Konferenza Ġenerali
Nippreservaw Leħen il-Poplu tal-Patt fil-Ġenerazzjoni li Tielgħa
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Nippreservaw Leħen il-Poplu tal-Patt fil-Ġenerazzjoni li Tielgħa

Waħda mill-aktar responsabbiltajiet sagri tagħna hi li ngħinu lil uliedna jsiru jafu b’mod profond u speċifiku li Ġesù hu l-Kristu.

Wieħed mill-aktar mumenti kommoventi fil-Ktieb ta’ Mormon hija ż-żjara tas-Salvatur imqajjem mill-imwiet lin-nies fit-tempju ġol-art ta’ Kotran. Wara li għadda jum jgħallem, ifejjaq, u jqawwi l-fidi, Ġesù tefa’ l-attenzjoni tan-nies fuq il-ġenerazzjoni li tielgħa: “Huwa ordnalhom biex iġibu quddiemu lit-tfal ċkejknin tagħhom.”1 Huwa talab għalihom u berikhom wieħed, wieħed. Dik tant kienet esperjenza kommoventi li s-Salvatur innifsu spiċċa beka kemm-il darba.

Imbagħad, waqt li beda jkellem lill-folla, Ġesù qal:

“Ħarsu lejn iċ-ċkejknin tagħkom.

“U hekk kif daru biex iħarsu … huma raw is-smewwiet jinfetħu, u raw l-anġli neżlin mis-sema,” u bdew iservu lill-uliedhom.2

Kemm-il darba għaddejt ħin naħseb dwar din l-esperjenza. Nimmaġina kif dewbet qalb kulħadd! Huma raw lis-Salvatur. Huma setgħu jħossuh. Huma saru jafuh. Huwa għallimhom. Huwa berikhom. U Huwa ħabbhom. Mhux ta’ b’xejn li wara din il-ġrajja sagra, dawn it-tfal kibru u għenu jwaqqfu soċjetà ta’ paċi, prosperità, u mħabba Kristjana li damet issaltan għal bosta ġenerazzjonijiet.3

Ma tkunx ħaġa sabiħa jekk it-tfal tagħna jkollhom esperjenzi bħal dawn ma’ Ġesù Kristu—xi ħaġa li twassalhom biex jorbtu qalbhom miegħu! Huwa jistieden lilna, kif Hu stieden lil dawk il-ġenituri fil-Ktieb ta’ Mormon, biex inġibu quddiemu liċ-ċkejknin tagħna. Aħna nistgħu ngħinuhom jagħrfu lis-Salvatur u l-Feddej tagħhom bl-istess mod kif għarfuh dawn it-tfal. Nistgħu nuruwhom kif jistgħu jsibu lis-Salvatur fl-iskrittura u kif jistgħu jibnu l-pedamenti tagħhom fuqu.4

M’ilux, ħabib tal-qalb tiegħi għallimni xi ħaġa li ma kont intbaħt biha qabel dwar il-parabbola tar-raġel għaref li bena daru fuq blata. Skont ir-rakkont li nisbu f’Luqa, hekk kif ir-raġel għaref beda jħejji l-pedament għal daru, huwa “ħaffer fil-fond.”5 Ma kenitx xi ħaġa faċli jew li tagħmilha kif ġie u laħaq—kienet tirrikjedi xogħol mhux ħażin!

Biex nibnu ħajjitna fuq il-blata tal-Feddej tagħna, Ġesù Kristu, jeħtieġ li nħaffru fil-fond. Aħna għandna nneħħu minn ħajjitna kull ħaġa li hija ramlija jew superfluwa. Jeħtieġ inkomplu nħaffru sakemm insibuh. U għandna nagħmlu lit-tfal tagħna biex jorbtu lilhom infushom miegħu permezz ta’ ordinanzi u patti sagri, ħalli meta fuqhom jiġi l-maltemp u l-għargħar, kif żgur se jiġri, dawn ftit li xejn ikollhom effett fuqhom “minħabba l-blata li fuqha jinsabu mibnija.”6

Din it-tip ta’ qawwa ma tiġix b’kumbinazzjoni. Mhux xi ħaġa li tgħaddi minn ġenerazzjoni għal ta’ warajha bħallikieku hi xi wirt spiritwali. Kull persuna jeħtieġ li tħaffer fil-fond biex issib il-blata.

