Konferenza Ġenerali
Saltniet ta’ Glorja
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Saltniet ta’ Glorja

Aħna għandna Missierna fis-Smewwiet kollu mħabba li jara li aħna nirċievu kull barka u kull vantaġġ li jippermettu x-xewqat u l-għażliet tagħna.

Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ta’ spiss jiġu mistoqsijin, “Il-knisja tagħkom kif inhi differenti minn knejjes Kristjani oħra?” Fost it-tweġibiet li nagħtu hemm il-milja tad-duttrina ta’ Ġesù Kristu. Ewlieni fost dik id-duttrina huwa l-fatt li Missierna fis-Smewwiet iħobb lil uliedu kollha tant li Hu jridna ngħixu lkoll f’saltna ta’ glorja għal dejjem. Barra minn hekk, Hu jridna li ngħixu miegħu u ma’ Ibnu, Ġesù Kristu, għal dejjem. Il-pjan tiegħu jagħtina t-tagħlim u l-opportunità li nagħmlu l-għażliet li jiżgurawlna d-destin u l-ħajja li nagħżlu.

I.

Minn rivelazzjoni moderna nafu li d-destin aħħari għalina lkoll li ngħixu fid-dinja mhuwiex l-idea inadegwata ta’ smewwiet għall-ġusti u t-tbatija eterna tal-infern għall-bqija. Il-pjan kollu mħabba ta’ Alla għal uliedu jinkludi fih din ir-realtà mgħallma mis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu: “Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet.”1

Id-duttrina żvelata tal-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tgħallem li ulied Alla kollha—bl-eċċezzjoni li hi wisq limitata biex nikkunsidrawha hawnhekk—ultimament se jirtu waħda mit-tliet saltniet ta’ glorja, fejn anke l-anqas waħda fosthom “tiżboq kull għarfien.”2 Wara perjodu fejn id-diżubbidjenti se jsofru għal dnubiethom, liema sofferenza tħejjihom għal dak li jiġri wara, ilkoll se nqumu mill-mewt u nkunu lesti għall-Ġudizzju Finali tal-Mulej Ġesù Kristu. Hemmhekk, is-Salvatur tagħna kollu mħabba, li, kif aħna mgħallmin, “jigglorifika lill-Missier, u jsalva l-għemejjel kollha ta’ jdejh,”3 jibgħat lil ulied Alla kollha f’xi waħda minn dawn is-saltniet ta’ glorja skont ix-xewqat li wrew permezz ta’ għażliethom.

Duttrina u drawwa unika oħra tal-Knisja rrestawrata huma l-kmandamenti u l-patti żvelati li joffru lil ulied Alla kollha il-privileġġ sagru li huma jikkwalifikaw għall-ogħla grad ta’ glorja fis-saltna ċelestjali. Dik l-ogħla destinazzjoni—l-eżaltazzjoni fis-saltna ċelestjali—hija l-fokus tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

Minn rivelazzjoni moderna, il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien kisbu dan l-għarfien uniku tal-pjan ta’ ferħ ta’ Alla għal uliedu. Dak il-pjan jibda b’ħajjitna bħala spirti qabel ma twelidna, u jiżvela l-għan u l-kundizzjonijiet tal-vjaġġ magħżul tagħna fil-mortalità u d-destinazzjoni mixtieqa tagħna fil-ħajja ta’ wara.

II.

Aħna nafu minn rivelazzjoni moderna li “kull saltna għandha liġi mogħtija lilha”4 u li s-saltna ta’ glorja li nirċievu fil-Ġudizzju Finali tiġi determinata mil-liġijiet li aħna nagħżlu li nimxu warajhom fil-vjaġġ mortali tagħna. Skont dak il-pjan ta’ mħabba, hemm diversi saltniet—ħafna postijiet—biex b’hekk l-ulied kollha ta’ Alla sejrin jirtu saltna ta’ glorja li l-liġijiet tagħha huma komdi li “jobdu.”

Hekk kif niddeskrivu n-natura u l-ħtiġijiet ta’ kull waħda minn dawn it-tliet saltniet fil-pjan tal-Missier, ejjew nibdew bl-ogħla waħda, li hija l-fokus tal-kmandamenti u l-ordinanzi divini li Alla żvela permezz tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Fil-glorja “ċelestjali”5 hemm tliet livelli,6 li l-ogħla fosthom hi l-eżaltazzjoni fis-saltna ċelestjali. Dan huwa l-post li fih jgħammru dawk “li rċevew mill-milja tiegħu, u mill-glorja tiegħu,” għalhekk, “huma sewwasew allat, ulied Alla”7 u huma “jgħammru fil-preżenza ta’ Alla u ta’ Kristu tiegħu għal dejjem ta’ dejjem.”8 Permezz tar-rivelazzjoni, Alla żvela l-liġijiet, l-ordinanzi u l-patti eterni li jeħtieġ li wieħed josserva biex jiżviluppa l-kwalitajiet divini neċessarji biex jirrealizza dan il-potenzjal divin. Dan huwa l-fokus tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien għax l-għan tad-duttrina u l-polisis ta’ din il-Knisja rrestawrata hu li jħejji lil ulied Alla għas-salvazzjoni fil-glorja ċelestjali u, partikolarment, għall-eżaltazzjoni fl-ogħla grad tagħha.

