Konferenza Ġenerali
Karratteristiċi ta’ Kuntentizza
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Karratteristiċi ta’ Kuntentizza

Li nibnu fuq il-pedament ta’ Ġesù Kristu huwa essenzjali għall-kuntentizza tagħna.

Bosta snin ilu, waqt titjira fuq xogħol spiċċajt bilqiegħda ħdejn raġel mill-Olanda. Ħadt gost ħafna nitħaddet miegħu peress li jien kont servejt fil-Belġju u l-Olanda bħala missjunarju żagħżugħ.

Wara li sirna nafu lil xulxin, tani l-biljett tan-negozju tiegħu bit-titlu ta’ impjieg uniku ta’ “professur tal-kuntentizza.”  Għaddejtlu kumment dwar il-professjoni straordinarja tiegħu u staqsejtu x’jagħmel professur tal-kuntentizza. Huwa spjegali li jgħallem lin-nies kif ikollhom ħajja kuntenta billi jistabbilixxu relazzjonijiet u objettivi sinifikattivi. Jien weġibtu, “Tajjeb ferm, imma x’taħseb li kieku tista’ wkoll tgħallem kif dawk ir-relazzjonijiet jistgħu jkomplu lil hinn mill-qabar u twieġeb mistoqsijiet oħra dwar ir-ruħ, bħal ngħidu aħna x’inhu l-għan tal-ħajja, kif nistgħu negħlbu d-dgħufijiet tagħna, u fejn immorru wara l-mewt?” Huwa stqarr li kieku tkun ħaġa tal-għaġeb li kieku rellu r-risposti għal dawk il-mistoqsijiet, u jien bil-qalb kollha spjegajtlu li aħna għadna dawk ir-risposti.

Illum, nixtieq nirrevedi xi ftit mill-prinċipji essenzjali għal kuntentizza vera li donnhom jaħarbu lil bosta f’din id-dinja konfuża, fejn ħafna affarjiet huma interessanti iżda ftit huma importanti.

Alma għallem lin-nies ta’ żmienu, “Għax araw, jien ngħidilkom li ħafna se jkunu l‑ħwejjeġ li se jseħħu; araw, hemm ħaġa waħda li hi ta’ importanza akbar minnhom kollha—għax araw, iż‑żmien mhux wisq ’il bogħod meta l‑Feddej se jgħammar u jiġi fost il‑poplu tiegħu.”1

Din id-dikjarazzjoni hija bl-istess mod importanti għalina llum hekk kif nantiċipaw it-Tieni Miġja ta’ Kristu u nitħejjew għalina.

Għaldaqstant, l-ewwel osservazzjoni tiegħi hija li li nibni fuq il-pedament ta’ Ġesù Kristu huwa essenzjali għall-kuntentizza tagħna. Dan huwa pedament sod, “pedament li jekk fuqu l‑bnedmin jibnu, ma jikkrollaw qatt.”2 Li nagħmlu dan jippreparana għall-isfidi tal-ħajja, ikunu x’ikunu.

Ħafna snin ilu, jiem mort kamp tas-sajf ta’ li Scouts ma’ ibni Justin. Ftit wara li bdew l-attivitajiet, kollu eċitament Justin iddikjara li hu u sħabu riedu jiksbu l-beġġ tal-mertu fl-isparar bil-qaws. Biex jagħmlu dan riedu jgħaddu minn test qasir bil-kitba u jolqtu mira bil-vleġeġ tagħhom.

Ħadt xokk kbir. F’dak iż-żmien, Justin ma tantx kien tajjeb minħabba fibrożi ċistika, marda li kien ilu jikkumbatti mit-twelid. Bilkemm stajt nimmaġinah jiġbed il-qaws biżżejjed lura biex jispara l-vleġġa lejn il-mira.

Waqt li hu u sħabu telqu għall-klassi tal-isparar bil-qaws, jien tlabt fis-skiet biex ma jkunux umiljat b’din l-esperjenza. Xi sagħtejn wara, li jien kont qattajt fuq ix-xwiek, rajtu ġej lejja bi tbissima daqsiex. “Pà!” qalli b’ħerqa. “Irbaħt il-beġġ tal-mertu! Ilqatt iċ-ċentru; il-mira kienet dik li kien hemm ħdejn tiegħi, imma lqattha fiċ-ċentru!” Kien ġibed il-qaws lura b’saħħtu kollha u spara l-vleġġa, imma ma kien kapaċi jikkontrolla t-trajettorja tagħha. Kemm inħossni grat għal dak l-għalliem sensibbli tal-isparar bil-qaws, li ma qalx, “Jiddispjaċini, żbaljajt il-mira!” Anzi bil-maqlub, meta ra l-limitazzjonijiet ta’ Justin u l-isforz serju tiegħu, bil-qalb it-tajba wieġeb, “Prosit!”

