Konferenza Ġenerali
L-Umiltà Tgħinna Naċċettaw u Nimxu Wara l-Pariri li Nirċievu
Konferenza ġenerali Ottubru 2023


L-Umiltà Tgħinna Naċċettaw u Nimxu Wara l-Pariri li Nirċievu

L-umiltà hija xi ħaġa mandatorja biex aħna nkunu lesti ħalli nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla.

Fil- ħames kapitlu ta’ Alma, nsibu mistoqsija introspettiva: “Tistgħu intom tgħidu fikom infuskom, jekk tiġu msejħin biex tmutu f’dan il-mument, li intom kontu umli biżżejjed?”1 Dik il-mistoqsija timplika li l-umiltà hija xi ħaġa mandatorja biex aħna nkunu lesti ħalli nerġgħu lura fil-preżenza ta’ Alla.

Aħna lkoll nixtiequ naħsbu li aħna umli biżżejjed, iżda ċerti esperjenzi fil-ħajja jwassluna biex nirrealizzaw li l-kburija fil-bniedem naturali ħafna drabi tkun preżenti mhux ħażin ġo fina.

Snin ilu, meta ż-żewġ uliedna bniet kienu għadhom jgħixu d-dar, jien iddeċidejt li nuri lilhom u lil marti l-unit tan-negozju li tiegħu jiena kont responsabbli fil-kumpanija fejn kont naħdem.

L-għan veru tiegħi madankollu kien li nurihom post fejn, b’differenza għad-dar tagħna, kulħadd kien jagħmel eżattament dak li kont nitlob minnu jien mingħajr ħafna domandi. Hekk kif wasalna ħdejn ix-xatba ewlenija, li normalment kienet tinfetaħ b’mod awtomatiku meta kont nersaq lejha bil-karozza tiegħi, bqajt sorpiż li did-darba ma nfetħitx. Minflok, resaq lejn il-karozza tiegħi membru tas-sigurtà li qatt ma kont rajt qabel f’ħajti u talabni biex nurih l-ID tal-kumpanija tiegħi.

Jien għedtlu li qatt ma kelli bżonn ID biex insuq fil-propjetà bil-karozza tiegħi u mbagħad staqsejtu il-mistoqsija klassika ta’ wieħed kollu kburija: “Inti taf lil min qed tkellem?”

U huwa weġibni, “Mela, ladarba inti m’għandekx l-ID tal-kumpanija tiegħek, ma nistax inkun naf min int, u sakemm sa nkun jien ma’ din ix-xatba inti mhux se titħalla tidħol fil-post mingħajr identifikazzjoni xierqa.”

Kont se nagħti ħarsa lejn il-mera ta’ ħdejja biex nara r-reazzjoni ta’ wliedi għal dan, iżda kont naf li dak il-mument kien qed jinżlilhom għasel! Marti li kienet ħdejja bdiet iċċaqlaq rasha min-naħa għall-oħra bħala disapprovazzjoni għall-imġiba tiegħi. L-aħħar tama li kelli kien sewwasew li niskuża ruħi mal-gwardjan u ngħidlu li kien qed jiddispjeċini għall-mod kif imxejt miegħu. “Jidher li insejt.” huwa qalli, “iżda mingħajr ID tal-kumpanija m’intix dieħel hawn illum!”

Jiena mbagħad soqt bilmod lura d-dar biex inġib l-ID, wara li tgħallimt din il-lezzjoni prezzjuża: Meta nagħżlu li ma nkunux umli, nispiċċaw niġu umiljati.

Fil-Proverbji nsibu, “Il-kburija ċċekken il-bniedem, imma min jiċċekken jikseb il-ġieħ.”2 Sabiex niżviluppaw l-umiltà, jeħtieġ nifhmu xi tfisser verament fil-kuntest tal-evanġelju.

Xi nies jafu jħawwdu li wieħed ikun umli ma’ ħwejjeġ oħra bħal, per eżempju, li wieħed ikun fqir. Iżda fil-fatt hawn ħafna li huma foqra u mkabbra kif hawn ukoll min hu sinjur u madankollu umli. Xi oħrajn li huma mistħijin ħafna jew għandhom self esteem baxx jafu jidhru li huma umli iżda minn ġewwa xi kultant ikunu mimlijin kburija.

Mela x’inhi l-umiltà? Skont Preach My Gospel, hija “dispożizzjoni li nissottomettu ruħna għar-rieda tal-Mulej. … Li nkunu lesti nitgħallmu. … Hija ħaġa mill-aktar importanti għat-tkabbir spiritwali.”3

Bla dubju aħna lkoll għandna bosta opportunitajiet biex nitjiebu f’din il-kwalità Kristjana. Nixtieq l-ewwel nesplora kemm s’issa konna umli, jew kemm għandna nkunu umli, meta niġu biex nimxu wara l-parir tal-profeta tagħna. Dan hu eżempju ta’ kwizz popolari għalina:

  • Aħna dejjem insemmu l-isem sħiħ tal-Knisja meta nitkellmu ma’ ħaddieħor? Il-President Russell M. Nelson qal: “Li nneħħu isem il-Mulej mill-Knisja tal-Mulej tkun vittorja ewlenija għal Satana.”4

  • Qegħdin aħna nħallu lil Alla jiddomina f’ħajjitna billi naċċettaw l-istedina mill-aktar speċifika tal-profeta tagħna? “Illum jiena nsejjaħ lill-membri kollha ma’ kullimkien biex jagħtu eżempju billi jabbandunaw kwalunkwe attitudni jew għemil ta’ preġudizzju.”5

  • Qegħdin aħna negħlbu d-dinja, billi nafdaw fid-duttrina ta’ Kristu aktar milli fil-filosofiji tal-bnedmin, kif għallimna l-profeta tagħna?6