Il-pjan ta’ Alla, imfassal fuq verità eterna, jitlob li l-eżaltazzjoni tista’ tinkiseb biss permezz tal-fedeltà lejn il-patti ta’ żwieġ etern bejn raġel u mara fit-tempju mqaddes,9 liema żwieġ ultimament se jkun disponibbli għall-fidili kollha. Għalhekk aħna ngħallmu li “il-ġeneru tas-sess huwa karatteristika essenzjali tal-identità u l-għan primortali, mortali u etern ta’ kull individwu.”10

Tagħlim unikament siewi biex jgħinna nitħejjew għall-eżaltazzjoni hi l-proklamazzjoni tal-1995 dwar il-familja.11 Id-dikjarazzjonijiet tagħha jiċċaraw il-ħtiġijiet li jħejjuna biex ngħixu ma’ Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu. Dawk li ma jifhmux għalkollox il-pjan kollu mħabba tal-Missier għal uliedu jistgħu jħarsu lejn din il-proklamazzjoni tal-familja bħala xejn aktar minn sempliċiment dikjarazzjoni ta’ polisi li tista’ tinbidel. B’kuntrast għal dan, aħna naffermaw li l-proklamazzjoni tal-familja, ibbażata fuq duttrina irrevokabbli tiddefinixxi r-relazzjonijiet mortali tal-familja li fihom isseħħ l-aktar parti importanti tal-iżvilupp etern tagħna.

L-Appostlu Pawlu ddeskriva t-tliet gradi ta’ glorja, u xebbahom mal-glorja tax-xemx, tal-qamar, u tal-kwiekeb.12 L-ogħla waħda jsemmiha “ċelestjali” u t-tieni “terrestjali.”13 Huwa ma jsemmix l-anqas waħda, iżda rivelazzjoni lil Joseph Smith tagħti wkoll isimha: “telestjali.”14 Rivelazzjoni oħra tiddeskrivi wkoll in-natura tal-persuni assenjati lil kull waħda minn dawn is-saltniet ta’ glorja. Dawk li ma jagħżlux “li jgħixu skont il-liġi tas-saltna ċelestjali”15 sejrin jirtu saltna oħra ta’ glorja, anqas minn dik ċelestjali iżda addattata għal-liġijiet li huma għażlu u li komdi “jgħixu” skonthom. Il-kelma ingliża abide, li bil-Malti hija tradotta bħala fejn jgħixu, hi komuni ħafna fl-iskrittura bl-Ingliż, u tfisser jgħixu f’post sigur.16 Per eżempju, dawk fis-saltna terrestjali—mqabbla mal-kunċett popolari tas-smewwiet—“huma dawk li jgawdu mill-preżenza tal-Iben, iżda mhux mill-milja tal-Missier.”17 Huma kienu “nies onorabbli fid-dinja, li spiċċaw għomja minħabba l-makakkerija tal-bnedmin”,”18 iżda “ma kenux qalbiena fit-testimonjanza ta’ Ġesù.”19

Id-deskrizzjoni rivelatorja ta’ dawk assenjati għall-anqas fost is-saltniet ta’ glorja, it-telestjali, hi “dak li ma jistax jgħix … fi glorja terrestjali.”20 Dan jiddeskrivi lil dawk li warrbu lis-Salvatur u ma osservaw l-ebda limitu divin fl-imġiba tagħhom. Din hija s-saltna fejn jgħixu l-ħżiena, wara li huma jkunu sofrew għal dnubiethom. Dawn huma deskritti fir-rivelazzjoni moderna bħala “dawk li ma rċevewx l-evanġelju ta’ Kristu, u lanqas it-testimonjanza ta’ Ġesù. …

“Dawn huma dawk li huma giddibin, u sħaħar, u żienja, u jħobbu l-qħab,u kull min iħobb u jgħid il-gideb.”21

Meta kien qed jitkellem dwar it-tliet saltniet ta’ glorja bil-viżjoni profetika tiegħu, il-President Russell M. Nelson m’ilux kiteb: “Il-ħajja mortali lanqas biss hija farka ta’ sekonda mqabbla mal-eternità. Iżda kemm hi kruċjali din il-farka ta’ sekonda! Ikkunsidraw sewwa kif taħdem: Waqt din il-ħajja mortali intom għandkom iċ-ċans tagħżlu liema liġijiet intom lesti li tobdu—dawk tas-saltna ċelestjali, jew terrestjali, jew telestjali—u, għalhekk, f’liema saltna ta’ glorja se tgħixu għal dejjem. Xi pjan dak! Huwa pjan li jonora għal kollox il-volontà tagħkom .”22

III.

