Konferenza Ġenerali
Inħarsu Lejn il-Familja ta’ Alla Minn Lenti Miftuħa
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Inħarsu Lejn il-Familja ta’ Alla Minn Lenti Miftuħa

Nemmen li nistgħu, permezz tal-għajn tal-fidi, niżżumjaw ’il barra u nħarsu lejan nfusna u lejn il-familji tagħna b’tama u hena.

Meta t-tifla ż-żgħira tagħna, Berkeley, kienet għadha ċkejkna, jien bdejt nuża nuċċali tal-qari―it-tip li jiżżumja u jkabbar kollox. Jum fost l-oħrajn, hekk kif konna bilqiegħda flimkien naqraw ktieb, jien ħarist lejha b’ħarsa ta’ mħabba u fl-istess ħin ta’ nket għaliex, f’daqqa waħda, hija bdiet tidher li kienet qed tikber mhux ħażin. Għidt lili nnifsi, “Kif tar iż-żmien? Kemm qed naraha kbira!”

Hekk kif għollejt in-nuċċali biex nimsaħ demgħa, irrealizzajt, “Żomm ftit—mhux għax hi daqshekk kbira; qed naraha hekk minħabba dan in-nuċċali! Ma ġara xejn!”

Xi kultant lil dawk li nħobbu nibdew narawhom biss minn vista li hi verament mill-qrib u mkabbra. Illejla, nistedinkom biex tiżżummjaw ’il barra permezz ta’ lenti differenti— lenti eterna li tiffoka fuq l-istampa l-kbira, l-istorja akbar tagħkom.

Fiż-żminijiet bikrin tal-avventura tal-bniedem fl-ispazju, ir-rokits li kienu jkunu bla ekwipaġġ ma kellhom l-ebda twieqi. Iżda fi żmien il-missjoni sal-qamar tal- Apollo 8 l-astronawti kellhom. Waqt li kienu qegħdin jifflowtjaw fl-ispazju, huma baqgħu mistagħġbin meta raw id-dinja tagħna u ħadu dan ir-ritratt mill-aktar spettakolari, li fih irnexxielhom jiġbdu l-attenzjoni tad-dinja kollha! Dawk l-astronawti esperjenzaw sensazzjoni tant qawwija li għandna frażi msemmija għaliha: l-effett panoramiku

Immaġni
Id-dinja kif tidher mill-ispazju.

NASA

Li tħares minn punto di vista ġdid jibdel kollox. Wieħed vjaġġatur tal-ispazju qal li “l-affarijiet jiċkienu b’tali mod li ngħidu li xejn mhu impossibli. … Dan żgur kapaċi nagħmluh. Il-paċi fl-art—mhux problema. In-nies iħossu fihom dik it-tip ta’ enerġija … dik it-tip ta’ qawwa.”1

Bħala nies umani, aħna għandna punto di vista terrestjali, iżda Alla jara l-panorama sħiħa tal-univers. Huwa jħares lejn il-ħolqien kollu, lejna lkoll, u jimtela bit-tama.

Hu possibbli li nibdew naraw kif jara Alla anke waqt li ninsabu ngħixu fuq wiċċ din il-pjaneta—li nħossu dan is-sentiment panoramiku ? Nemmen li nistgħu, permezz tal-għajn tal-fidi, niżżumjaw ’il barra u nħarsu lejan nfusna u lejn il-familji tagħna b’tama u hena.

L-iskrittura taqbel. Moroni jitkellem dwar dawk li l-fidi tagħhom tant kienet “mill-aktar b’saħħitha” li huma “setgħu jaraw verament … b’għajn ta’ fidi, u kienu kuntenti.”2

B’għajn iffokata fuq is-Salvatur, huma ħassew l-hena u kienu jafu din il-verità: grazzi għal Kristu, kollox se jkun sew. Dak kollu li int u int u int qed tinkwetaw dwaru—kollox se jkun sewwa! U dawk li jħarsu minn għajn ta’ fidi jistgħu jħossu li issakollox se jkun sewwa.

