Konferenza Ġenerali
Ippremjati għat-Tfittxija Fidila Tagħna
konferenza ġenerali Ottubru 2021


Ippremjati għat-Tfittxija Fidila Tagħna

Nistieden lilna lkoll biex kontinwament inkabbru l-fidi tagħna fi Kristu, li jkompli jibdel il-ħajja ta’ dawk kollha li jfittxuh.

Mis-sena 1846 ’l hawn, eluf ta’ pijunieri, irġiel, nisa u tfal, emigraw lejn il-punent għal Sijon. Il-fidi kbira tagħhom kebbset il-kuraġġ bla limitu li kellhom. Għal xi wħud, dak il-vjaġġ baqgħu qatt ma raw tmiemu għax mietu tul it-triq. Oħrajn, minkejja l-avversità kbira li ffaċċjaw, baqgħu mexjin ’il quddiem b’fidi.

Grazzi għalihom, ġenerazzjonijiet wara, il-familja tiegħi setgħet tgawdi l-barkiet tal-evanġelju veru ta’ Ġesù Kristu.

L-istess bħal ġuvni ieħor tal-età tiegħi, li se nsemmih aktar tard, jien kelli 14 meta ridt insir naf aktar dwar ir-reliġjon u l-fidi tiegħi. Jien kont nattendi knisja ta’ denominazzjoni differenti qrib id-dar tiegħi, iżda ħassejt fija x-xewqa li nżur knejjes differenti.

Darba waħda wara nofsinhar, jien innotajt żewġ ġuvintur lebsin libsa skura u qmis bajda deħlin fid-dar tal-ġara tiegħi. Dawn il-ġuvintur dehru—speċjali.

L-għada ltqajt mal-ġara tiegħi, Leonor Lopez, u staqsejtha dwar dawk iż-żewġt irġiel. Leonor spjegatli li huma kienu missjunarji tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Hi b’ferħ qaltli li l-membri tal-familja tagħha kienu tgħammdu fil-Knisja sena qabel. Peress li ratni interessat, Leonor stednitni biex niltaqa’ mal-missjunarji u nitgħallem dwar il-Knisja.

Jumejn wara, jien ingħaqadt mal-familja Lopez biex niltaqa’ mal-missjunarji. Huma introduċew lilhom infushom bħala l-Presbiteru John Messerly minn Ogden, Utah, u l-Presbiteru Christopher Osorio minn Walnut Creek, California. Qatt mhu se ninsiehom.

Immaġni
Missjunarji jgħallmu waqt ikla

Peress li kelli biss 14-il sena, il-Presbiteru Messerly insista li mmorru d-dar tiegħi ħalli ommi tkun taf x’inhuma jgħallmuni. Hemmhekk, hu ġentilment spjegalha li kienu ġew biex jaqsmu miegħi messaġġ dwar Ġesù Kristu u talbu l-permess tagħha biex jgħallmuni. Ommi qablet u anke ngħaqdet magħna waqt li bdew jgħallmuni.

L-ewwel il-missjunarji talbu lil Leonor biex toffri talba. Verament ħassejtni kommoss għaliex it-talba tagħha ma kenitx ripetizzjoni ta’ kliem li tgħallmet bl-amment iżda espressjoni ħierġa minn qalbha. Ħassejt li hi verament kienet qed titkellem ma’ Missierha fis-Smewwiet.

Il-missjunarji mbagħad għallmuna dwar Ġesù Kristu. Huma wrew stampa tiegħu li impressjonatni għax kienet stampa ta’ Kristu ħaj, imqajjem mill-imwiet.

Immaġni
Is-Salvatur Ġesù Kristu

Huma komplew jgħallmuna kif Ġesù waqqaf il-knisja tiegħu fi żmien il-qedem, bih bħala l-mexxej, fejn ingħaqdu miegħu tnax-il Appostlu. Huma għallmuna dwar l-Apostasija—kif il-verità u l-awtorità ta’ Kristu kienu ttieħdu mid-dinja wara li mietu l-Appostli tiegħu.

Qalulna dwar tfajjel ta’ 14-il sena jismu Joseph Smith li, fil-bidu tas-seklu 19, mar iżur diversi knejjes ifittex il-verità. Maż-żmien, Joseph beda jħossu aktar mħawwad. Wara li kien qara fil-Bibbja li aħna għandna “nistaqsu lil Alla”1 għall-għerf, Joseph, permezz tal-fidi, mar ġewwa bosk biex jitlob u jistaqsi ma’ liema knisja kellu jingħaqad.

Wieħed mill-missjunarji qara r-rakkont ta’ Joseph dwar dak li ġara waqt li kien qed jitlob:

“Rajt kolonna ta’ dawl wieqfa eżatt fuq rasi, tiddi aktar mill-qawwa tax-xemx, u bdiet nieżla ’l isfel sakemm niżlet fuqi.

