Konferenza Ġenerali
Suġġerimenti tal-Ispirtu
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


Suġġerimenti tal-Ispirtu

Is-sħubija kostanti tal-Ispirtu s-Santu hija waħda mill-akbar doni spiritwali li l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jista’ jkollhom.

Introduzzjoni

M’ilux, l-għajnejn tad-dinja sportiva kienu ffokati fuq it-Tazza tad-Dinja tal-FIFA 2023 tan-Nisa li saret fl-Awstralja u New Zealand. Atleti ta’ klassi dinjija li kkwalifikaw minn ’il fuq minn 200 tim nazzjonali minn madwar id-dinja wrew il-kuraġġ, id-dedikazzjoni, it-talent, u l-atletiċiżmu tagħhom hekk kif ikkompetew għall-ogħla unur fid-dinja tal-futbol.

Aħna nimmeraviljaw ruħna meta naraw atleti f’numru ta’ sport differenti u f’dixxiplini oħra jiksbu l-ogħla livell tal-arti tagħhom. Aħna nitkellmu dwar it-talenti jew id-doni li tahom Alla. Dawn jinkludu lil dawk li huma kapaċi fiż-żfin, fil-ġinnastika, fil-mużika, fl-arti, fid-drama, fil-matematika, fix-xjenza, u aktar. Kull wieħed u waħda minnhom juru d-doni li tahom Alla li mbagħad jiġu rraffinati u onorati permezz ta’ ħidma, studju, u prattika bla heda. Id-doni mogħtija minn Alla jwasslu għal nies mill-aktar kapaċi.

Neżerċitaw id-Doni Spiritwali

Jekk inħarsu mil-lenti tal-evanġelju, Alla jiddota lil uliedu b’ħafna doni spiritwali, u jagħmilhom nies b’għadd ta’ doni spiritwali. Il-membri tal-Knisja li jżommu l-patti jiġu msawba bid-doni tal-Ispirtu, li jinkludu d-don ta’ testimonjanza ta’ Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tagħna, id-don tal-Ispirtu s-Santu, id-don ta’ fidi li jfejqu u jiġu mfejqa, id-don tad-dixxerniment, id-don li jirċievu l-mirakli, u d-doni tal-għerf u l-għarfien.1 Il-Mulej jistedinna biex b’ħerqa nfittxu l-aqwa doni, sewwasew id-doni spiritwali. Huwa jagħtina d-doni spiritwali biex iberikna u biex nużawhom ħalli nbierku lil ħaddieħor.2

Biex immorru lura għall-analoġija tagħna ta’ nies sportivi u atleti mill-aktar kapaċi, importanti niftakru li d-don biss ma jwassalx biex huma jibbrillaw. Minkejja li jkollhom talent naturali straordinarju, hu permezz ta’ prattika u sforz bir-reqqa u mill-aktar impenjattivi li jwassalhom biex huma jirraffinaw u jtejbu l-mistier tagħhom u b’hekk jilħqu l-ogħla livell possibbli. Anke dawk d-doni li aħna nirċievu u niskopru ħafna drabi jkunu akkumpanjati mill-frażi xejn pjaċevoli “hemm bżonn li timmuntah flimkien.”

Bl-istess mod, jiena osservajt li hemm kurva ta’ tagħlim marbuta mad-doni spiritwali. Li neżerċitaw id-doni spiritwali jitlob minna ċertu eżerċizzju spiritwali. “Biex ikollok il-gwida tal-Ispirtu s-Santu f’ħajtek jeħtieġ minnek ħidma spiritwali. Din il-ħidma tinkludi t-talb ferventi u l-istudju tal-iskrittura konsistenti. Tinkludi wkoll li tħares il-patti tiegħek u l-kmandamenti ta’ Alla. … Tinkludi li kull ġimgħa tieħu sehem b’mod denn fis-sagrament.”3

X’inhuwa l-frott li nirċievu meta neżerċitaw id-doni spiritwali? Dawn jinkludu suġġerimenti mill-Ispirtu li jgħinuna niffaċċjaw il-ħtiġijiet tagħna ta’ kuljum u juruna x’għandna nagħmlu u ngħidu kif ukoll barkiet ta’ paċi u faraġ. Hekk kif aħna nisimgħu u naġixxu skont is-suġġerimenti spiritwali, l-Ispirtu s-Santu jkabbar l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet tagħna ferm aktar milli kapaċi nagħmlu aħna mingħajr l-għajnuna tiegħu. Dawn id-doni spiritwali prezzjużi jgħinuna f’kull aspett ta’ ħajjitna.4

Is-sħubija kostanti tal-Ispirtu s-Santu hija waħda mill-akbar doni spiritwali li l-Qaddisin tal-Aħħar Żmien jista’ jkollhom.

