Konferenza Ġenerali
Il-Qawwa tal-Fejqan tas-Salvatur fuq il-Gżejjer tal-Baħar
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Il-Qawwa tal-Fejqan tas-Salvatur fuq il-Gżejjer tal-Baħar

Permezz tal-barkiet tat-tempju, is-Salvatur ifejjaq individwi, familji, u nazzjonijiet.

Fis-sittinijiet missieri għallem fil-Kulleġġ tal-Knisja tal-Hawaii f’Laie, fejn twelidt. Is-​sebaʼ ħuti l-​kbar saħqu li l-​ġenituri tiegħi jsemmuni “Kimo,” isem mill-Hawaii. Aħna għexna ħdejn it-Tempju Laie Hawaii li serva għal ħafna bħala sħubija mal-Knisja taż-Żona tal-Asja-Paċifiku, inkluż il-Ġappun.1 F’dan iż-żmien, gruppi ta’ Qaddisin Ġappuniżi bdew jiġu l-Hawaii biex jirċievu l-barkiet tat-tempju.

Waħda minn dawn il-membri kienet persuna mill-gżira sabiħa ta’ Okinawa. L-istorja tal-vjaġġ tagħha lejn it-Tempju tal-Hawaii hija notevoli. Għoxrin sena qabel, hija żżewġet f’tieġ tradizzjonali Buddist. Ftit xhur biss wara, il-Ġappun attakka Pearl Harbor, il-Hawaii, u daħħal lill-Istati Uniti f’kunflitt mal-Ġappun. Fid-dawl ta’ battalji bħal dawk ta’ Midway u Iwo Jima, id-destin tal-gwerra mbutta lill-forzi Ġappuniżi lura lejn ix-xtut tal-gżira tagħha, Okinawa, l-aħħar difiża wieqfa kontra l-forzi Alleati quddiem il-qalba tal-Ġappun.

Għal tliet xhur koroh fl-1945, il-Battalja ta’ Okinawa baqgħet għaddejja. Flotta ta’ 1,300 bastiment tal-gwerra Amerikan dawret u bbumbardjat il-gżira. Id-diżgrazzji militari u ċivili kienu enormi. Illum monument solenni f’Okinawa jfakkar aktar minn 240,000 isem magħruf ta’ nies li mietu fil-battalja.2

Iddisprati biex jaħarbu mill-attakk, din il-mara minn Okinawa, żewġha, u ż-żewġt itfal żgħar tagħhom fittxew kenn f’għar fuq muntanja. Huma ġarrbu miżerja indeskrivibbli matul ġimgħat u xhur sħaħ.

Lejl wieħed iddisprati waqt il-battalja, bil-familja tagħha qrib mingħajr ikel u żewġha mitluf minn sensih, hija ħasbet biex ittemm it-tbatija kollha billi tiftaħ in-nar permezz ta’ bomba, li l-awtoritajiet kienu fornew lilha u lill-oħrajn biha għal dak il-għan. Madankollu, hekk kif bdiet tipprepara biex tagħmel dan, esperjenzat esperjenza profondament spiritwali li tatha sens tanġibbli tar-realtà t’Alla u l-imħabba tiegħu lejha, li taha s-saħħa biex tkompli. Fil-jiem taʼ wara, qajmet lil żewġha u offriet lill-familja tagħha il-ħaxixa, għasel selvaġġ, u ħlejjaq maqbuda f’nixxiegħa fil-qrib. B’mod ta’ l-għaġeb, huma għexu sitt xhur fl-għar sakemm ir-raħħala lokali infurmawhom li l-battalja kienet intemmet.

Meta l-familja marret lura d-dar u bdiet tibni mill-ġdid ħajjithom, din il-mara Ġappuniża bdiet tfittex tweġibiet fuq Alla. Bil-mod il-mod rawmet twemmin f’Ġesù Kristu u l-ħtieġa li titgħammed. Madankollu, kienet imħassba dwar il-​maħbubin tagħha li mietu mingħajr ma kienu jafu dwar Ġesù Kristu u l-​magħmudija, inkluża ommha, li mietet meta wellditha.

