Konferenza Ġenerali
Ħobb lil Għajrek
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Ħobb lil Għajrek

Il-kompassjoni hija kwalità li għandu Kristu. Hija riżultat tal-imħabba tagħna lejn ħaddieħor u m’għandha l-ebda konfini.

Dalgħodu, nistedinkom biex tingħaqdu miegħi fuq vjaġġ fl-Afrika. M’intom se taraw l-ebda ljuni, żebri, jew iljunfanti, iżda jista’ jkun li fi tmiem il-vjaġġ, intom taraw kif eluf ta’ membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien qed iwieġbu għat-tieni kmandament kbir ta’ Kristu li “tħobb lil għajrek” (Mark 12:31).

Immaġinaw għal mument, l-art rurali, imtarrba u ħamranija tal-Afrika. Jekk tħarsu lejn l-art niexfa u infertili tindunaw li x-xita ilha ma tinżel b’mod sinifikanti għal bosta snin. Il-ftit baqar li jgħaddu minn quddiemkom aktar għandhom għadam fuqhom milli laħam u qed jitmexxew minn rgħajja ta’ Karamojong b’kutra mgeżwra magħhom li, b’saqajhom imlebbsin sandli, jibqgħu mexjin bit-tama li jsibu xi art saqwija u l-ilma.

Hekk kif tibdew għaddejjin mit-triq imħarbta u kollha blat, intom taraw diversi gruppi ta’ tfal ħelwin u tistaqsu għalfejn mhumiex l-iskola. It-tfal jitbissmulkom u jxejrulkom, u intom ixejrulhom lura bid-dmugħ u tbissima fuq ħaddejkom. Tnejn u disgħin fil-mija tat-tfal l-aktar ċkejknin li taraw f’dan il-vjaġġ jgħixu fil-faqar tal-ġuħ u qalbkom tħossuha timtela bin-niket.

Ftit aktar ’il bogħod taraw omm iġġorr b’bilanċ u b’reqqa kbira kontenitur minn tal-ħames galluni (19 L) mimli ilma fuq rasha u ieħor f’idejha. Hija tirrappreżenta waħda minn kull żewġt idjar f’dawn l-inħawi fejn in-nisa, żgħar u kbar, jimxu aktar minn nofs siegħa kuljum ’l hawn u ’l hemm, lejn sors ta’ ilma għall-familja tagħhom. Intom tinħakmu minn sentiment ta’ niket.

Immaġni
Mara Afrikana ġġorr l-ilma.

Wara sagħtejn intom taslu f’post maqtugħ u delli. Il-post fejn issir il-laqgħa mhuwiex xi sala jew saħansitra xi tinda iżda pjuttost, jinsab taħt ftit siġar kbar li jipprovdu d-dell mix-xemx tiżreġ. F’dan il-post, tinnotaw li la hemm ilma ġieri, la dawl, u lanqas tojlits li jifflaxxjaw. Hekk kif tħarsu madwarkom tindunaw li intom tinsabu fost nies li jħobbu ’l Alla u mill-ewwel tħossu l-imħabba ta’ Alla lejhom. Huma nġabru flimkien biex jirċievu l-għajnuna u t-tama, u intom wasaltu hemm biex taqsmuha magħhom.

Hekk kien il-vjaġġ tiegħi u ta’ Sister Arden, fil-kumpanija ta’ Sister Camille Johnson, il-Presidenza Ġenerali tas-Soċjetà tal-Għajnuna tagħna u ta’ żewġha Doug flimkien ma’ Sister Sharon Eubank, id-direttur tas-Servizzi Umanitarji tal-Knisja, hekk kif vjaġġajna flimkien ġewwa l-Uganda, pajjiż ta’ 47 miljun ruħ fir-Reġjun tal-Afrika Ċentrali tal-Knisja. Dakinhar, taħt id-dell tas-siġar, aħna żorna proġett ta’ saħħa fil-komunità li qed jiġi ffinanzjat mis-Servizzi Umanitarji tal-Knisja flimkien mal-UNICEF, u l-Ministeru tas-Saħħa tal-gvern tal-Uganda. Dawn huma organizzazzjonijiet ta’ min jafdahom, magħżulin b’reqqa biex jiżguraw li l-fondi umanitarji li ġejjin minn flus il-membri tal-Knisja qed jintużaw b’mod prudenti.

Immaġni
Tifel Afrikan jirċievi l-kura.