Kemm hu importanti dan id-don? Il-President Russell M. Nelson wieġeb din il-mistoqsija b’mod kategoriku meta huwa ddikjara li “fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.”5

Kif nistgħu Nistiednu u Nagħrfu s-Suġġerimenti tal-Ispirtu

Tul il-ministeru kollu tiegħi, skoprejt li hawn xewqa universali minn kulħadd biex ikun jaf kif għandu jistieden u jagħraf is-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu. Is-suġġerimenti tal-Ispirtu huma xi ħaġa verament personali u nesperjenzawhom b’modi differenti. Aħna, madankollu, imberkin li għandna l-kliem tal-profeti, kemm tal-qedem kif ukoll dawk ta’ żmienna, li jagħtuna ċerti ideat siewja kif nistgħu nirċievu d-direzzjoni mill-Ispirtu.

Ippermettuli ngħidilkom erba’ prinċipji li jiggwidawna li jafu jgħinukom tistiednu u tagħrfu s-suġġerimenti tal-Ispirtu.

Ieqfu f’Postijiet Qaddisa

L-ewwel wieħed hu li tieqfu f’postijiet qaddisa.6 M’ilux jiena mort biex nipparteċipa fil-ftuħ għall-pubbliku tat-Tempju ta’ Tokyo, fil-Ġappun. Ir-rispons għal stedina formali mibgħuta kemm lill-midja kif ukoll lil mistednin VIP kien ferm akbar minn dak li stennejna. Mijiet kienu li ngħaqdu f’dawn iż-żjarat iggwidati fit-tempju. Il-mistednin ħassewhom mill-aktar kommossi bis-sbuħija tat-tempju, inkluż id-disinni u l-motifi b’rabtiet kbar mat-tradizzjoni Ġappuniża. Madankollu xi ħaġa li tqanqal il-qalb kienet ir-reazzjoni riverenti u rispettuża li wrew il-mistednin hekk kif l-ordinanzi għall-antenati ġew imfissra lilhom fil-kmamar fejn kienu se jitwettqu. Iżda l-aktar emozzjonalment qawwija kienu dawk li qanqal fihom l-Ispirtu.

Mument partikolari ma’ uffiċjal prominenti tal-gvern baqa’ mnaqqax f’moħħi. Wara mument ta’ silenzju meditattiv fil-kamra ċelestjali, mimli emozzjoni u mill-aktar kommoss, huwa qalli minn taħt l-ilsien, “Anke n-nifs li qed nieħu f’’din il-kamra qed inħossu differenti.” Indunajt li kien qed jipprova jiddeskrivi l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, li, fil-fatt, jgħammar f’postijiet sagri. Jekk tittamaw li tħossu l-Ispirtu, araw li tkunu f’post fejn l-Ispirtu jista’ jgħammar faċilment.

It-tempji u d-djar tagħna huma l-aktar postijiet sagri fost dawn il-postijiet iddedikati kollha. Fihom aħna nistgħu nistiednu u nagħrfu b’mod aktar faċli l-Ispirtu. Postijiet qaddisa oħra jinkludu d-djar tal-laqgħat, il-bini tas-seminarju u l-Istituti, u s-siti tal-istorja tal-Knisja u ċ-ċentri għall-viżitaturi. Ieqfu f’postijiet qaddisa.

Ieqfu ma’ Nies Qaddisa.

It-tieni, ieqfu ma’ nies qaddisa. Jien se niddeskrivi t-tieni prinċipju li jiggwidana permezz ta’ mument ieħor mill-memorja tiegħi.

Qatt ma nista’ ninsa l-parteċipazzjoni tiegħi f’devozzjonali li sar f’arena sportiva mill-aktar popolari. Normalment din l-arena tkun mimlija b’fans storbjużi jissapportjaw lit-tìm favorit tagħhom u forsi anke jinku lit-tìm oppost tagħhom. Iżda f’dik il-lejla, l-atmosfera kienet mill-aktar differenti. L-arena kienet mimlija b’eluf ta’ żgħażagħ miġburin flimkien biex jonoraw u jikkommemoraw il-ħajja tal-Profeta Joseph Smith. It-ton, kwiet u riverenti, il-gratitudni, u l-qalb fi spirtu ta’ talb tagħhom imlew l-arena bil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu. Stajt letteralment nara dan fuq wiċċhom. Kien sewwasew id-don tal-Ispirtu s-Santu qed jaħdem, jafferma t-testimonjanzi li huma bdew jaqsmu dwar Joseph Smith u r-Restawrazzjoni tal-evanġelju.

