Konferenza Ġenerali
Tridu Tkunu Kuntenti?
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Tridu Tkunu Kuntenti?

Ibqgħu fit-triq tal-patt. Ħajjitkom tkun iħfef, iktar kuntenta, u minlija hena.

Tridu tkunu kuntenti? X’jagħmilkom imdejqin? Il-President Russell M. Nelson qal: “Jekk tridu tħossukom miżerabbli, iksru l-kmandamenti—u tindmu qatt. Jekk tridu l-hena, ibqgħu fit-triq tal-patt.”1 Faċli, hux, biex tgħixu kuntenti? Kull ma tridu huwa li tagħmlu l-patti u żżommuhom tul ħajjitkom. Ejjew nagħtu ħarsa lejn xi affarjiet li jistgħu jgħinuna nibqgħu fit-triq tal-patt u jagħmluna kuntenti.

1. X’inhi t-Triq tal-Patt?

Skont il-Presbiteru Dale G. Renlund: “It-terminu triq tal-patt tirreferi għal serje ta’ patti li permezz tagħhom nistgħu nersqu lejn Kristu u nikkonnetjaw ruħna miegħu. Permezz ta’ din ir-rabta tal-patt, aħna għandna aċċess għall-qawwa eterna tiegħu. It-triq tibda bil-fidi f’Ġesù Kristu u l-indiema, segwita mill-magħmudija u l-għotja tal-Ispirtu s-Santu.”2 Aħna nġeddu dawn il-patt kull darba li nieħdu sehem fis-sagrament.

Wara l-magħmudija bħala l-ewwel patt tagħna, aħna nagħmlu iktar patti tul ħajjitna. Mill-ġdid, il-Presbiteru Renlund qal: “It-triq tal-patt twassalna għall-ordinanzi tat-tempju, bħad-dota tat-tempju. Id-dota hija rigal ta’ patti sagri li jikkonnetjawna b’mod sħiħ miegħu.”3

Idea 2: Tinsabu fuq it-Triq tal-Patt?

Xi kultant meta nagħmlu l-patti, ma jirnexxilniex inżommuhom. Meta jiġri dan, kif tistgħu tirritornaw fit-triq tal-patt. Ippermettuli naqsam magħkom xi ftit eżempji ta’ nies li rritornaw fit-triq tal-patt.

Xi ftit iktar minn xahar ilu, jien irċevejt messaġġ minn missjunarju li kien qed jirritorna u li kien serva magħna. Qalli, “L-aħħar ftit żmien kien diffiċli. Tassew għejjejt niġġieled ta’ kuljum kontra l-anżjetà u d-dipressjoni, u saret diffiċli ħafna. Inħossni waħdi u totalment ħażin. Dejjem qed nitlob għall-gwida ta’ Missierna fis-Smewwiet għall-paċi u l-faraġ u x’nista’ nagħmel biex niġġieled din il-miżerja. … Jien u nitlob, ħassejt is-suġġeriment tal-ispirtu jgħidli li jeħtieġli nħallas l-ammont sħiħ tad-dieċmi tiegħi. … Ħassejt l-ispirtu b’mod qawwi u minnufih ħassejt il-ħeġġa li nagħmel dan. Permezz tax-xewqa li nagħmel dan, ħassejt is-suġġeriment li ‘jekk tħallas id-dieċmi kollox jerġa’ jkun sew.’ Xorta għadni nitħabat biex insib il-paċi, iżda għandi testimonjanza fis-Salvatur tagħna u li permezz tal-ubbidjenza tiegħi jiena nista’ nħoss u nsib dik il-paċi li qed infittex f’qalbi u f’moħħi. Riċentament iddeċidejt li nerġa’ lura fil-knisja u li nfittex l-ispirtu f’dak kollu li nagħmel.”

Issa sejjer tajjeb ħafna. Tistgħu wkoll tistaqsu lill-Missier fis-Smewwiet għall-paċi, iżda t-tweġiba tista’ tkun differenti minn dak li tkunu antiċipajtu. Jekk intom tkunu qed tfittxu li ssiru tafu lis-Salvatur u titolbu lill-Missier fis-Smewwiet, huwa se jagħtikom tweġiba individwali għalikom.

Il-President Thomas S. Monson għallem:

“L-akbar lezzjoni li nistgħu nitgħallmu fil-mortalità hi li meta Alla jitkellem u aħna nobdu, aħna qatt ma nistgħu nkunu żbaljati.”4

“Meta aħna nobdu l-kmandamenti, ħajjitna tkun aktar ferħana, aktar sodisfaċenti u anqas ikkumplikata. Insibuha aktar faċli niffaċċjaw l-isfidi u l-problemi li jkollna quddiemna, u aħna nirċievu l-barkiet imwiegħda ta’ Alla.”5

Jien ġejt imsejjaħ biex inkun isqof f’perjodu li kien l-iktar wieħed diffiċli f’ħajti. Kont missier żagħżugħ fil-bidu tat-tletinijiet, iżda kelli ħafna nkwiet finanzjarju minħabba ċerti sfidi fil-familja. Ma stajtx insib soluzzjoni, u ħsibt li l-isfidi ma kienu se jintemmu qatt. Kont eżawst finanzjarjament u emozzjonalment. U bdejt niddubita wkoll fuq il-qawwa spiritwali tiegħi. Kien dak iż-żmien li l-president tal-wited tiegħi għamilli s-sejħa. Aċċettajt is-sejħa, għalkemm ma kinitx faċli.

