Konferenza Ġenerali
Hawnhekk Inlissnu l-Imħabba
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Hawnhekk Inlissnu l-Imħabba

Jalla hawnhekk lkoll nitgħallmu nitkellmu u nisimgħu mħabbtu, f’qalbna u fi djarna, u fis-sejħiet tal-evanġelju, fl-attivitajiet, fil-ministeru, u fis-servizz tagħna.

It-tfal tagħna tal-Primarja jkantaw, “Hawnhekk Inlissnu l-Imħabba.”1

Darba jiena tajt lil Sister Gong pendent żgħir. Tlabt biex fuqha jiktbuli dot-dot, dot-dot, dot-dot-dash. Dawk li huma familjari mal-kodiċi Morse jagħrfu l-ittri I, I, U. Iżda jiena inkludejt it-tieni kodiċi. Biċ-Ċiniż Mandarin, “ai” tfisser “imħabba.” Għalhekk, dekodifikat b’mod doppju, il-messaġġ kien “inħobbok.” Susan, qalb ta’ qalbi, “Jiena lilek, ai (爱).”

Aħna nlissnu l-imħabba b’diversi lingwi. Qaluli li l-familja umana titkellem b’7,168 lingwa ħajja.2 Fil-Knisja nitkellmu b’575 lingwa primarja dokumentata, b’numru ta’ djaletti. Aħna nikkomunikaw ukoll l-intenzjoni, l-inflezzjoni, u l-emozzjoni permezz tal-arti, il-mużika, iż-żfin, is-simboli loġiċi, u espressjoni inter- u intrapersonali.3

Illum, ejja nitkellmu dwar it-tliet lingwi tal-imħabba tal-evanġelju: il-lingwa taż-żelu u l-qima, il-lingwa tas-servizz u s-sagrifiċċju, u l-lingwa tal-appartenenza tal-patt.

L-ewwel, il-lingwa tal-evanġelju taż-żelu u l-qima.

B’żelu u qima, Sister Gong tistaqsi lit-tfal u ż-żgħażagħ, “Kif tafu li l-ġenituri u l-familji tagħkom iħobbukom?”

Fil-Gwatemala, it-tfal jgħidu, “Il-ġenituri tiegħi jaħdmu iebes biex imantnu l-familja tagħna.” Fl-Amerika ta’ Fuq, it-tfal jgħidu, “Billejl il-ġenituri tiegħi jaqrawli l-istejjer u jgezzuni fis-sodda.” Fl-Art Imqaddsa, it-tfal jgħidu, “Il-ġenituri tiegħi jħarsuni mill-periklu.” Fil-Gana, fil-Punent tal-Afrika, it-tfal jgħidu, “Il-ġenituri tiegħi jgħinuni bir-riżoluzzjonijiet tiegħi tat-Tfal u ż-Żgħażagħ.”

Waħda tifla qalet, “Minkejja li tkun għajjiena ħafna wara jum sħiħ ta’ xogħol, ommi toħroġ barra biex tilgħab miegħi.” Ommha bkiet meta semgħet li s-sagrifiċċji tagħha ta’ kuljum iħallu l-frott. Waħda tfajla qalet, “Minkejja li xi kultant jien u ommi ma naqblux, jien lil ommi nafdaha.” Anke ommha bkiet.

Xi kultant hemm bżonn li nkunu nafu li l-imħabba mlissna hawn tiġi mismugħa u apprezzata hawn.

B’żelu u qima, il-laqgħat tas-sagrament u laqgħat oħra tagħna jiffokaw fuq Ġesù Kristu. Aħna b’qima nitkellmu dwar l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, b’mod personali u reali, mhux biss dwar l-espjazzjoni b’mod astratt. Il-Knisja rrestawrata tiegħu nsejħulha permezz ta’ ismu, Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Aħna nużaw lingwaġġ ta’ talb mimli qima meta aħna nindirizzaw lill-Missier fis-Smewwiet u meta nitkellmu bejnietna nużaw ċertu żelu u rispett. Hekk kif nagħrfu li Ġesù Kristu jinsab fil-qalba tal-patti tat-tempju, aħna nirreferu anqas li “se mmorru t-tempju” u aktar li “se mmorru għand Ġesù Kristu fid-dar tal-Mulej.” F’kull patt nisimgħu, “Hawnhekk inlissnu l-imħabba.”