L-Ispirtu ma jistax jibqa’ lura milli jkun preżenti ma’ grupp ta’ nies qaddisa miġburin flimkien. Jekk tittamaw li tħossu l-Ispirtu, araw li tkunu qalb nies fejn l-Ispirtu jista’ jgħammar faċilment. Is-Salvatur qal dan b’dan il-mod: “Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.”7 Intom iż-żgħażagħ, ikkunsidraw li tkunu f’postijiet fejn hemm nies qaddisa, fil-kworums u l-klassijiet, GħSŻ u s-seminarju, l-attivitajiet tal-qasam u l-wited—anke l-korijiet tal-qasam. Agħżlu li tkunu ma’ nies u tmorru f’postijiet fejn tistgħu ssibu t-tjubija. Sibu l-qawwa tagħkom fl-għaqda ma’ sħabkom. Sibu ħbieb tajbin Kunu ħbieb tajbin. Issapportjaw lil xulxin kull fejn tkunu. Ieqfu ma’ nies qaddisa.

Ixhdu dwar Veritajiet Qaddisa

It-tielet, kemm tistgħu ixhdu dwar veritajiet qaddisa. Il-Farrâġ dejjem isemma’ leħnu meta aħna nixhdu permezz ta’ leħinna. L-Ispirtu jaqsam ix-xhieda tiegħu mal-kelliem kif ukoll mas-semmiegħ.

Darba niftakar kont qed nivvjaġġa f’taxi fi New York għal xi 45 minuta. Wara li kelli konverżazzjoni ħelwa dwar l-evanġelju mas-sewwieq sakemm wasalna l-ajruport, jien ħallastha u ppreparajt biex noħroġ mit-taxi. Hemm irrealizzajt li ma kontx qsamt it-testimonjanza tiegħi dwar dak li kont qsamt magħha. Wara pawsa żgħira, jien qsamt testimonjanza sempliċi u qasira, fejn jien stedint l-Ispirtu, u dan wassal biex biex id-dmugħ ifeġġ f’għajnejna.

Hekk kif tfittxu u tieħdu ċerti opportunitajiet biex taqsmu t-testimonjanza tagħkom ma’ ħaddieħor, intom toħloqu mumenti fejn intom stess tagħrfu l-Ispirtu.

Isimgħu X’Għandu Xi Jgħid l-Ispirtu s-Santu

L-aħħar prinċipju hu li tisimgħu x’għandu xi jgħid l-Ispirtu s-Santu. Hu jista’ jkun is-sieħeb kostanti tagħna iżda Hu jitkellem b’ton sottili u sieket. Il-profeta Elija sab li leħen il-Mulej ma kienx fir-riefnu, fit-theżżiż, jew fin-nar iżda kien “leħen ħelu u sieket.”8 Ma kienx “leħen iriegħed,” iżda pjuttost “leħen sieket mill-aktar ħelu, bħallikieku minn taħt l-ilsien,” u madankollu huwa “nifed sewwasew fil-fond ta’ ruħhom.”9

Il-President Boyd K. Packer iddikjara: “L-Ispirtu ma jiġbidx l-attenzjoni tagħna bl-għajjat jew billi jibda jċaqlaqna b’xi par idejn goffi. Pjuttost huwa jitkellem b’leħen sieket. Huwa jkellimna bi ħlewwa kbira li jekk inkunu nħossuna priokkupati, nafu lanqas biss inħossuh.”10 Jien osservajt li xi kultant leħnu tant ikun sottili, jew tant jien inkun priokkupat, li jkun xi ħadd maħbub tiegħi li jgħarrafni bih. Kemm-il darba ġara li s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu waslu għandi permezz ta’ marti, Lesa. Ġenituri jew mexxejja twajbin jafu jirċievu wkoll ċerta gwida spirata f’isimkom.

Il-ħoss, l-istorbju, u t-tilwim daqstant prevalenti fid-dinja jafu jitfu xi ftit is-suġġerimenti siekta tal-Ispirtu s-Santu. Sibu post kwiet, xi mkien qaddis fejn tistgħu tfittxu li tirċievu d-direzzjoni mill-Ispirtu.

Ftit ta’ Kliem ta’ Twissija

Hekk kif intom tikkunsidraw dawn il-prinċipji biex tistiednu u tagħrfu l-Ispirtu, ikkunsidraw il-kliem li ġej ta’ twissija u gwida.11

Ikkonfermaw is-suġġerimenti spiritwali tagħkom. Per eżempju, is-suġġerimenti mill-Ispirtu jkunu f’armonija mal-iskrittura u t-tagħlim tal-profeti ħajjin.

Kunu ċerti li s-suġġerimenti li tirċievu jkunu konsistenti ma’ dak li għandkom tagħmlu. Jekk intom ma ġejtux imsejħa permezz ta’ awtorità xierqa, is-suġġerimenti mill-Ispirtu mhux se jiġu mogħtija lilkom biex tagħtu parir jew tikkoreġu lil ħaddieħor.