Meta kont fl-aħħar sena tal-iskola sekondarja jien għaddejt minn żmien diffiċli fejn ma kontx qed nagħmel l-aħjar għażliet. Niftakar nara lil ommi tibki u bdejt nistaqsi lili nnifsi jekk kontx iddiżappuntajtha. Dak iż-żmien, kint qed ninkwieta jekk id-dmugħ tagħha kienx ifisser li hi qatgħet qalbha minni, u forsi kont fi stat li diffiċli noħroġ minnu.

Iżda missieri kien aktar kapaċi jiżżumja u jħares mil-lenti panoramika. L-esperjenza għallmitu li meta wieħed jinkwieta jħossu ħafna bħallikieku qed iħobb, iżda mhijiex l-istess ħaġa.3 Huwa uża l-għajn tal-fidi biex jara li kollox kien se jkun sew, u l-atteġġjament kollu tama tiegħu wassal għal bidla fija.

Meta jiena ggradwajt mill-iskola sekondarja u mort BYU, missieri beda jibgħatli l-ittri, biex ifakkarni jien min jien. Huwa kien sar dak li jġibli tbissima fuq ħaddejja u kulħadd jeħtieġ bniedem li jista’ jferrħu—xi ħadd li mhux qed jgħidlek, “M’intix tiġri biżżejjed”; huwa b’imħabba jfakkrek li tista’ tagħmel dan.

Missieri kien eżempju ħaj tal-ħolma ta’ Leħi. Bħal Leħi, hu kien jaf li inti ma tmurx tiġri wara l-maħbubin tiegħek li jħossuhom mitlufin. “Inti tibqa’ fejn int u ssejħilhom. Inti tmur ħdejn is-siġra, tibqa’ ħdejn is-siġra, tkompli tiekol mill-frott u, bi tbissima fuq wiċċek, tkompli ssejjaħ lil dawk li tħobb u turihom b’eżempju li meta inti tiekol il-frott timtela bil-ferħ!”4

Din l-immaġni viżwali għenitni waqt mumenti xejn faċli meta sibt ruħi ħdejn is-siġra, niekol il-frott u nibki għaliex kont inkwetata; u fil-fatt, kemm kienet ħaġa utli? Minflok, ejja nagħżlu t-tama—tama fil-Ħallieq tagħna u f’xulxin, u hekk intejbu l-abbiltà tagħna li nkunu aħjar milli aħna bħalissa.

Ftit wara li miet il-Presbiteru Neal A. Maxwell, wieħed ġurnalist staqsa lil ibnu x’kien jimmissja l-aktar. Huwa qal l-ikliet li kien ikollhom fid-dar tal-ġenituri tiegħu, għax dejjem telaq minn hemm iħossu li missieru kien jemmen fih.

Dan kien fi żmien meta t-tfal adulti tagħna bdew jiġu d-dar għall-ikliet ta’ nhar ta’ Ħadd flimkien mal-konjuġi tagħhom. Matul il-ġimgħa kont nagħmel lista f’moħħi ta’ ħwejjeġ li stajt infakkarhom fil-jum tal-Ħadd, bħal, “Forsi ippruvaw għinu aktar lit-tfal meta tkunu d-dar,” jew “tinsewx tiftħu widnejkom aktar biex tisimgħu.”

Meta qrajt il-kumment ta’ Brother Maxwell, jiena warrabt il-lista u ma tajtx każ ta’ dak il-leħen kritiku, għalhekk meta kont nara lill-uliedi adulti għal ftit ħin biss kull ġimgħa, bdejt niffoka fuq il-ħafna ħwejjeġ pożittivi li kienu diġà qed jagħmlu. Meta t-tifel il-kbir tagħna, Ryan, miet ftit tas-snin wara, niftakar kemm bdejt inħossni grata li l-ħin tagħna flimkien kien ħin aktar ferrieħi u pożittiv.