Minkejja li kienet ħaġa ta’ qsim il-qalb li naraw tfal bil-ġuħ u l-effett li jħallu warajhom it-tuberkulożi, il-malarja, u d-dijarea bla waqfien, aħna lkoll ħassejna fina tama akbar li l-jum ta’ għada se jkun aħjar għal dawk li ltqajna magħhom.

Immaġni
Omm titma’ lil binha.

Parti minn dik it-tama li ħassejna kienet minħabba l-qalb tajba tal-membri tal-Knisja minn madwar id-dinja li joffru ħinhom u flushom għall-ħidma umanitarja tal-Knisja. Hekk kif jiena rajt b’għajnejja lill-morda u l-magħkusa jirċievu l-għajnuna, jiena baxxejt rasi bħala ġest ta’ gratitudni. F’dak il-mument, jiena fhimt aħjar x’ried ifisser is-Sultan tas-slaten, li qal:

“Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom … :

“Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni” (Mattew 25:34–35).

L-appell tas-Salvatur tagħna hu li “hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mattew 5:16; ara wkoll versi 14–15). F’dawk l-inħawi mbiegħda tad-dinja, l-opri tajba tagħkom dawwlu l-ħajja u taffew it-tagħbija ta’ bosta nies li jinsabu fi bżonn imminenti u Alla ġie gglorifikat.

F’dak il-jum sħun u mtarrab, jiena xtaqt li stajtu tisimgħu talbhom kollu tifħir u gratitudni lejn Alla. Huma jkunu jriduni ngħidilkom bil-Karamojong, l-ilsien nattiv tagħhom, “Alakara.” Grazzi.

Il-vjaġġ tagħna fakkarni fil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, li l-vjaġġ tiegħu ħadu fi toroq imtarrba, mhux differenti wisq minn dik li ddeskrivejt jiena, triq li kienet tieħdok minn Ġerusalemm sa Ġeriko. Dan is-Samaritanli kien lest biex iservi jgħallimna xi tfisser li “tħobb lil għajrek.”

Huwa ra “wieħed raġel … [li] waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet.” (Luqa 10:30). Is-Samaritan “tħassru” (Luqa 10:33).

Il-kompassjoni hija kwalità li għandu Kristu. Hija riżultat tal-imħabba tagħna lejn ħaddieħor u m’għandha l-ebda konfini. Ġesù, is-Salvatur tad-dinja, huwa l-akbar eżempju ta’ dan. Meta naqraw li “Ġesù beka” (Ġwanni 11:35) aħna xhieda, kif kienu Marija u Marta, tal-kompassjoni tiegħu li wasslitu biex iħoss ruħu titqanqal u jitħawwad (ara Ġwanni 11:33). F’eżempju ta’ kompassjoni ta’ Kristu li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon, Ġesù deher lill-miġemgħa u qal:

“Hemm min hu magħtub, jew għami, jew zopp … jew li hu trux, jew li qed isofru b’xi mod? Ġibuhom hawn u jien infejjaqhom, għax jien għandi kompassjoni għalikom; jiena kollni ħniena. …

“… U huwa fejjaqhom ilkoll” (3 Nefi 17:7, 9).

Minkejja l-isforz kollha tagħna, jien u intom ma nistgħux infejqu lil kulħadd iżda lkoll kemm aħna nistgħu nkunu dik il-persuna li tista’ tagħmel differenza għat-tajjeb fil-ħajja ta’ xi ħadd. Kien biss tfajjel wieħed, daqsxejn ta’ tifel, li offra l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet li temgħu lil ħamest elef ruħ. Aħna nafu nistaqsu dwar l-offerta tagħna, kif għamel Indri d-dixxiplu dwar il-ħobż u l-ħutiet, “Dawn x’inhuma għal daqshekk nies?” (Ġwanni 6:9). Nista’ nassigurakom: huwa biżżejjed li tagħtu jew tagħmlu dak li tistgħu, u mbagħad tħallu lil Kristu jkabbar l-isforz tagħkom.

Fuq dan il-punt, il-Presbiteru Jeffrey R. Holland stedinna, “sinjur jew fqir, … ‘nagħmlu dak kollu li nistgħu’ meta oħrajn ikunu jinsabu fil-bżonn.” Imbagħad huwa xehed, kif qed nagħmel jien, li Alla “ jgħinkom u jiggwidakom f’atti kompassjonali tagħkom tad-dixxipulat” (“Aħna Mhux Kollha Tallaba?,” Liahona, Nov. 2014, 41).