U l-istess ħa jiġri lilna jekk nagħmlu mill-aħjar li nistgħu biex nimxu wara Kristu u l-profeti tiegħu minkejja l-limitazzjonijiet tagħna. Jekk immorru għandu billi nżommu l-patti tagħna u nindmu minn dnubietna, aħna se nifirħu meta nisimgħu t-tifħir tas-Salvatur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil.”3

Jien nagħtikom ix-xhieda tiegħi tad-divinità tas-Salvatur tad-dinja u tal-imħabba feddejja tiegħu u l-qawwa li tfejjaqna, issaħħaħna, u tedifikana meta nfittxu bis-serjetà kollha li mmorru għandu. Min-naħa l-oħra, ma jistax ikun li nimxu mal-folla u anki lejn Ġesù. Is-Salvatur għeleb il-mewt, il-mard, u d-dnub u pprova mod għall-perfezzjoni aħħarija tagħna jekk aħna nimxu warajh b’qalbna kollha.4

It-tieni osservazzjoni tiegħi hija li huwa kruċjali għall-kuntentizza tagħna li aħna niftakru li aħna wlied Missier fis-Smewwiet li jħobbna. Li tkun taf din ir-realtà u li tafda fiha jagħmel id-differenza kollha.

Ħafna snin ilu, waqt titjira lura d-dar minn essajnment tal-Knisja, Sister Sabin u jien spiċċajna bilqiegħda eżatti wara raġel ġolf li fuq wara ta’ rasu bla xagħar kellu tatwaġġ ta’ wiċċ kbir u mgħaddab, bin-numru 439.

Meta waslana, jien għidtlu, “Skużani, Mister. Jimporta jekk nistaqsik x’inhu l-iskop tan-numru li għandek impinġi fuq wara ta’ rasek?” Ma staqsejtux rigward il-wiċċ mgħaddab.

Wieġeb u qalli, “Dak jien. Dak hu min jien. Dak it-territorju tiegħi: 219!”

Erba’ mija, disgħa u tletin kien in-numru fuq rasu propjament, u għalhekk kont sorpriż li żbaljah meta kien daqshekk importanti għalih.

Ħsibt bejni u bejn ruħi kemm kienet ħaġa ta’ swied ta’ qalb li l-identità u r-rispett personali ta’ raġel kienu bbażati fuq numru assoċjat mat-teorija tal-klikka. F’qalbi għidt, dan ir-raġel ta’ bixra qalila kien xi darba it-tifel ċkejken ta’ xi ħadd u kellu bżonn iħossu apprezzat u li jappartjeni. Kieku jaħasra kien jaf min fil-fatt kien u lil min kien fir-realtà jappartjeni, għax aħna lkoll konna “mixtrija bil-għoli.”5

Hemm vers mimli għerf fil-film The Prince of Egypy li jgħid, “Ħares lejn ħajtek b’għajnejn is-smewwiet.”6 Hekk kif l-għarfien tan-nisel divin u potenzjal etern tagħna jippenetralna ruħna, aħna se nkunu nistgħu nħarsu lejn ħajjitna bħala avventura mimlija għan u l-ħin kollu tevolvi li minnha għandna nitgħallmu u permezz tagħha se nikbru, anki u aħna naraw “bħal f’mera, imċajpar”7 għal staġun qasir.

It-tielet karatteristika tal-kuntentizza huwa li dejjem niftakru fil-valur ta’ ruħ. Dan nagħmluh l-aħjar billi nimxu wara t-twiddiba tas-Salvatur “ħobbu lil xulxin; kif ħabbejtkom jien.”8

Huwa qal, “Kull ma għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi.”9

Il-ktieb tal-Proverbji jagħti parir ta’ għerf, “Min ħaqqu l-ġid tiċħadhulux, meta dan tista’ tagħmlu.”10

Qatt mhu se jisgħob bina li xi darba konna ġentili wisq. F’għajnejn Alla, il-ġentilezza hija sinonima mal-kobor. Parti mill-ġentilezza hija li aħna nkunu lesti li naħfru u li ma niġġudikawx.

