Konferenza Ġenerali
Iddedikaw Ħin għall-Mulej
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Iddedikaw Ħin għall-Mulej

Illum nitlobkom biex tikkumbattu t-tentazzjoni tad-dinja billi tiddedikaw ħin f’ħajjitkom għall-Mulej—kull jum.

Għeżież ħuti, għal jumejn sħaħ aħna ġejna mgħallmin tajjeb minn qaddejja tal-Mulej li b’diliġenza fittxew biex ikunu jafu Hu x’iridhom jgħidulkom.

Aħna ngħatajna d-direzzjoni għas-sitt xhur li ġejjin. Issa l-mistoqsija hi, aħna kif se nkunu differenti minħabba dak li smajna u ħassejna?

Il-pandemija wrietna kemm il-ħajja tista’ verament tinbidel f’qasir żmien, xi kultant riżultat ta’ ċirkustanzi li m’għandniex kontroll fuqhom. Madankollu, hemm bosta ħwejjeġ li aħna għandna kontroll fuqhom. Aħna niddeċiedu x’inhuma l-prijoritajiet tagħna u niddeterminaw kif nużaw l-enerġija, il-ħin, u l-mezzi tagħna. Aħna niddeċiedu kif nittrattaw lil xulxin. Aħna nagħżlu lil dawk li għandhom immorru għall-verità u l-gwida.

L-ilħna u l-pressjoni tad-dinja huma mill-aktar esiġenti u numerużi. Iżda hawn wisq ilħna li huma qarrieqa, seduttivi, u li jistgħu jbegħduna mit-triq tal-patt. Biex tevitaw il-qsim il-qalb inevitabbli li jġibu magħhom, illum nitlobkom biex tikkumbattu t-tentazzjoni tad-dinja billi tiddedikaw ħin f’ħajjitkom għall-Mulej—kull jum.

Jekk il-parti l-kbira tal-informazzjoni tiksbuha mill-midja soċjali jew xi midja oħra, l-abbiltà tagħkom li tisimgħu l-leħen sieket tal-Ispirtu tonqos. Jekk m’intomx tfittxu wkoll lill-Mulej permezz tat-talb u tal-istudju tal-evanġelju ta’ kuljum, intom tispiċċaw vulnerabbli għal ċerti filosofiji li jafu jkunu intriganti iżda li mhumiex veri. Anke l-Qaddisin li huma fidili jistgħu jiżvijjaw ruħhom permezz tar-ritmu kostanti tal-banda ta’ Babilonja.

Ħuti, nitolbkom biex tiddedikaw ħin għall-Mulej! Araw li tagħmlu l-pedament spiritwali tagħkom wieħed sod u li kapaċi jservi għal żmien twil billi tagħmlu dawk il-ħwejjeġ li jagħtu ċ-ċans li l-Ispirtu s-Santu jkun magħkom dejjem.

Qatt tissottovalutaw il-verità profonda li “l-Ispirtu jitkellem … dwar ħwejjeġ kif fil-fatt huma, u dwar ħwejjeġ kif fil-fatt se jkunu.”1 “Hu jurikom dak kollu li għandkom tagħmlu.”2

Xejn ma jistieden l-Ispirtu aktar milli tiffokaw fuq Ġesù Kristu. Tkellmu dwar Kristu, ifirħu fi Kristu, iffesteġġjaw permezz ta’ kliem Kristu, u ibqgħu mexjin ’il quddiem b’fidi soda fi Kristu.3 Araw li Jum il-Mulej ikun l-għaxqa tagħkom hekk kif tqimuh, tieħdu sehem fis-sagrament, u tħarsu l-jum imqaddes tiegħu.4

Kif enfasizzajt dalgħodu, jekk jogħġobkom iddedikaw ħin għall-Mulej fid-dar imqaddsa tiegħu. Xejn ma jsaħħaħ il-pedament spiritwali tagħkom daqs is-servizz tat-tempju u l-qima tat-tempju.

Nirringrazzjaw lil dawk kollha li qed jaħdmu fuq it-tempji l-ġodda tagħna. Dawn qed jinbnew madwar id-dinja kollha. Illum bi pjaċir se nħabbar il-pjanijiet tagħna li nibnu aktar tempji fil-postijiet li ġejjin jew viċin tagħhom: Kaohsiung, it-Tajwan; Tacloban, il-Filippini; Monrovia, il-Liberja; Kananga, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; Antananarivo, Madagascar; Culiacán, il-Messiku; Vitória, il-Brażil; La Paz, il-Bolivja; Santiago West, iċ-Ċili; Fort Worth, Texas; Cody, Wyoming; Rexburg North, Idaho; Heber Valley, Utah; u l-bini mill-ġdid tat-Tempju ta’ Provo Utah wara li jiġi ddedikat it-Tempju ta’ Orem Utah.

Inħobbkom, ħuti. Il-Mulej jafkom u jħobbkom. Hu s-Salvatur tagħkom u l-Feddej tagħkom. Hu jmexxi u jiggwida l-Knisja tiegħu. Hu dak li jmexxi u jiggwida lilkom fil-ħajja personali tagħkom jekk intom tiddedikaw ħin għalih f’ħajjitkom—kull jum.

Jalla Alla dejjem ikun magħkom sakemm nerġgħu niltaqgħu, jiena nitlob fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.