Il-membri l-ġodda jgħidu li l-vokabularju tal-Knisja ħafna drabi jeħtieġ li jiġi dekodifikat. Aħna nitbissmu meta niftakru li “dar ta’ ‘stake’” li bil-Malti tfisser wited tista’ tfisser ikla tajba laħam; li “bini ta’ ‘ward’” li bil-Malti tfisser qasam, tista’ tindika sptar; “eżerċizzji tal-ftuħ” jistgħu ifissru li nibdew nagħmlu l-eżerċizzji fiżiċi fil-parkeġġ tal-knisja. Iżda, jekk jogħġobkom, ejjew inkunu nies li nagħdru u nħobbu hekk kif nitgħallmu flimkien il-lingwi ġodda tal-imħabba. Waħda konvertita ġdida fil-knisja, xi ħadd qalilha li d-dbielet tagħha kienu qosra wisq. Minflok ma ħadet għaliha, hiija wieġbet, “Qalbi kkonvertiet; jekk jogħġbok ħu ftit paċenzja sakemm jikkonvertu d-dbielet tiegħi.”4

Il-kliem li nużaw jistgħu jqarrbuna jew ibegħduna minn Kristjani u ħbieb oħra. Xi kultant nitkellmu dwar il-ħidma missjunarja, il-ħidma tat-tempju, u l-ħidma umanitarja u tal-welfer b’modi li jafu jwasslu biex ħaddieħor jaħseb li aħna nemmnu li nistgħu naħdmu weħidna. Ejjew nitkellmu bi gratitudni, żelu u qima dwar il-ħidma u l-glorja ta’ Alla u l-merti, il-ħniena, u l-grazzja ta’ Ġesù Kristu, u s-sagrifiċċju espjatorju tiegħu.5

It-tieni, il-lingwa tal-evanġelju tas-servizz u s-sagrifiċċju.

Hekk kif kull ġimgħa nerġgħu ninġabru flimkien fil-knisja biex nonoraw u nitgħaxxqu f’jum il-Mulej, aħna nistgħu nesprimu l-impenn tal-patt tas-sagrament tagħna lejn Ġesù Kristu u lejn xulxin permezz tas-sejħiet, tas-sħubija, tas-soċjalità, u tas-servizz tagħna tal-Knisja.

Meta jien nistaqsi lill-mexxejja lokali tal-Knisja x’inhu li jinkwetahom, kemm l-aħwa rġiel kif ukoll nisa jgħidu, “Xi wħud mill-membri tagħna mhumiex jaċċettaw is-sejħiet tal-Knisja.” Is-sejħiet li nservu lill-Mulej u lil xulxin fil-Knisja tiegħu jagħtuna l-opportunità li nikbru fil-kompassjoni, fil-kapaċità, u fl-umiltà. Hekk kif aħna niġu distinti, aħna nistgħu nirċievu l-ispirazzjoni tal-Mulej li nelevaw u nsaħħu lill-oħrajn u lilna nfusna. Bla dubju, iċ-ċirkustanzi dejjem jinbidlu u l-istaġuni ta’ ħajjitna jafu jaffettwaw l-abbiltà tagħna li nservu, iżda nittamaw li mhux ix-xewqa tagħna. Flimkien mas-Sultan Benjamin, aħna ngħidu, “Kieku kelli kont nagħti”6 u noffru dak kollu li nistgħu.