Qabel ma’ ninteraġixxu mal-għeżież tagħna, nistgħu nistaqsu l-mistoqsija “Dak li jien se nagħmel jew ngħid se jkun ta’ għajnuna jew jista’ jweġġa’?” Kliemna huwa waħda mill-akbar qawwiet speċjali tagħna, u l-membri tal-familja huma bħal blekbords umani, weqfin quddiemna u jgħidulna: “Ikteb dak li taħseb dwari!” Dawn il-messaġġi, kemm jekk intenzjonalment jew le, għandhom ikunu mimlijin tama u inkuraġġiment.5

Ir-responsabbiltà tagħna mhijiex li ngħallmu lil xi ħadd li għaddej minn żmien diffiċli li huwa ħażin jew ddiżappuntati. F’mumenti rari, nafu nħossu li hemm bżonn nikkoreġu, iżda fil-parti l-kbira tal-ħin ejjew nwasslu lill-maħbubin tagħna b’mod mitkellem jew le messaġġi li jixtiequ jisimgħu: “Il-familja tagħna tħossha sħiħa u kompluta għaliex inti parti minnha.” “Inti se tkun maħbub għall-kumplament ta’ ħajtek—jiġri x’jiġri.”

Xi kultant dak li neħtieġu hija l-empatija aktar mill-pariri; li nisimgħu aktar milli ngħallmu; xi ħadd li jisma’ u jistaqsi, “Kif għandi nħossni biex ngħid dak li għadhom kif qalu?”

Ftakru, il-familji huma laboratorju mogħti minn Alla li fih qed nitgħallmu bosta ħwejjeġ, għalhekk l-iżbalji u l-kalkoli ħżiena mhux biss huma possibbli, iżda probabbli. U ma tkunx ħaġa interessanti jekk, fi tmiem ħajjitna, inkunu nistgħu naraw li dawk ir-relazzjonijiet, anke dawk il-mumenti diffiċli, kienu fil-fatt l-affarijiet li lilna għenuna nsiru aktar bħas-Salvatur tagħna? Kull interazzjoni diffiċli hija opportunità biex aħna nitgħallmu kif inħobbu b’mod aktar profond—b’mod divin.6

Ejjew niżżumjaw ’il barra biex nibdew inħarsu lejn ir-relazzjonijiet tagħna fil-familja bħala vettura b’saħħitha li tgħallimna l-lezzjonijiet li ġejna hawn biex nitgħallmu hekk kif induru lejn is-Salvatur.

Ejjew inkunu onesti, f’dinja mitlufa, m’hawn l-ebda mod kif nistgħu nkunu konjuġi, ġenituru, ulied, neputijiet, mentors, jew ħbieb perfetti—iżda hawn miljun mod kif nistgħu nkunu aħjar.7 Ejjew nibqgħu ħdejn is-siġra, ingawdu mill-imħabba ta’ Alla, u naqsmuha ma’ ħaddieħor. Meta aħna ngħollu lin-nies ta’ madwarna, aħna nitilgħu ’l fuq flimkien.

Sfortunatament, il-memorja nieklu l-frott mhux biżżejjed; jeħtieġ li nieklu u nerġgħu nieklu b’mod li nipożizzjonaw il-lenti tagħna u li jikkonnetjana mal-panorama divina billi niftħu l-iskrittura, li hi mimlija dawl, biex inkeċċu d-dalma, u nibqgħu għarkupptejna sakemm it-talba każwali tagħna ssir waħda setgħana. Dan iseħħ meta jirtabu l-qlub, u nibdew naraw kif jara Alla.

F’dawn l-aħħar żminijiet, probabbilment l-aktar ħidma importanti tagħna se tkun mal-maħbubin tagħna—nies twajbin li qed jgħixu f’dinja ħażina. It-tamatagħna tibdel il-mod kif huma jħarsu lejhom infushom u lejn min huma tassew. U permezz ta’ din il-lenti ta’ mħabba huma jkunu jistgħu jaraw huma x’se jsiru sewwasew.

Iżda l-avversarju ma jridx li aħna jew il-maħbubin tagħna nerġgħu lura d-dar flimkien. U għaliex aħna ngħixu fi pjaneta li hi marbuta maż-żmien u ma’ numru finit ta’ snin,8 huwa jipprova juri sens mill-aktar reali ta’ paniku ġewwa fina. Diffiċli naraw, meta nkunu qed niżżumjaw ’il ġewwa, li d-direzzjoni tagħna hi aktar importanti mill-veloċità tagħna.