Din il-lezzjoni nitgħallmuha minn rakkont ieħor mill-Ktieb ta’ Mormon. Meta s-Sultan Benjamin għamel l-aħħar diskors tiegħu lin-nies, huma nġabru flimkien bħala familji biex jisimgħu kliemu.7 Is-Sultan Benjamin qasam ix-xhieda qawwija tiegħu dwar Ġesù Kristu, u n-nies ħassewhom mill-aktar kommoss minħabba x-xhieda tiegħu. Huma ddikjara:

“L-Ispirtu … wassal għal bidla kbira fina, jew f’qalbna. …

“U aħna lesti li nidħlu f’patt ma’ Alla tagħna li ninsabu lesti nagħmlu r-rieda tiegħu … għall-bqija ta’ ħajjitna.”8

Wieħed jaf jistenna li tfal ċkejknin b’ġenituri li kkonvertew b’daqstant qawwa eventwalment jikkonvertu u huma stess jagħmlu l-patti. Madankollu, għal xi raġuni li ma tissemmiex fl-iskrittura, il-patt li għamlu l-ġenituri ma ħallietx daqstant effett fuq xi wħud minn uliedhom. Bosta snin wara, “kien hemm ħafna mill-ġenerazzjoni li għadha tiela’ li ma setgħux jifhmu kliem is-sultan Benjamin, peress li kienu għadhom tfal ċkejknin fiż-żmien li fih huwa kellem lill-poplu tiegħu; u huma ma kinux jemmnu fit-tradizzjoni ta’ missirijiethom.

“Huma ma kinux jemmnu dak li kien intqal dwar il-qawmien mill-imwiet tal-mejtin, lanqas ma kienu jemmnu dwar il-miġja ta’ Kristu. …

“U ma ridux jitgħammdu; lanqas ma riedu jingħaqdu mal-knisja. U kienu nies maqtugħin għalihom fejn tidħol il-fidi tagħhom.”9

Xi ħsieb ta’ min jixtarr fuqu! Għall-ġenerazzjoni li tielgħa, mhux biżżejjed li l-fidi f’Ġesù Kristu tkun “it-tradizzjoni ta’ missirijiethom.” Jeħtieġu li jiksbu huma stess il-fidi fi Kristu. Bħala l-poplu tal-patt ta’ Alla, kif nistgħu nrawmu f’qalb uliedna xewqa li jagħmlu u jħarsu l-patti miegħu?

Nistgħu nibdew billi nimxu wara l-eżempju ta’ Nefi: “Aħna nitkellmu dwar Kristu, aħna nifirħu fi Kristu, aħna nxandru l-Kristu, aħna nħabbru dwar Kristu, u aħna niktbu skont il-profeziji tagħna, ħalli wliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iħarsu għall-maħfra ta’ dnubiethom.”10 Kliem Nefi jimplika ċertu sforz kostanti u kontinwu biex ngħallmu lil uliedna dwar Kristu. Nistgħu niżguraw li l-leħen tal-poplu tal-patt ma jkunx sieket f’widnejn il-ġenerazzjoni li tielgħa u li Ġesù mhuwiex xi suġġett biss għal nhar ta’ Ħadd.11

Leħen il-poplu tal-patt jinsab fil-kliem tax-xhieda tagħna. Jinsab fil-kliem tal-profeta ħajjin. U jinsab ippreservat b’qawwa fl-iskrittura. Dak huwa l-post fejn uliedna jagħrfu lil Ġesù u jsibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħhom. Huwa l-post fejn huma jitgħallmu għalihom infushom id-duttrina ta’ Kristu. Huwa l-post fejn huma jsibu t-tama. Dan iħejjihom biex tul ħajjithom huma jfittxu l-verità u jgħixu fit-triq tal-patt.

Verament jogħġobni dan il-parir li tana l-President Russell M. Nelson:

“Fejn nistgħu mmorru biex nisimgħuh?