Ħafna snin ilu, konna sejrin bħala familja żagħżugħa naraw film bħala lejla tal-familja fid-dar. Konna lkoll fil-vann għajr għal wieħed mis-subien tagħna u marti, Valerie. Kien ġa dalam sew, u malli t-tifel fetaħ il-bieb beraħ u ħareġ jiġri lejn il-karozza, huwa bi żball rifes dak li huwa ħaseb kien il-qattus tagħna fuq il-portiku. Bi sfortuna għal ibni u marti, li kienet ġejja warajh, ma kienx il-qattus imma skank pjuttost imdejqa, u malajr uriethom! Ilkoll kemm aħna dħalna lura id-dar, u huma nħaslu, b’xagħarhom b’kollox, bis-sugu tat-tadam, dak li suppost huwa r-rimedju ċert biex jeqred ir-riħa ta’ skank. Sakemm inħaslu u bidlu ħwejjiġhom, ilkoll konna drajnieha r-riħa, u għalhekk iddeċidejna li allura stanja mmorru ċ-ċinema.  

Ġaladarba konna bilqiegħda fuq wara tat-teatru, in-nies ta’ madwarna, wieħed wieħed, waħda waħda, bdew iqumu u jmorru jixtru l-popkorn. U meta ġew lura, ħadd minnhom ma ġie lura jpoġġi fejn kien.

Dejjem nidħquha meta niftakru dik l-esperjenza, imma x’kien jiġri kieku d-dnubiet tagħna kellhom riħa tinten? Kieku kellna nxommu d-diżonestà, iż-żina, l-għira, jew il-kburija? B’dgħufijiet tagħna mikxufin, wieħed jittama li aħna konna nkunu ftit iktar meqjusa u attenti għall-oħrajn u, bl-istess mod, huma jkunu l-istess magħna hekk kif aħna nagħmlu t-tibdlil meħtieġ f’ħajjitna. Jien inħobbha r-riħa tat-tabakk fil-knisja, għax dan jindika li xi ħadd qed jipprova jinbidel. Huma jeħtieġu dirgħajna mħaddna magħhom f’merħba sabiħa.

Fl-għerf tiegħu, il-President Russell M. Nelson qal, “Wieħed mill-aktar modi faċli kif tidentifika dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu hu minn kemm huwa jittratta b’kompassjoni lil ħaddieħor.”11

Pawlu kiteb lill-Efesin, “Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.”12

Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna mitlubin biex nafdaw lill-Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur tagħna u biex ma nippruvawx inbiddluhom. Ġesù Kristu jaf l-imperfezzjonijiet ta’ kulħadd b’mod perfett u se jiġġudikahom b’mod perfett.

Ir-raba’ karatteristika tal-kuntentizza fil-fehma tiegħi huwa li nżommu perspettiva eterna. Il-pjan ta’ Missierna jestendi fl-eternitajiet; huwa faċli li tiffoka fil-mument tal-preżent u tinsa dak li ġej.

Din il-lezzjoni tgħallimtha b’mod qawwi bosta snin ilu mingħand bintna ta’ 16-il sena, Jennifer. Kien appena se jsirilha trapjant doppju tal-pulmum, fejn ħames lobi morda tal-pulmuni tagħha kienu se jitneħħew kompletament u minflokhom jitqiegħdu żewġ lobi iżgħar u sani, li kienu ngħataw minn żewġt iħbieb Kristjani. Għalkemm kienet se tgħaddi proċedura ta’ riskju massimu, Jennifer, fil-lejl ta’ qabel l-operazzjoni, bdiet kważi tippridkali bid-90 libbra (41 kg) tagħha, billi tgħidli, “Toqgħodx tinkwieta, Pà! Għada se nqum b’żewġ pulmuni ġodda, jew inkella se nqum f’post aħjar. Tkun liema waħda tkun, it-tnejn huma mill-aqwa.” Dik hija fidi; dik hija perspettiva eterna! Li tara l-ħajja minn pożizzjoni eterna jagħtik kjarezza, faraġ, qlubija, u tama.