Intom il-mexxejja tal-wited u tal-qasam, ejjew nagħmlu l-parti tagħna. Hekk kif aħna nsejħu (u neżoneraw) lill-aħwa li jservu fil-Knisja tal-Mulej, ejjew jekk jogħġobkom nagħmlu dan b’dinjità u ispirazzjoni. Ngħinuhom iħossuhom apprezzati u li jistgħu jirnexxu. Jekk jogħġobkom iddiskutu mal-mexxejja nisa u isimgħuhom. Jalla aħna niftakru, kif għallem il-President J, Reuben Clark, li fil-Knisja tal-Mulej aħna nservu fejn niġu msejħin, “liema post dak li jkun la jfittex u lanqas jirrifjuta.”7

Meta jien u Sister Gong iżżewwiġna, il-Presbiteru David B. Haight tana parir: “Araw li dejjem ikollkom sejħa fil-Knisja. Speċjalment meta l-ħajja tkun waħda impenjattiva,” huwa qal, “jeħtieġ li intom tħossu l-imħabba tal-Mulej lejn dawk li intom isservu u lejkom hekk kif isservu.” Inwegħidkom li hawnhekk, hemmhekk, u kullimkien inlissnu l-imħabba hekk kif ngħidu iva lill-mexxejja tal-Knisja biex inservu lill-Mulej fil-Knisja tiegħu permezz tal-Ispirtu tiegħu u l-patti tagħna.

Il-Knisja rrestawrata tal-Mulej tista’ tkun inkubatur għall-komunità ta’ Sijon. Hekk kif aħna nqimu, inservu, ingawdu, u nitgħallmu mħabbtu flimkien, aħna nankraw lil xulxin mal-evanġelju tiegħu. Jista’ jkun li aħna ma naqblux politikament jew dwar ħwejjeġ soċjali iżda nistgħu nsibu l-armonija hekk kif inkantaw flimkien fil-kor tal-qasam. Aħna nrawmu l-għaqda u nikkumbattu l-iżolament hekk kif b’mod regolari nimministraw b’qalbna kollha fid-djar ta’ xulxin u fl-inħawi tal-madwar.

Waqt iż-żjajjar tal-membri mal-presidenti tal-wited, jien inħoss l-imħabba tagħhom lejn il-membri f’kull ċirkustanza. Hekk kif konna qed insuqu minn ħdejn id-djar tal-membri fil-wited tiegħu, wieħed president tal-wited innota li kemm jekk ngħixu f’dar b’xi pixxina jew f’dar b’art imrammla, is-servizz tal-Knisja huwa privileġġ li spiss jinkludi s-sagrifiċċju. Madankollu, huwa nnota b’għaqal, meta aħna nservu u nissagrifikaw flimkien fl-evanġelju, aħna nsibu anqas difetti u aktar paċi. Meta nagħtuh iċ-ċans, Ġesù Kristu jgħinna biex hawnhekk inlissnu mħabbtu.

Dan is-sajf, il-familja tagħna ltqajna ma’ għadd ta’ membri tal-Knisja u ħbieb tagħna meraviljużi ġewwa Loughborough u Oxford, l-Ingilterra. Dawn il-laqgħat sinifikanti fakkruni kif l-attivitajiet soċjali u ta’ servizz tal-qasam jistgħu jibnu ċerti rabtiet tal-evanġelju ġodda u li jibqgħu. Għal xi żmien ħassejt li, f’bosta postijiet fil-Knisja, ftit aktar attivitajiet tal-qasam, li bla dubju jkunu ppjanati u implimentati b’għan tal-evanġelju, jistgħu jgħaqqduna flimkien b’appartenenza u unità akbar.

Pożizzjoni ta’ ċermen u kumitat tal-attivitajiet tal-qasam mill-aktar ispirati jrawmu l-individwi u komunità ta’ Qaddisin. L-attivitajiet ippjanati tajjeb tagħhom jgħinu lil kulħadd iħossu apprezzat, inkluż, u mistieden jilgħab irwol meħtieġ. Dawn it-tip ta’ attivitajiet ma jħarsux lejn l-età u l-isfond tal-persuni, joħolqu memorji li jibqgħu, u jistgħu jittellgħu mingħajr wisq spejjeż. Attivitajiet tal-evanġelju divertenti jistiednu wkoll lill-ġirien u l-ħbieb.