“Nistgħu mmorru fl-iskrittura. Fiha nitgħallmu dwar Ġesù Kristu u l-evanġelju tiegħu, dwar il-kobor tal-Espjazzjoni tiegħu, u dwar il-pjan kbir ta’ ferħ u ta’ fidwa ta’ Missierna. Li aħna ngħaddsu rasna kuljum fil-kelma ta’ Alla hi ħaġa kruċjali għas-sopravivenza spiritwali, speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ taqlib dejjem jikber. Hekk kif kuljum aħna niffesteġġjaw permezz ta’ kliem Kristu, kliem Kristu jgħidilna kif għandna nwieġbu għad-diffikultajiet li qatt ma ħsibna li se niffaċċjaw.”12

Għalhekk x’inhu l-aħjar mod biex inmantnu lilna nfusna bi kliem Kristu u nisimgħuh? Mela, l-aħjar mod hu kull mod li jaħdem l-aħjar għalikom! Dan jaf ikun li tinġabru flimkien mal-familja tagħkom biex titkellmu dwar il-ħwejjeġ li għallimkom l-Ispirtu s-Santu fl-istudju tagħkom tal-iskrittura meta tużaw Come, Follow Me. Dan jaf ikun li tinġabru flimkien ma’ wliedkom biex taqraw xi ftit versi mill-iskrittura u mbagħad tfittxu opportunitajiet biex tiddiskutu dak li tkunu tgħallimtu hekk kif tqattgħu ħin flimkien. Araw l-aktar ħaġa li taħdem għalikom u għall-familja tagħkom, imbagħad ippruvaw għamlu ftit aħjar kuljum.

Ikkunsidraw ftit din l-idea minn Teaching in the Savior’s Way: “Jekk toħduhom b’mod individwali, lejla waħda d-dar, sessjoni waħda ta’ studju tal-iskrittura, jew konverżazzjoni waħda tal-evanġelju jafu ma jidhrux li se jwasslu biex twettqu xi ħaġa kbira. Iżda l-akkumulazzjoni ta’ ċerti sforzi żgħar u sempliċi, li nirrepetuhom maż-żmien b’mod konsistenti, jafu jkunu aktar effettivi u jistgħu jsaħħuna minn xi mument monumentali ta’ darba kultant jew xi lezzjoni mill-aqwa. … Għalhekk taqtgħux qalbkom, u toqogħdux tinkwetaw li kull darba jeħtieġ twettqu xi ħaġa kbira. Sempliċiment kunu konsistenti fl-isforzi tagħkom.”13

Waħda mill-aktar responsabbiltajiet sagri tagħna hi li ngħinu lil uliedna jsiru jafu b’mod profond u speċifiku li Ġesù hu l-Kristu, Iben Alla l-ħaj, is-Salvatur u Feddej personali tagħhom, li jinsab wieqaf bħala l-kap tal-Knisja tiegħu! Ma nistgħux nippermettu li l-leħen tal-patti tagħna jsir wieħed ma jinstamax jew sieket f’dak li jirrigwardja lilu.

Tafu tħossukom xi ftit inadegwati f’dan l-irwol, iżda qatt m’għandkom tħossukom weħidkom. Per eżempju, il-kunsilli tal-qasam huma awtorizzati li jorganizzaw laqgħat tal-kunsill tal-għalliema għall-ġenituri. F’dawn il-laqgħat ta’ kull tliet xhur, il-ġenituri jistgħu jinġabru flimkien biex jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin, jiddiskutu kif qegħdin isaħħu l-familji tagħhom, u jitgħallmu prinċipji ewlenin kif wieħed jista’ jgħallem bħal Kristu. Din il-laqgħa tista’ ssir fit-tieni siegħa tal-knisja.14 Din tiġi mmexxija minn xi membru tal-qasam magħżul mill-isqof u ssegwi l-format regolari tal-laqgħat tal-kunsill tal-għalliema, billi jintuża Teaching in the Savior’s Way bħala r-riżorsa ewlenija.15 Intom l-isqfijiet, jekk bħalissa l-qasam tagħkom mhuwiex qed ikollu laqgħat tal-kunsill tal-għalliema għall-ġenituri, aħdmu mal-president tal-Iskola tal-Ħadd u l-kunsill tal-qasam tagħkom biex torganizzaw lilkom infuskom.16