Immaġinaw il-ferħ tagħha meta jum wieħed żewġ missjunarji mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien ġew id-dar tagħha u għallmuha li n-nies jistgħu jitgħallmu dwar Ġesù Kristu fid-dinja tal-ispirti. Kienet mgħaġġba bit-tagħlim li l-ġenituri tagħha setgħu jagħżlu li jsegwu lil Ġesù Kristu wara l-mewt u jaċċettaw il-magħmudija li ssir f’isimhom f’postijiet qaddisa msejħa tempji. Hi u l-familja tagħha ġew konvertiti għas-Salvatur u mgħammdin.

Il-familja tagħha ħadmet sfieq u bdiet tirnexxi, u żdietet bi tlett itfal oħra. Kienu fidili u attivi fil-Knisja. Imbagħad, bla mistenni, żewġha sofra puplesija u miet, u hi kienet mġiegħla a taħdem sigħat twal f’diversi impjiegi għal ħafna snin biex tipprovdi għall-ħames uliedha.

Xi nies fil-familja tagħha u fil-villaġġ ikkritikawha. Huma waħħħlu l-inkwiet tagħha fuq id-deċiżjoni tagħha li tingħaqad fi knisja Kristjana. Maqbuda minn traġedja profonda u kritika ħarxa, żammet mal-fidi tagħha f’Ġesù Kristu, determinata li timxi ’l quddiem, fiduċjuża li Alla kien jafha u li kienu ġejjin jiem isbaħ.3

Ftit snin wara l-​mewt taʼ żewġha, il-​president tal-​missjoni tal-​Ġappun ħassu ispirat biex iħeġġeġ lill-​membri Ġappuniżi biex jaħdmu biex jattendu t-​tempju. Il-president tal-missjoni kien veteran Amerikan tal-Battalja ta’ Okinawa, li matulha din il-membru Okinawana u l-familja tagħha kienu batew tant.4 Minkejja dan, l-persuna umli qalet dwaru: “Dak iż-​żmien kien wieħed mill-​għedewwa tagħna, imma issa kien hawn preżenti bl-​evanġelju tal-​imħabba u l-​paċi. Dan, għalija, kien miraklu.”5

Malli semgħet il-messaġġ tal-president tal-missjoni, l-armla xtaqet li xi darba tiġi ssiġillata mal-familja tagħha fit-tempju. Madankollu, kien impossibbli għaliha, minħabba restrizzjonijiet finanzjarji u l-ostakli lingwistiċi.

Imbagħad ħarġu diversi soluzzjonijiet innovattivi. L-ispiża tista’ titnaqqas bin-nofs jekk membri fil-Ġappun jikru ajruplan sħiħ biex itiru lejn il-Hawaii fl-istaġuni mhux komuni għal ivvjaġġar.6 Il-membri rreġistraw u biegħu wkoll diski intitolati Qaddisin Ġappunizi Jkantaw. Xi membri saħansitra biegħu darhom. Oħrajn ħallew xogħolhom biex jagħmlu l-vjaġġ.7

L-isfida l-oħra għall-membri kienet li l-preżentazzjonijiet tat-tempju ma kinux disponibbli bil-Ġappuniż. Il-mexxejja tal-Knisja sejħu membru Ġappuniż biex jivvjaġġa lejn it-tempju fil-Hawaii biex jittraduċu ċ-ċerimonja tad-dotazzjoni.8 Huwa kien l-ewwel Ġappuniż konvertit wara l-gwerra, wara li ġie mgħallem u mgħammed minn suldati Amerikani fidili.9

Il-membri Ġappuniżi emozzjonaw ruħhom meta semgħu il-lingwa tagħhom matul iċ-ċerimonja tad-dotazzjoni. Membru rrakonta: “Konna f’ħafna tempji, u ħafna drabi. Smajna ċ-ċerimonji bl-Ingliż. [Imma] qatt ma ħassejna l-ispirtu … il-ħidma tat-tempju kif inħossuh issa [meta nisimgħuh] bil-lingwa nattiva tagħna stess.”10

Aktar tard dik l-istess sena, 161, ruħ, kemm adult u kemm tfal, rħewla minn Tokyo biex jaqbdu triqthom lejn it-Tempju tal-Hawaii. Wieħed Ġappuniż irrifletta fuq dan il-vjaġġ: “Hekk kif ħarist barra mill-ajruplan u rajt Pearl Harbor, u ftakart x’kien għamel pajjiżna lil dawn in-nies fis-7 taʼ Diċembru, 1941, f’qalbi ħassejt biża’. Se jaċċettawna? Imma b’sorpriża kbira urew imħabba u qalb tajba akbar milli qatt rajt f’ħajti.”11

Immaġni
Qaddisin Ġappuniżi ġew milqugħa bil-kuruni tal-fjuri.