Il-ħwejjeġ spiritwali ma jistgħux jiġu sfurzati. Intom tistgħu tikkultivaw attitudni u ambjent li jistiednu l-Ispirtu, u tistgħu tħejju lilkom infuskom, iżda intom ma tistgħux tiddettaw kif u meta tasal l-ispirazzjoni. Uru s-sabar u afdaw li intom sejrin tirċievu dak li teħtieġu fil-ħin opportun.

Użaw l-aqwa ġudizzju tagħkom. Xi kultant inkunu rridu nitmexxew mill-Ispirtu f’kollox. Madankollu, ħafna drabi l-Mulej ikun iridna nużaw l-intelliġenza mogħtija lilna b’mod divin u naġixxu b’modi li huma konsistenti mal-aqwa għarfien tagħna. Il-President Dallin H. Oaks għallem:

“Xewqa li niġu mmexxija mill-Mulej hija qawwa, iżda jeħtieġ li tiġi akkumpanjata minn għarfien li Missierna fis-Smewwiet iħalli bosta deċiżjonijiet f’idejna. … Persuni li jippruvaw jitfgħu d-deċiżjoni kollha fuq il-Mulej u jitlobu li jiksbu rivelazzjoni għal kull għażla malajr isibu ċirkustanzi li fihom huma jitolbu għall-gwida u ma jiksbux dak li jridu. …

“Jeħtieġ li nikkontemplaw l-affarijiet f’moħħna. … Imbagħad għandna nitlobu għall-gwida u naġixxu skont l-istess gwida. … Jekk ma nirċevux gwida, jeħtieġ naġixxu skont l-aqwa ġudizzju tagħna.”12

Konklużjoni bi Stedina

Bħala konklużjoni, il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien għandhom ikunu nies mogħnija li jħarsu l-patti. Madankollu, jeħtieġ li lkoll kemm aħna nfittxu li neżerċitaw id-doni spiritwali tagħna u mbagħad nistiednu u nitgħallmu nagħrfu s-suġġerimenti tal-Ispirtu. Erba’ prinċipji li jiggwidawna li jistgħu jgħinuna f’dan l-isforz spiritwali mill-aktar kruċjali huma:

  1. Ieqfu f’postijiet qaddisa.

  2. Nieqfu ma’ nies qaddisa.

  3. Nixhdu dwar veritajiet qaddisa.

  4. Nisimgħu x’għandu xi jgħid l-Ispirtu s-Santu.

L-abbiltà tagħkom li tistiednu u tagħrfu s-suġġerimenti tal-Ispirtu jiżviluppaw pass wara pass. “Li nsiru aktar intonati mal-lingwa tal-Ispirtu qisu bħal meta nitgħallmu lingwa oħra. Huwa proċess gradwali li jeħtieġ sforz diliġenti u li jieħu ż-żmien.”13

Biex immorru lura minn fejn bdejna, jekk jogħġobkom ftakru li bħala Qaddisin tal-Aħħar Żmien intom nies intelliġenti. Immaġinaw ftit din ix-xena waqt Ħadd is-sawm, li ġiet deskritta lili m’ilux. Tifla ċkejkna, wieqfa fuq banketta, bilkemm kienet tidher wara l-pulptu. Missierha kien wieqaf ħdejha biex iħeġġiġha u jgħinha billi jkellimha minn taħt l-ilsien f’widnejha hekk kif b’sens ta’ kburija hija qasmet mal-membri, “Jiena wild Alla.”

It-testimonjanza ta’ wara kienet minn adulta żagħżugħa li bħall-ewwel bdiet tħossha xi ftit eċċitata: “Nixtieq li xi ħadd ikellimni f’widnejja wkoll.” Imbagħad ħasset bħal dawl ta’ ispirazzjoni u bdiet tixhed, “Jien għandi lil xi ħadd ukoll li qiegħed ikellimni f’widnejja—l-Ispirtu s-Santu!”

Jien se nagħlaq bi stedina speċjalment għalikom iż-żgħażagħ kollha! Ħafna minnkom tibdew il-jum billi tieqfu quddiem il-mera. Għada, din il-ġimgħa, din is-sena, dejjem, ieqfu ftit hekk kif intom tħarsu lejn il-mera. Aħsbu ftit, jew jekk tridu għidu lilkom infuskom, “Wow, ħares lejja! Jiena persuna tal-għaġeb! Jiena wild ta’ Alla! Huwa jafni! Huwa jħobbni! Jiena mogħnija b’don—mogħnija bl-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tiegħi!”

Jiena nżid it-testimonjanza tiegħi ma’ tagħkom, intom il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien mogħnija, dwar Alla l-Missier, Ġesù l-Kristu u l-Ispirtu s-Santu, li jixhed dwarhom. F’isem Ġesù Kristu, ammen.