Għeżież ħbieb tiegħi fi Kristu, intom qed tirnexxu f’dak li tagħmlu ferm aktar milli taħsbu. Sempliċiment komplu sejrin hekk. Uliedkom qegħdin josservaw, jisimgħu, u jitgħallmu. Hekk kif intom tgħallmuhom intom tagħrfu n-natura vera tagħhom bħala wlied maħbubin ta’ Alla. Jista’ jkun li għal ftit żmien huma jinsew lis-Salvatur, iżda nwegħidkom, li Huwa qatt mhu se jinsihom! Dawk il-mumenti meta l-Ispirtu s-Santu jitkellem magħhom ikomplu jippersistu f’qalbhom u f’moħħhom. U xi darba wliedkom għad itennu x-xhieda mogħtija minn Enos: Jien naf li l-ġenituri tiegħi huma nies ġusti “għax huma għallmuni … skont it-trawwim u t-twiddib tal-Mulej—u mbierek ikun isem Alla tiegħi għal dan.”17

Ejjew naċċettaw l-istedina tas-Salvatur u nieħdu lil uliedna quddiemu. Hekk kif nagħmlu dan, huma jkunu jistgħu jarawh. Huma jkunu jistgħu jħossuh, Huma jkunu jistgħu jagħrfuh Huwa jgħallimhom. Huwa jberikhom. U Huwa verament iħobbhom. U, O, kemm inħobbu. Fl-isem imqaddes ta’ Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. 3 Nefi 17:11.

  2. 3 Nefi 17:23–24; ara wkoll 3 Nefi 17:11–22.

  3. Ara 4 Nefi 1:1–22.

  4. Ara Luqa 6:47–49; Ħelaman 5:12.

  5. Luqa 6:48.

  6. Ħelaman 5:12.

  7. Ara Mosija 2:5.

  8. Mosija 5:2, 5. Innotaw li “ma kienx hemm ruħ waħda, ħlief dawk li kienu tfal ċkejknin, li ma daħlitx fil-patt u ħadet fuqha l-isem ta’ Kristu” (Mosija 6:2).

  9. Mosija 26:1–2, 4.

  10. 2 Nefi 25:26.

  11. “Fl-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristuhemm bosta ħwejjeġ x’tista’ tgħallem—prinċipji, kmandamenti, profeziji, u stejjer mill-Iskrittura. Iżda dawk kollha huma fergħat tal-istess siġra, għax ilkoll għandhom għan wieħed: li jgħinu lin-nies kollha jersqu lejn Kristu u jkunu pperfezzjonati fih (ara Ġarom 1:11; Moroni 10:32). Għalhekk irrispettivament x’inti tgħallem, ftakar li inti fil-fatt qed tgħallem dwar Ġesù Kristu u kif tista’ ssir bħalu” (Teaching in the Savior’s Way: For All Who Teach in the Home and in the Church [2022], 6).

  12. Russell M. Nelson, “Isimgħuh,” Liahona, Mejju 2020, 89.

  13. Teaching in the Savior’s Way31.

  14. Tistgħu takkomodaw b’mod speċjali lil ġenituri li jgħallmu fil-Primarja, b’laqgħa li ssir fl-20 minuta ta’ kant tal-Primarja jew waqt xi laqgħa separata f’xi ħin ieħor (ara General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 17.4, Gospel Library).

  15. Il-membri u l-mexxejja jistgħu jordnaw Teaching in the Savior’s Way permezz tas-Servizzi ta’ Distribuzzjoni. Huwa disponibbli wkoll mil-Librerija tal-Evanġelju.

  16. Ara General Handbook13.5.

  17. Enos 1:1. Ftakru li fost il-ġenerazzjoni li kienet għadha tielgħa ta’ nies li ma jemmnux fil-Ktieb ta’ Mormon kien hemm Alma ż-Żgħir u wlied Mosija. Meta Alma ż-Żgħir finalment għaraf il-bżonn li huwa jibdel ħajtu, huwa ftakar dak li kien għallmu missieru dwar Ġesù Kristu—tagħlim li Alma apparentament ma kienx ta kasu fil-passat. Iżda dan kien baqa’ fil-memorja tiegħu, u dik il-memorja waslet biex lil Alma salvatu spiritwalment (ara Alma 36:17–20).