Mal-wasla tal-Qaddisin Ġappuniżi, il-membri mill-Hawaii laqgħuhom b’għadd ta’ fergħat ta’ kuruni tal-fjuri filwaqt li skambjaw tgħanniq u bews fuq il-ħaddejn, drawwa mhux komuni għall-kultura Ġappuniża. Wara li qattgħu 10 t’ijiem fil-Hawaii, ljiem li biddlulhom ħajjithom, il-Qaddisin Ġappuniżi sellmulhom bil-melodija ta’ “Aloha Oe” kantata mill-Qaddisin Ħawajjan.12

It-tieni vjaġġ fit-tempju organizzat għall-membri Ġappuniżi inkluda l-armla ta’ Okinawa. Hija għamlet il-vjaġġ ta’ 10,000 mil (16,000 km) grazzi għal rigal ġeneruż minn missjunarji li kienu qdew fil-fergħa tagħha u kienu kielu ħafna ikliet fuq il-mejda tagħha. Waqt li kienet fit-​tempju, bkiet bil-ferħ hekk kif tgħammdet għan-nom taʼ ommha u ġiet issiġillata ma’ żewġha mejjet.

L-eskursjonijiet tat-tempju mill-Ġappun għall-Hawaii komplew b’mod regolari sakemm it-Tempju ta’ Tokyo fil-Ġappun kien iddedikat fl-1980, u sar it-18-il tempju fl-istorja li ġie iddedikat. F’Novembru ta’ din is-sena, il-186 tempju se jkun iddedikat f’Okinawa, il-Ġappun. Mhux ’il bogħod mill-għar fiċ-ċentru ta’ Okinawa fejn din il-mara u l-familja tagħha sabu kenn.13

Għalkemm qatt ma ltqajt ma’ din l-persuna mill-isbaħ minn Okinawa, il-wirt tagħha jibqa’ jgħix permezz tal-posterità fidila tagħha, li ħafna minnhom naf u nħobb.14

Missieri, veteran tat-Tieni Gwerra Dinjija tal-Paċifiku, kien ferħana meta rċevejt is-sejħa tiegħi biex naqdi fil-Ġappun bħala missjunarju żagħżugħ. Wasalt il-Ġappun ftit wara li t-Tempju ta’ Tokyo ġie ddedikat u rajt b’mod dirett l-imħabba tagħhom għat-tempju.

Il-patti tat-tempju huma rigali mingħand Missierna tas-Smewwiet lis-segwaċi leali ta’ Ibnu, Ġesù Kristu. Permezz tat-tempju, Missierna tas-Smewwiet jorbot individwi u familji mas-Salvatur u ma’ xulxin.

Il-President Russell M. Nelson iddikjara s-sena l-oħra:

“Kull persuna li tagħmel il-patti fil-fonti tal-magħmudija u fit-tempji—u tħarishom—għandha aċċess akbar għall-qawwa ta’ Ġesù Kristu. …

“Il-premju talli nħarsu l-patti ma’ Alla huwa qawwa divina—qawwa li ssaħħaħna sabiex inkunu nistgħu nikkumbattu aħjar l-isfidi, it-tiġrib, u l-uġigħ tal-qalb tagħna. Din il-qawwa tiffaċilita t-triq tagħna.”15

Permezz tal-barkiet tat-tempju, is-Salvatur ifejjaq individwi, familji, u ġnus—anki dawk li darba kienu wrew lilhom infushom bħala għedewwa qarsa. Il-Mulej imqajjem mill-mewt iddikjara lis-soċjetà mimlija kunflitti fil-Ktieb ta’ Mormon li lil dawk li jonoraw “ismi, iqum Bin is-Sewwa bil-fejqan fuq ġwenħajh.”16