Ftakru, “Jekk tridu tgħaġġlu, morru weħidkom. Jekk tridu mmorru ’l bogħod, immorru flimkien.”9 Fortunatament, l-Alla li aħna nqimu mhuwiex marbut mal-ħin. Huwa jara lill-maħbubin tagħna min huma u min aħna verament .10 Għalhekk Huwa juri ħafna sabar magħna, u jittama li aħna nuru s-sabar bejnietna.

Nammetti li jkun hemm mumenti meta d-dinja, id-dar temporali tagħna, tibda tidher qisha xi gżira ta’ niket—mumenti meta jkolli għajn waħda ta’ fidi u l-għajn l-oħra qed tibki.11 Ġieli ħassejtukom hekk?

Jien ħassejtni hekk nhar it-Tlieta.

Nistgħu minflok nieħdu l-poża kollha fidi tal-profeta tagħna meta huwa wegħidna li jkollna l-mirakli fil-familji tagħna? Jekk nagħmlu dan, l-hena tagħna tikber, anke jekk tikber ukoll it-turbulenza. Huwa jwiegħed li aħna nistgħu nesperjenzaw l-effett panoramiku issa, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna.12

Li jkollna din l-għajn ta’ fidi issa hija dehra mill-ġdid, jew eku, tal-fidi li aħna kellna qabel ġejna f’din il-pjaneta. Tħallina naraw lil hinn mill-inċertezza tal-mument, u tagħtina ċ-ċans biex “b’ferħ nagħmlu dak kollu li għandna l-qawwa nagħmlu; imbagħad … nieqfu.”13

Hemm xi ħaġa diffiċli f’ħajjitkom bħalissa, xi ħaġa li qed tinkwetaw li ma tistgħux tirrisolvu? Mingħajr l-għajn tal-fidi, jaf iħosskom bħallikieku Alla tilef il-kontroll ta’ kollox, iżda fil-fatt hekk hu?

Jew forsi l-akbar biża’ tagħkom hi li sejrin tgħaddu minn dan il-mument diffiċli waħedkom, iżda dan ikun ifisser li Alla abbandunakom, hekk taħsbu?

Hija x-xhieda tiegħi li s-Salvatur għandu l-abbiltà, minħabba l-Espjazzjoni tiegħu, li jdawwar kwalunkwe mument ikrah li jista’ jkollkom f’barka. Huwa wegħedna “permezz ta’ patt immutabbli” li hekk kif nagħmlu li nistgħu biex inħobbuh u nimxu warajh, “kull ħaġa li qed twassal għat-tbatija tagħna se tkun għall-aħjar tagħna.”14 Kull ħaġa.

U għax aħna ulied tal-patt, aħna nistgħu nitolbu għal dan is-sentiment ta’ tama issa!

Filwaqt li l-familji tagħna mhumiex perfetti aħna nistgħu nipperfezzjonaw l-imħabba tagħna lejn ħaddieħor sakemm issir tip ta’ mħabba kostanti, li jiġri x’jiġri ma tinbidilx—it-tip ta’ mħabba li tħeġġeġ il-bidla u tippermetti t-tkabbir u li nerġgħu lura ħdejn Alla.

Hija l-ħidma tas-Salvatur li jġib lill-maħbubin tagħna lura. Hija l-ħidma tiegħu u l-orarju tiegħu . Hija l-ħidma tagħna li nipprovdi t-tama u qalb li jistgħu jersqu lejha. “Aħna la għandna l-awtorità ta’ Alla biex nikkundannaw u lanqas il-qawwa tiegħu biex nifdu lil ħaddieħor, iżda aħna ġejna awtorizzati biex neżerċitaw imħabbtu.”15 Il-President Nelson għallimna wkoll li l-oħrajn jeħtieġu l-imħabba tagħna aktar mill-ġudizzju tagħna. “Huma għandhom bżonn li jesperjenzaw l-imħabba safja ta’ Ġesù Kristu tirrifletti fi kliemkom u f’għemilkom.”16

L-imħabba hija l-ħaġa li tibdel il-qlub. Hija l-aktar mottiv safi fost kull mottiv ieħor, u oħrajn jistgħu jħossu dan. Ejjew nemmnu b’qawwa f’dak il-kliem profetiku li ntqal 50 sena ilu: “L-ebda familja mhi falliment diment li ma tiqafx tipprova.”17 Bla dubju, dawk li jħobbu l-aktar fit-tul jirbħu!