Marti wkoll kellha laqgħa mal-president tal-wited, iżda ma setgħetx twieġeb ‘iva’ meta staqsieha biex tissapportja s-sejħa tiegħi, u lanqas ma qalet ‘le’, imma ma waqfitx tibki. Bkiet għal ġimgħa sħiħa, filwaqt li talbet lill-Missier fis-Smewwiet, “Għalfejn issa?” u “Veru li taf lil kull individwu?” Ma rċevietx tweġiba, iżda jien ġejt sostnut bħala isqof il-Ħadd ta’ wara. Ma staqsietx iżjed dawk il-mistoqsijiet lill-Missier fis-Smewwiet, iżda ssapportjatni fis-sejħa tiegħi għal sitt snin.

F’jum il-Ħadd meta kont eżonorat, marti semgħet leħen meta kienet qed tirċievi s-sagrament. Il-leħen sefsfilha f’widnejha, “Għaliex kienet iebsa ħafna biex inti timxi, jien sejjaħt lilu bħala isqof sabiex iżomm lilek u jimxi għalik.” Ħarset lura lejn is-sitt snin li għaddew u rrealizzat li l-bosta sfidi li dehru li ma jistgħu jintemmu qatt kienu lkoll ġew solvuti mal-mogħdija taż-żmien.

Tgħallimna li meta naħsbu li mhux żmien tajjeb għalina li nirċievu sejħa, dan jista’ jkun iż-żmien meta l-iktar għandna bżonn dik is-sejħa. Kull darba li l-Mulej jitlobna biex inservu f’kwalunkwe sejħa, sew jekk hija waħda ħafifa, sew jekk hija tqila, huwa jkun qed jara l-ħtiġijiet tagħna. Huwa jipprovdi l-qawwa li neħtieġu u għandu barkiet lesti li jissawbu fuqna hekk kif aħna nservu bil-fidi kollha.

Hemm ħafna affarjiet oħra li jistgħu jfixkluna milli nibqgħu fit-triq tal-patt. Ikun x’ikun, qatt m’huwa tard wisq li ndawru qlubna lejn il-Missier fis-Smewwiet u nitolbuh l-għajnuna. Il-Presbiteru Paul V. Johnson għallimna: “Meta nimxu wara Satana, inkunu qed nagħtuh il-qawwa. Meta nimxu wara Alla, Hu jagħti l-qawwa lilna.”6

Is-Sultan Benjamin fil-Ktieb ta’ Mormon qal: “U barra minn hekk, jien nixtieq li intom tikkunsidraw l-istat imbierek u ta’ ferħ ta’ dawk li jżommu l-kmandamenti ta’ Alla. Għax araw, huma mberkin f’kull ħaġa, kemm temporali kif ukoll spiritwali; u jekk huma jibqgħu fidili sat-tmiem, huma jintlaqgħu fis-sema, fejn hemm huma jkunu jistgħu jgħammru ma’ Alla fi stat ta’ ferħ bla tmiem.”7

3. Li Żżommu l-Patti ma’ Alla Kif Jista’ Jagħmilkom Kuntenti?

Marti tgħid li ż-żwieġ tagħna jorbotna flimkien, u permezz ta’ dan hi tista’ tagħmel affarjiet li qabel hi ma kinitx tista’ tagħmel. Per eżempju, sa meta kienet żgħira kienet tibża’ toħroġ fid-dlam, iżda issa m’għadhiex tibża’ għax jien inkun magħha. Hija persuna qasira u allura ma tistax tilħaq l-ixkafef għoljin sakemm ma tużax xi siġġu jew sellum, iżda jien nista’ nilħaq l-affarjiet fuq xkafef għoljin u nġibhomlha, għax jien itwal minnha. Li nintrabtu bil-madmad tal-Mulej huwa l-istess ħaġa. Hekk kif nintrabtu bil-madmad miegħu, aħna nistgħu nagħmlu affarjiet li ma stajniex nagħmlu waħedna għaliex hu jista’ jagħmel affarjiet għalina li aħna ma nistgħux nagħmlu.

Il-Presbiteru David A. Bednar qal: “Meta aħna nagħmlu u nżommu ċerti patti sagri aħna nispiċċaw biex inġorru l-madmad flimkien mal-Mulej Ġesù Kristu. F’kelma waħda, is-Salvatur qed jistedinna sabiex nafdaw fih u nġorru t-tagħbija flimkien miegħu, avolja l-aqwa sforzi tagħna ma nistgħux nqabbluhom ma’ Tiegħu. Hekk kif nafdaw fih u tul il-vjaġġ tal-mortalità aħna nġorru t-tagħbija tagħna miegħu, verament il-madmad isir faċli biex inġorruh u l-piż jiħfief.”8

Il-President Nelson għallem ukoll:

“Iżda li tintrabtu mas-Salvatur ifisser li jkollkom aċċess għall-qawwa feddejja tiegħu .”9

“Il-premju talli nħarsu l-patti ma’ Alla huwa qawwa divina—qawwa li ssaħħaħna sabiex inkunu nistgħu nikkumbattu aħjar l-isfidi, it-tiġrib, u l-uġigħ il-qalb tagħna. Din il-qawwa tiffaċilita t-triq tagħna. Dawk li jgħixu l-liġijiet ogħla ta’ Ġesù Kristu għandhom aċċess għall-qawwa ogħla tiegħu.”10

“Fir-realtà, li nżommu l-patti jagħmel il-ħajja iħfef! Kull persuna li tagħmel il-patti fil-fonti tal-magħmudija u fit-tempji—u tħarishom—għandha aċċess akbar għall-qawwa ta’ Ġesù Kristu.”11

Għeżież ħuti, tridu tkunu kuntenti? Ibqgħu fit-triq tal-patt. Ħajjitkom tkun iħfef, iktar kuntenta, u minlija hena. Ġesù jassigurana, “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.”12 Huwa hu Kristu l-ħaj. Huwa jġorr it-toqol tagħna u jagħmlilna l-ħajja iktar faċli. F’isem Ġesù Kristu, ammen.