Jien grat tax-xhieda u tat-twettiq kontinwu tal-wegħda tal-Mulej li “jiġi ż-żmien meta l-għarfien ta’ Salvatur jinfirex ma’ kull ġens, familja, ilsien, u poplu,”17inkluż għal dawk “fuq il-gżejjer tal-baħar.”18

Jiena nixhed dwar is-Salvatur Ġesù Kristu u l-profeta u l-appostli tiegħu f’dawn l-aħħar żmien. Jiena nagħti xhieda solenni tal-qawwa tas-sema li torbot fis-sema dak li hu marbut fuq l-art.

Din hija l-ħidma tas-Salvatur, u t-tempji huma d-dar qaddisa tiegħu.

B’konvinzjoni bla waqfien, niddikjara dawn il-veritajiet f’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. It-Tempju Laie Hawaii kien iddedikat fl-1919 mill-President Heber J. Grant. Bħala Appostlu, hu fetaħ il-Knisja fil-Ġappun fl-1901. Kien il-ħames tempju iddedikat u l-ewwel tempju mibni barra l-Istati Uniti kontinentali.

  2. Mit-2 ta’ Marzu, 2023, kien hemm 241,281 isem iskritti fuq il-monument.

  3. Ara Gordon B. Hinckley, “Keep the Chain Unbroken” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young, 30 ta’ Nov., 1999), speeches.byu.edu.

  4. Dwayne N. Andersen kien ferut fil-Battalja ta’ Okinawa. Huwa serva bħala president tal-missjoni fil-Ġappun mill-1962 sal-1965 u kien l-ewwel president tat-Tempju ta’ Tokyo fil-Ġappun, mill-1980 sal-1982.

  5. Iltqajt ma’ membri tal-familja tagħha waqt li jien u marti qdejna bħala mexxejja tal-missjoni f’Tokyo. Huma pprovdewli din l-informazzjoni mill-ġrajjiet personali tal-istorja tal-familja tagħha.

  6. AraDwayne N. Andersen: An Autobiography for His Posterity, 102–5, Church History Library, Salt Lake City.

  7. AraDwayne N. Andersen, 104.

  8. Ara Edward L. Clissold, “Translating the Endowment into Japanese,” fi Stories of the Temple in Lā‘ie, Hawai‘i, comp. Clinton D. Christensen (2019), 110–13.3 Nefi 2019:110-13.

  9. It-traduttur, Tatsui Sato, tgħammed 7 taʼ Lulju, 1946, mill-militari Amerikan, C. Elliott Richards. Il-​mara taʼ Tatsui, Chiyo Sato, tgħammdet fl-​istess jum minn Boyd K. Packer. Separatament, Neal A. Maxwell iġġieled fil-Battalja ta’ Okinawa, u L. Tom Perry kien fost l-ewwel mewġa ta’ Marines li niżlu l-art fil-Ġappun wara t-trattat ta’ paċi. Il-Presbiteru Packer, Maxwell, u Perry kienu se jsiru membri tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu.

  10. In Clissold, “Translating the Endowment into Japanese,” 112.

  11. F’Dwayne N. Andersen, “1965 Japanese Excursion,” Stories of the Temple in Lā‘ie, Hawai‘i, 114.

  12. Ara Andersen, “1965 Japanese Excursion,” 114, 117.

  13. Aktar tard f’din is-sessjoni tal-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2023, il-President Russell M. Nelson ser iħabbar 20 tempju ġdid, inkluż it-Tempju ta’ Osaka fil-Ġappun, li se jkun il-ħames tempju fil-Ġappun.

  14. Matul il-missjoni tagħna f’Tokyo mill-2018 sal-2021, fost l-isfidi tal-pandemija tal-COVID, il-familja tagħha estendew l-imħabba u l-kura għalija u għall-familja tiegħi, u aħna se nkunu grati għalihom għal dejjem.

  15. Russell M. Nelson, “Negħlbu d-Dinja u Nsibu l-Mistrieħ,” Liahona, Nov. 2022, 96.

  16. 3 Nefi 25:2.

  17. Mosija 3:20.

  18. 2 Nefi 29:7.