Fil-familji fid-dinja, aħna sempliċiment qed nagħmlu dak li għamel għalina Alla—nuru t-triq u nittamaw li l-għeżież tagħna jimxu f’dik id-direzzjoni, iżda li jkunu jafu liema triq se jaqbdu hija l-għażla tagħhom.

U meta huma jgħaddu għan-naħa l-oħra tal-velu u jersqu qrib dik il-ġibda ta’ “mħabba gravitazzjonali” fid-dar ċelestjali tagħhom,18 nemmen li hemm huma jħossuhom familjari minħabba l-mod kif ħassewhom maħbuba hawnhekk.

Ejjew nużaw dik il- lenti panoramika u nibdew inħarsu lejn in-nies li nħobbu u ngħixu magħhom bħala kumpanji tagħna f’’din il-pjaneta sabiħa.

Jien u intom? Aħna nistgħu nagħmlu dan! Nistgħu nibqgħu mexjin u nittamaw! Nistgħu nibqgħu ħdejn is-siġra u nieklu mill-frott bi tbissima fuq ħaddejna, u nħallu d-Dawl ta’ Kristu f’għajnejna isir xi ħaġa li oħrajn jistgħu jiddependu fuqha fl-aktar mumenti mudlama tagħhom. Hekk kif jaraw id-dawl fuq wiċċna, huma jkunu jridu jersqu lejh. Imbagħad aħna nkunu nistgħu ngħinuhom jerġgħu jiffokaw mill-ġdid l-attenzjoni tagħhom fuq is-sors oriġinali tal-imħabba u d-dawl, “il-kewkba tiddi tal-għodwa,” Ġesù Kristu.19

Jien naqsam it-testimonjanza tiegħi li dan—kollu kemm hu—se jirriżulta f’xi ħaġa ferm aħjar milli aħna nistgħu nimmaġinaw. B’għajn ta’ fidi iffokata fuq Ġesù Kristu, jalla aħna nkunu nistgħu naraw li fl-aħħar kollox se jkun sew, u nħossu li kollox se jkun sew anke issa. F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Anousheh Ansari, in “The Overview Effect and Other Musings on Earth and Humanity, according to Space Travelers,” cocre.co.

  2. Għeter 12:19; enfażi miżjuda.

  3. Ara Jody Moore, “How to Say Hard Things,” Better than Happy (podcast), 18 ta’ Sett., 2020, episodju 270.

  4. Ronald E. Bartholomew, użat bil-permess; ara wkoll 1 Nefi 8:10; 11:21–22.

  5. Ara James D. MacArthur, “The Functional Family,” Marriage and Families, vol. 16 (2005), 14.

  6. Dan isir possibbli hekk kif aħna “nitolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbna, sabiex inkunu mimlijin b’din l-imħabba” (Moroni 7:48).

  7. Parafrażi ta’ dikjarazzjoni attribwita lil Jill Churchill.

  8. Ara Richard Eyre, Life before Life: Origins of the Soul … Knowing Where You Came from and Who You Really Are (2000), 107.

  9. Proverbju tradizzjonali.

  10. Ara Doctrine and Covenants 93:24, 26.

  11. Ara Robert Frost, “Birches,”f’ Mountain Interval (1916), 39.

  12. Ara Russell M. Nelson, “Il-Ferħ u s-Sopravivenza Spiritwali,” Liahona, Nov. 2016, 81–84; ara wkoll Russell M. Nelson, “Ħallu lil Alla Jiddomina,” Liahona, Nov. 2020, 92–95.

  13. Doctrine and Covenants 123:17.

  14. Doctrine and Covenants 98:3; enfażi miżjuda.

  15. Wayne E. Brickey, Inviting Him In: How the Atonement Can Change Your Family (2003), 144.

  16. Ara Russell M. Nelson, “Meħtieġa Nies li Jġibu l-Paċi,” Liahona, Mejju 2023, 100.

  17. Teachings of Presidents of the Church: Harold B. Lee (2000), 134.

  18. Ara Paul E. Koelliker, “He Truly Loves Us,” Liahona, Mejju 2012, 18.

  19. Apokalissi 22:16.