Is-soċjalità u s-servizz spiss imorru flimkien. L-adulti żgħażagħ jafu li jekk verament tridu ssiru tafu lil xi ħadd, mela morru bajdu ħdejn xulxin fuq sellum f’xi proġett ta’ servizz.

Immaġni
Adulti żgħażagħ ibajdu waqt proġett ta’ servizz.

Bla dubju, l-ebda individwu u l-ebda familja mhuma perfetti. Aħna lkoll neħtieġu l-għajnuna biex hawnhekk inlissnu aħjar l-imħabba. “L-imħabba sħiħa tkeċċi lill-biża’ ’l barra.”8 Il-fidi, is-servizz, u s-sagrifiċċju jressquna lil hinn minna nfusna u eqreb lejn is-Salvatur tagħna. Aktar ma s-servizz u s-sagrifiċċju tagħna fih ikunu kompassjonali, fidili, u altruwisti, aktar nistgħu nibdew nifhmu l-kompassjoni espjatorja u l-grazzja ta’ Ġesù Kristu għalina.

U dan iwassalna għal-lingwa tal-evanġelju tal-appartenenza tal-patt.

Aħna ninsabu ngħixu f’dinja egoista. Hawn wisq “nagħżel lili.” Bħallikieku aħna nemmnu li nafu aħjar l-aħjar interess tagħna u kif nistgħu nirnexxu.

Iżda fl-aħħar mill-aħħar dan mhuwiex minnu. Ġesù Kristu jippersonifika din il-verità qawwija li m’għandhiex żmien:

“Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha: imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.

“Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?”9

Ġesù Kristu joffri mod aħjar—relazzjonijiet imfassla fuq patt divin, aktar b’saħħithom mill-ktajjen tal-mewt. Patt li jorbotna ma’ Alla u ma’ xulxin jista’ jfejjaq u jqaddes l-aktar relazzjonijiet għeżież tagħna. Fil-verità, Huwa jafna aħjar u jħobbna aktar milli aħna nafu u nħobbu lilna nfusna. Fil-verità, meta noffru bħala patt dak kollu li aħna, aħna nsiru ferm aktar milli aħna. Il-qawwa u l-għerf ta’ Alla jistgħu jberkuna b’kull rigal tajjeb, skont l-orarju tiegħu u bil-mod tiegħu.

L-intelliġenza artifiċjali ġenerattiva (AI) għamlet progress kbir fit-traduzzjoni tal-lingwa. Għadda ż-żmien meta kompjuter jaf jittraduċi l-frażi idjomika “L-ispirtu jrid, imma l-ġisem dgħajjef” bħala “L-inbid tajjeb, iżda l-laħam mar.” Interessanti l-fatt li ħafna ripetizzjoni estensiva ta’ xi lingwa tgħallem lill-kompjuter il-lingwa b’mod aktar effettiv milli tgħallem kompjuter ir-regoli tal-grammatika.

Bl-istess mod, l-esperjenzi diretti u ripetuti tagħna jafu jkunu l-aqwa mod spiritwali tagħna biex nitgħallmu l-lingwi tal-evanġelju taż-żelu u l-qima, tas-servizz u s-sagrifiċċju, u tal-appartenenza tal-patt.

Għalhekk, fejn u kif jista’ Ġesù Kristu jkellimkom b’imħabba?

Fejn u kif intom tistgħu tisimgħu hawnhekk l-imħabba tiġi mlissna?

Jalla hawnhekk lkoll nitgħallmu nitkellmu u nisimgħu mħabbtu, f’qalbna u fi djarna, u fis-sejħiet tal-evanġelju, fl-attivitajiet, fil-ministeru, u fis-servizz tagħna.

Fil-pjan ta’ Alla, aħna lkoll sejrin xi darba ngħaddu minn din il-ħajja għall-ħajja li jmiss. Meta niltaqgħu mal-Mulej, nimmaġinah jgħidilna, bi kliem ta’ struzzjoni u wegħda, “Hawnhekk inlissnu mħabbti.” Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, ammen.