“… Meta d-dawl waqaf fuqi jiena rajt żewġ Personaġġi weqfin fuqi fl-arja, li d-dija u l-glorja tagħhom diffiċli tiddeskriviha. Wieħed minnhom kellimni, sejjaħli b’ismi u, filwaqt li wera b’idu lill-ieħor, qal—Dan hu Ibni l-Għażiż. Isimgħu!2

Waqt dik il-lezzjoni, l-Ispirtu kkonferma miegħi diversi veritajiet.

L-ewwel, Alla jisma’ t-talb sinċier ta’ wliedu kollha, u s-sema tinsab miftuħa għal kulħadd—mhux biss għall-ftit.

It-tieni, Alla l-Missier, Ġesù Kristu, u l-Ispirtu s-Santu huma tliet esseri separati, magħqudin fl-għan tagħhom “biex iġibu fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”3

It-tielet, aħna maħluqa fix-xbieha ta’ Alla. Missierna fis-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu, għandhom ġisem tal-laħam u l-għadam bħalna, iżda Huma gglorifikati u perfetti, u l-Ispirtu s-Santu hu personaġġ ta’ spirtu.4

Ir-raba’, permezz ta’ Joseph Smith, Ġesù Kristu rrestawra l-evanġelju u l-vera Knisja tiegħu f’din id-dinja. L-awtorità tas-saċerdozju kkonferita fuq l-Appostli ta’ Kristu 2,000 sena ilu hi l-istess saċerdozju li ġie kkonferit fuq Joseph Smith u Oliver Cowdery minn Pietru, Ġakbu, u Ġwanni.5

Finalment, tgħallimna dwar testment ieħor ta’ Ġesù Kristu: il-Ktieb ta’ Mormon. Miktub minn profeti tal-qedem, dan jitkellem dwar nies li għexu fil-Kontinent Amerikan qabel, waqt, u wara t-twelid ta’ Ġesù. Minnu nitgħallmu kif huma kienu jafu, iħobbu, u jqimu lil Kristu, li lilhom Huwa deher bħala s-Salvatur imqajjem mill-imwiet.

Ħassejt l-Ispirtu jqanqalni b’qawwa hekk kif tgħallimt dwar id-dikjarazzjoni li għamilhom is-Salvatur: “Jiena Ġesù Kristu, li dwari l-profeti xehdu li kelli niġi fid-dinja.”6

Il-missjunarji tawna kopja kull wieħed tal-Ktieb ta’ Mormon. Aħna qrajna u aċċettajna l-istedina li tinstab fl-aħħar tal-Ktieb ta’ Mormon, li tgħid:

“U meta tirċievu dawn il-ħwejjeġ, nitlobkom sabiex titolbu lil Alla, il-Missier Etern, f’isem Ġesù Kristu, jekk dawn il-ħwejjeġ humiex vera; u jekk titolbuh b’qalb sinċiera, b’intenzjoni vera, b’fidi fi Kristu, huwa jurikom il-verità kollha, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

“U bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tkunu tafu l-verità ta’ kollox.”7

Għaddew kważi 45 sena minn meta jien u ommi tgħallimna għall-ewwel darba dwar il-ferħ u l-qawwa li tikseb meta jkollok il-fidi fi Kristu. Kien minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu li l-membri tal-familja Lopez qasmu l-fidi tagħhom miegħi. Kien minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu li dawn iż-żewġ missjunarji ħallew darhom fl-Istati Uniti biex isibu lili u lil ommi. Kienet il-fidi ta’ dawn il-ħbieb għeżież kollha li żergħu ż-żerriegħa tal-fidi fina, żgħira daqs iż-żerriegħa tal-mustarda, li minn dak iż-żmien kibret f’siġra setgħana ta’ barkiet eterni.

Tul dawn l-imbierka snin, aħna sirna nafu li, kif iddikjara l-President Russell M. Nelson: “Kull ħaġa tajba fil-ħajja—kull barka potenzjali ta’ sinifikat etern—tibda bil-fidi. Biex inħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitna jeħtieġ li nibdew billi jkollna l-fidi li Huwa lest li jiggwidana. L-indiema vera tibda bil-fidi li Ġesù Kristu għandu l-qawwa li jnaddafna, ifejjaqna, u jsaħħaħna.”8

Nistieden lilna lkoll biex kontinwament inkabbru l-fidi tagħna fi Kristu, li bidel il-ħajja tiegħi u tal-għażiża ommi u jkompli jibdel il-ħajja ta’ dawk kollha li jfittxuh. Jien naf li Joseph Smith hu l-Profeta tar-Restawrazzjoni, li l-President Nelson huwa l-profeta llum, li Ġesù hu Kristu l-ħaj u l-Feddej tagħna, u li Missierna fis-Smewwiet jgħix u jisma’ t-talb ta’ wliedu kollha. Jiena nixhed dwar dawn il-veritajiet fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.