjoni għall-maħfra tad-dnubiet. Il-magħmudija tagħtina ċ-ċans li nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu u nidħlu f’patt mal-Mulej. Kull ġimgħa aħna nistgħu nġeddu dan il-patt tal-magħmudija hekk kif nieħdu sehem fis-sagrament. Dan ukoll hu miraklu!

Ħuti, nistedinkom biex tistiednu dan il-miraklu f’ħajjitkom. Ejjew għand Ġesù Kristu u agħżlu li teżerċitaw il-fidi tagħkom fih; indmu u agħmlu u ħarsu l-patti li nsibu fl-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni. Dan jagħtikom iċ-ċans li ġġorru l-madmad tagħkom flimkien ma’ Kristu u tirċievu l-qawwa u l-barkiet tad-divinità (ara Doctrine and Covenants 84:20).

Jien nixhed dwar ir-realtà ta’ Ġesù Kristu u li Hu jgħix u jħobb lil kull wieħed u waħda minna. Jiena naf li l-Evanġelju tiegħu jista’ jġibilna t-tama, il-paċi, u l-ferħ, mhux biss bħalissa, iżda jista’ jbierek numru bla għadd ta’ persuni fil-ġenerazzjonijiet futuri. Din hi r-raġuni għat-tbissima sabiħa u ħelwa fuq ħaddejn il-Qaddisin Filippini. Dan hu l-miraklu tal-evanġelju u d-duttrina ta’ Kristu. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.