F’dik l-art imbiegħda, f’dak il-jum indimentikabbli, jien waqaft hemm u qed nieqaf hawn bħala xhud tal-kompassjoni li tqanqal il-qlub u tibdel il-ħajjiet tal-membri tal-Knisja, kemm sinjuri kif ukoll foqra.

Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb tkompli hekk kif huwa “dewwa l-ġrieħi [tar-raġel] … u ħa ħsiebu” (Luqa 10:34). Il-ħidma umanitarja tal-Knisja ssib lilna pronti biex inwieġbu għad-diżastri naturali u biex indewwu l-ġrieħi dejjem jikbru fid-dinja tal-mard, tal-ġuħ, tal-imwiet tat-tfal, tal-malnutrizzjoni, tal-ispostament, u tal-ġrieħi ftit li xejn evidenti tal-iskoraġġiment, tad-diżappunt, u tad-disprament.

Is-Samaritan imbagħad “ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu, Ħu ħsiebu” (Luqa 10:35). Bħala knisja, aħna grati li qed nikkollaboraw ma’ “ospitanti” jew organizzazzjonijiet oħra bħas-Servizzi ta’ Solliev Kattoliku, il-UNICEF, u s-Salib l-Aħmar/il-Qmar l-Aħmar, biex nassistuna fil-ħidmiet umanitarji tagħna. Aħna bl-istess mod grati għall-“biċċtejn flus” jew għaż-żewġ ewro, żewġ pesos, jew żewġ xelini tagħkom, li qed itaffu t-tagħbija li tant nies madwar id-dinja qed ikollhom iġorru. Il-probabiltà hi li intom qatt ma tkunu tafu min huma r-reċipjenti ta’ ħinkom u ta’ fluskom, iżda l-kompassjoni ma titlobx minnha li nkunu nafuhom, titlob biss li aħna nħobbuhom.

Grazzi, President Russell M. Nelson, talli fakkartna li “meta nħobbu lil Alla b’qalbna kollha, Hu jgħinna nħossuna aktar konxji tal-benesseri ta’ ħaddieħor” (“It-Tieni Kmandament Kbir,” Liahona, Nov. 2019, 97). Nixhed li lkoll kemm aħna nesperjenzaw aktar hena, paċi, umiltà, u mħabba hekk kif inwieġbu għas-sejħa tal-President Nelson li ndawru qlubna lejn il-benesseri ta’ ħaddieħor u għall-appell ta’ Joseph Smith li “nitimgħu lill-imġewħin, inlibbsu lill-għerja, nipprovdu għall-armla, u nimsħu d-demgħa tal-orfni, u nfarrġu lill-imsejknin, kemm f’din il-Knisja, jew f’oħra, jew fl-ebda knisja, kull meta niltaqgħu magħhom” (“Editor’s Reply to a Letter from Richard Savary,” Times and Seasons, Mar. 15, 1842, 732).

Immaġni
Il-Presbiteru Ardern u l-President Camille N. Johnson ma’ tfal Afrikani.

Issa għaddew bosta xhur minn meta aħna sibna lil dawk in-nies imġewħin u msejkna f’art niexfa u mtarrba u b’għajnejna stajna naraw l-għajnejn, jitkarrbu għall-għajnuna, tagħhom. Bil-mod tagħna, aħna ħassejna ruħna titqanqal u titħawwad (ara Ġwanni 11:33), u madankollu dawk is-sentimenti bdew iħalluna hekk kif aħna rajna r-riżultat tal-kompassjoni tal-membri tal-Knisja hekk kif l-imġewħin bdew jingħataw l-ikel, ir-romol bdew jirċievu l-provvisti, u l-imsejknin bdew jitfarrġu u għajnejhom ma baqgħux idemmgħu.

Jalla aħna nibqgħu dejjem infittxu l-ġid ta’ ħaddieħor u nuru permezz tal-kelma u l-għemil li aħna “lesti li nġorru t-tagħbija ta’ xulxin” (Mosija 18:8), “infarrġu lill-imnikktin” (Doctrine and Covenants 138:42), u nħarsu t-tieni kmandament kbir ta’ Kristu li “nħobbu lil għajrna” (Mark 12:31). F’isem Ġesù Kristu, ammen.