Meta l-ġurnata tant mistennija waslet li fiha kellu jitneħħielha t-tubu tan-nifs u jintfilha l-ventilatur li kien għen lil Jennifer tieħu n-nifs, aħna stennejna b’anzjetà kbira biex naraw jekk iż-żewġ lobi iżgħar tagħha kenux se jaħdmu. Meta ħadet l-ewwel nifs tagħha, hija minnufih infaqgħet tibki. Meta ratna inkwetati, malajr għajtet, “Sabiħ wisq li tieħu n-nifs.” 

Minn dakinhar sal-lum, kull filgħodu u kull filgħaxija rringrazzjajt lil Missier fis-Smewwiet għall-ħila tiegħi li nieħu n-nifs. Aħna ninsabu mdawrin minn barkiet bla għadd li faċilment neħduhom bi dritt jekk ma niftħux għajnejna. Min-naħa l-oħra, meta xejn mhu mistenni u kollox huwa apprezzat, il-ħajja ssir maġika.

Il-President Nelson qal: “Kull għodwa ġdida hija rigal minn Alla. Anki l-arja li niġbdu f’imnifesjna hija dejn ta’ mħabba mingħandu. Huwa jippreservana minn jum għal jum u jissapportjana minn mument għall-ieħor. Għaldaqstant, l-ewwel għemil nobbli tagħna kull għodwa għandu jkun talba umli ta’ gratitudni”13

Dan iġibni għall-ħames u l-aħħar osservazzjoni tiegħi, li hi li qatt ma tista’ tkun iktar kuntent minn kemm int grat.

U l-Mulej iddikjara, “U dak li jirċievi kollox b’ringrazzjament se jiġi gglorifikat.”14 Forsi dan huwa għaliex il-gratitudni twelled numru kbir ta’ virtujiet oħrajn.

Kemm kieku kellu jinbidel l-għarfien tagħna jekk kull filgħodu kellna nqumu bil-barkiet biss li tagħhom konna grati fil-lejl ta’ qabel. In-nuqqas ta’ apprezzament tal-barkiet tagħna jista’ jirriżulta f’sens ta’ skuntentizza, li tista’ tisirqilna l-hena u l-ferħ li l-gratitudni ġġib. Dawk li jinsabu fil-bini kbir u spazjuż iħajruna biex inħarsu lil hinn mill-marka, u hekk nitilfu l-marka kompletament.

Fir-realtà, l-ikbar kuntentizza u barka tal-moralità jinstabu f’dak li aħna sirna permezz tal-grazzja ta’ Alla hekk kif nagħmlu u nħarsu l-patti sagri miegħu. Is-Salvatur se jillostrana u jirfinana permezz tal-merti tas-sagrifiċċju espjatorju tiegħu u dwar dawk li jimxu warajh bir-rieda kollha huwa qal, “Huma se jkunu tiegħi meta jien se niġi biex noħloq il-ġojjelli tiegħi.”15

Inwegħidkom li jekk aħna nibnu ħajjitna fuq il-pedament ta’ Ġesù Kristu; inqisu b’valur l-identità vera tagħna bħala wlied Alla; niftakru fis-siwi ta’ ruħ; inżommu perspettiva eterna; u bi gratitudni napprezzaw il-bosta barkiet tagħna, speċjalment l-istedina ta’ Kristu li mmorru għandu, aħna nistgħu nsibu l-vera kuntentizza li qed infittxu matul din l-avventura mortali. Il-ħajja xorta waħda se jkollha l-sfidi tagħha, iżda aħna nkunu nistgħu niffaċċjaw kull sfida aħjar b’sens ta’ għan u paċi minħabba l-veritajiet eterni li aħna nifhmu u ngħixu fuqhom.

Jiena niddikjara x-xhieda tiegħi tar-realtà ħajja ta’ Alla, il-Missier Etern, u ta’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu. Jiena nagħti x-xhieda tiegħi wkoll tal-profeti, tal-bassâra u r-rivelaturi ħajjin. X’barka hi li nirċievi l-kunsill tas-smewwiet permezz tagħhom. Kif iddikjara is-Salvatur b’ċarezza kbira, “Jekk hux permezz ta’ leħni jew ta’ leħen il-qaddejja tiegħi, hija l-istess ħaġa.”16 Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.