  • Sirna aħna nies li nġibu l-paċi billi ngħidu ħwejjeġ pożittivi man-nies kif ukoll dwarhom? Il-President Nelson għallimna fl-aħħar konferenza ġenerali dan li ġej: “Jekk hemm xi ħaġa virtuża, sabiħa, li jisħoqqilha l-ġieħ jew li ħaqqha t-tifħir” li nistgħu ngħidu dwar persuna oħra—kemm jekk f’wiċċha jew wara daharha—dan għandu jkun l-istandard tagħha ta’ komunikazzjoni.”7

Dawn huma struzzjonijiet sempliċi iżda importanti. Ftakru, li l-poplu kollu ta’ Mosè kulma kellhom jagħmlu biex ifiequ kien li jħarsu lejn is-serp tal-bronż li huwa kien għolla quddiemhom.8 Iżda “minħabba s-sempliċità ta’ dan il-mod, jew il-faċilità tiegħu, kien hemm ħafna li spiċċaw inqerdu.”9

Waqt din il-konferenza aħna smajna u għad irridu nisimgħu l-parir kostanti tal-profeti u l-appostli tagħna. Hija okkażjoni perfetta biex aħna niżviluppaw l-umiltà u nħallu l-opinjonijiet qawwija tagħna jinbelgħu minn konvinzjoni aktar qawwija li l-Mulej ikellimna permezz ta’ dawn il-mexxejja magħżulin.

Fuq kollox, biex niżviluppaw l-umiltà, jeħtieġ li aħna nifhmu u naċċettaw li aħna m’aħniex kapaċi negħlbu l-isfidi tagħna jew niksbu l-potenzjal sħiħ tagħna bil-qawwa tagħna biss. Kelliema motivazzjonali, kittieba, kowċis, u influencers minn madwar id-dinja, speċjalment fuq pjattaformi diġitali, jgħidu li kollox jiddependi biss fuqna u fuq dak li nagħmlu. Id-dinja temmen fid-driegħ tal-laħam.

Iżda permezz tal-evanġelju rrestawrat aħna tgħallimna li aħna niddependu bil-kbir fuq il-benevolenza ta’ Missierna fis-Smewwiet u l-Espjazzjoni tas-Salvatur tagħna Ġesù Kristu, “għax nafu li hu permezz tal-grazzja li aħna nsalvaw, wara li nagħmlu kulma nistgħu.”10 Għalhekk huwa importanti li nagħmlu u nħarsu l-patti tagħna ma’ Alla, għax jekk nagħmlu dan aħna jkollna aċċess għall-qawwa li tfejjaqna, ssaħħaħna, u tipperfezzjonana ta’ Ġesù Kristu permezz tal-Espjazzjoni tiegħu.

Li kull ġimgħa nattendu l-laqgħa tas-sagrament u li nqimu regolarment fit-tempju biex nipparteċipaw fl-ordinanzi u biex nirċievu u nġeddu l-patti huma sinjal li aħna nagħrfu d-dipendenza tagħna fuq Missierna fis-Smewwiet u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Dan iwassalna biex nistiednu l-qawwa tagħhom f’ħajjitna li tgħinna fil-problemi tagħna u ultimament tgħinna nilħqu l-potenzjal tagħna.

M’ilux wisq il-livell tal-umiltà tiegħi u l-għarfien tiegħi dwar id-dipendenza tiegħi fuq il-Mulej reġgħu ġew ippruvati. Jien kont ninsab f’taksi sejjer lejn l-ajruport biex naqbad titjira qasira lejn post li fih kien hemm bżonn li tissolva sitwazzjoni mill-aktar diffiċli. Is-sewwieq tat-taksi, li ma kienx membru tal-Knisja, ħares lejja mill-mera u qal, “Qed nara li ma tantx qed tħossok tajjeb illum!”

“Qed tinduna?” Staqsejt jien.

“Dażgur,” qalli hu. Imbagħad huwa qal xi ħaġa bħal, “”Madwarek għandek bħal awra mill-aktar negattiva!”

Jien spjegajtlu li quddiemi kelli sitwazzjoni diffiċli u mbagħad huwa staqsieni, “Għamilt dak kollu li tista’ biex issolviha?”

Jien weġibtu li kont għamilt dak kollu li stajt nagħmel.

Imbagħad qalli xi ħaġa li baqgħet f’moħħi: “Mela ħalliha f’idejn Alla, u kollox ikun sew.”

Nistqarr li ġietni t-tentazzjoni li nistaqsih, “Inti taf lil min qed tkellem?” Iżda m’għamiltx hekk! Li għamilt kien li umiljajt ruħi quddiem il-Mulej tul dik it-titjira ta’ siegħa, u tlabt għall-għajnuna divina. Hekk kif ħriġt mill-ajruplan intbaħt li s-sitwazzjoni diffiċli diġà kienet ġiet risolva u li l-preżenza tiegħi ma kienx hemm aktar bżonnha.

Ħuti, il-kmand, l-istedina u l-wegħda mingħand il-Mulej hi waħda ċara u ta’ faraġ: “Kunu umli; u l-Mulej Alla tagħkom jaqbadkom minn idkom u jmexxikom, u jwieġeb talbkom.”11

Jalla aħna nkunu umli biżżejjed li nimxu wara l-parir tal-profeti tagħna u naċċettaw li huma biss Alla u Ġesù Kristu li jistgħu jittrasformawna—permezz tal-ordinanzi u l-patti li nirċievu fil-Knisja tiegħu—fl-aqwa verżjoni tagħna nfusna f’din il-ħajja u, xi darba, jagħmluna perfetti fi Kristu. F’isem Ġesù Kristu, ammen.