L-Appostlu Pawlu għallem li t-tagħlim u l-kmandamenti tal-Mulej ġew mogħtija biex aħna lkoll inkunu nistgħu naraw li “sseħħ il-milja ta’ Kristu.”23 Dak il-proċess jeħtieġ minna ferma aktar milli niksbu l-għarfien. Lanqas hu biżżejjed għalina li nkunu konvinti mill-evanġelju; jeħtieġ li aħna naġixxu biex niġu kkonvertiti permezz tiegħu. B’kuntrast għal tagħlim ieħor, li jgħallimna biex inkunu nafu xi ħaġa, l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jisfidana biex insiru xi ħaġa.

Minn dan it-tagħlim nikkonkludu li l-Ġudizzju Finali mhuwiex biss evalwazzjoni tas-somma totali tal-għemejjel tajbin u ħżiena tagħna—ta’ dak li għamilna. Huwa bbażat fuq l-effett finali tal-għemejjel tagħna u ta’ ħsibijietna—dak li aħna sirna. Aħna nikkwalifikaw għall-ħajja ta’ dejjem permezz ta’ proċess ta’ konverżjoni. Kif użat hawnhekk, din il-kelma fost tifsiriet oħra tfisser bidla profonda ta’ natura. Mhux biżżejjed li dak li jkun jagħmel dak li għandu jagħmel mingħajr ebda ħsieb. Il-kmandamenti, l-ordinanzi u l-patti tal-evanġelju mhumiex bħal xi mazz flus lesti biex jiġu ddepożitati f’xi kont divin. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu huwa pjan li jurina kif nistgħu nsiru dak li jixtieqna nsiru Missierna tas-Smewwiet.24

IV.

Grazzi għal Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu, meta f’din il-ħajja aħna niżbaljaw, aħna nistgħu nindmu u nerġgħu nidħlu fit-triq tal-patt li twassal għal dak li jixtieq għalina Missierna fis-Smewwiet.

Il-Ktieb ta’ Mormon jgħallem li “din il-ħajja hija ż-żmien li fih il-bnedmin iħejju biex jiltaqgħu ma’ Alla.”25 Iżda dil il-limitazzjoni diffiċli għal “din il-ħajja” ġiet mogħtija kuntest ta’ tama (għall-anqas sa ċertu punt għal ċerti persuni) minn dak li l-Mulej żvela lill-President Joseph F. Smith, li issa nsibuh f’ Doctrine and Covenants section 138. “Qed nara,” kiteb il-profeta, “li l-presbiteri fidili ta’ din id-dispensazzjoni, meta jħallu din il-ħajja mortali, huma jkomplu bil-ħidma tagħhom fix-xandir tal-evanġelju tal-indiema u l-fidwa, permezz tas-sagrifiċċju tal-Iben il-Waħdieni ta’ Alla, fost dawk li jinsabu fid-dlam u taħt il-jasar tad-dnub fid-dinja kbira tal-ispirti tal-mejtin.

“Il-mejtin li jindmu se jkunu mifdija, permezz tal-ubbidjenza lejn l-ordinanzi tad-dar ta’ Alla,

“U wara li huma jkunu ħallsu piena minħabba t-trasgressjonijiet tagħhom, u jitnaddfu, għandhom jirċievu premju skont il-ħidma tagħhom, għaliex huma werrieta tas-salvazzjoni.”26

Barra minn hekk, nafu li l-Millennju, l-elf sena li jiġu wara t-Tieni Miġja tas-Salvatur, se jkun żmien li fih inwettqu l-ordinanzi meħtieġa għal dawk li ma kenux irċevewhom fil-ħajja mortali tagħhom.27

Hemm ħafna li għadna ma nafux dwar it-tliet perjodi ewlenin fil-pjan tas-salvazzjoni u r-relazzjoni tagħhom ma’ xulxin: (1) id-dinja tal-ispirti primortali, (2) il-mortalità, u (3) il-ħajja li jmiss. Iżda aħna nafu dawn il-veritajiet eterni: “Is-salvazzjoni hija ħaġa li tirrigwarda l-individwu, iżda l-eżaltazzjoni hi ħaġa li tirrigwarda l-familja.”28 Aħna għandna Missierna fis-Smewwiet kollu mħabba li jara li aħna nirċievu kull barka u kull vantaġġ li jippermettu x-xewqat u l-għażliet tagħna. Nafu wkoll li Hu mhu se jisforza lil ħadd f’xi relazzjoni ta’ siġill mingħajr ir-rieda tagħhom. Il-barkiet ta’ relazzjoni ta’ siġill huma żguri għal dawk kollha li jħarsu l-patti tagħhom iżda żgur li relazzjoni ta’ siġill ma tiġix sfuzata fuq xi persuna oħra li mhijiex dejna jew kontra qalbha.

Għeżież ħuti, jiena nixhed dwar il-verità ta’ dawn il-ħwejjeġ. Nixhed dwar il-Mulej Ġesù Kristu, “li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna,”29 li l-Espjazzjoni tiegħu, taħt il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet, tagħmel dan kollu possibbli, f’isem Ġesù Krtistu, Ammen.