2010-2019
Xhud ta’ Alla
Ottubru 2016


Xhud ta’ Alla

Jien nissuġġerixxi li intom ma tibqgħux tħossukom ħatja ta’ xi insuffiċjenza li taħsbu li għandkom meta tiġu biex taqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor. Pjuttost, jien nitlob “li tieqfu bħala xhieda ta’ Alla.” Din hija xi ħaġa li timmotivakom ferm aktar mill-ħtija.

Ħafna mix-xogħol l-aktar importanti ta’ Alla lanqas biss jiġi nnutat min-nies tad-dinja. Tul is-sitt seklu qabel Kristu, id-dinja laqgħet fi ħdanha ħassieba mill-aktar rispettati bħal Konfuċju fiċ-Ċina u Budda ġewwa l-Indja tal-Lvant, iżda l-qawwa tas-saċerdozju ta’ Alla kienet tinsab f’ Danjel, il-profeta li kien qed jgħix fil-jasar fi żmien is-saltna tas-Sultan Nabukodonosor tal-Babilonja.

Wara li ħassu mħawwad minħabba ħolma li kien ħolom matul il-lejl, is-Sultan Nabukodonosor talab biex il-maġi u s-sħaħar tiegħu jgħidulu x’ kien ħolom kif ukoll ifissrulu l-ħolma tiegħu. Ovvjament, huma ma setgħux jgħidu lis-sultan x’kien ħolom u għalhekk huma pprotestaw. “Ma hemmx bniedem fuq din l-art li għandu l-ħila juri dil-ħaġa u l-ebda sultan ma qatt staqsa ħaġa bħal din.”1 Is-Sultan Nabukodonosor inkorla bil-kbir bil-falliment tagħhom u b’ rabja ddikjara li l-kunsillieri kollha tiegħu kellhom jinqatlu.

Danjel, wieħed min-nies għorrief tas-sultan, talab għall- “ħniena ta’ … Alla … dwar dan il-misteru.”2

Seħħ miraklu. Il-misteru dwar dak li kien ħolom dwaru s-sultan ġie żvelat lil Danjel.

Danjel ittieħed quddiem is-sultan. “Għandek int ħila tgħarrafni l-ħolma li rajt u tfissirhieli?”

Danjel wieġeb:

“La l-għorrief, la l-astroloġi, u lanqas il-maġi m’għandhom ħila jgħidulek xi ħlomt. …

“Iżda hemm Alla fis-sema li jikxef il-misteri, u Huwa jgħarraf lis-sultan Nabukodonosor x’sejjer jiġri fl-aħħar jiem. …

“L-Alla tas-smewwiet,” qal Danjel, “se jqajjem saltna, [ġebla li nqatgħet bla ma messha ħadd, li se ssir muntanja mill-aktar kbira u timla d-dinja kollha,] li ma tinqered qatt … iżda tibqa’ wieqfa għal dejjem.

“… Il-ħolma,” qal Danjel, “hi minnha, u t-tifsira tagħha ta’ min jemminha.”3

Bil-ħolma tiegħu spjegata u mfissra, is-sultan lissen b’ mod ċar, “Alla tiegħek hu tabilħaqq Alla tal-allat u Sid is-slaten.”4

Mill-intervent mirakoluż ta’ Alla lil Danjel ġie żvelat il-futur tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu li kellu jiġi rrestawrat fid-dinja, saltna li se timla kull naħa tad-dinja, “li ma tinqered qatt … iżda tibqa’ wieqfa għal dejjem.”

In-numru tal-membri tal-Knisja fl-aħħar jiem se jkun relattivament wieħed żgħir, kif bassar Nefi, iżda huma se jkunu jinsabu f’ kull naħa tad-dinja, u l-qawwa u l-ordinanzi tas-saċerdozju se jkunu disponibbli għal dawk kollha li jixtiquhom, fejn se jimlew id-dinja kif bassar Danjel.5

Fl-1831 il-Profeta Joseph Smith irċieva din ir-rivelazzjoni: “L-imfietaħ tas-saltna ta’ Alla u l-ġabra ta’ Iżrael mill-erba’ naħat tad-dinja ġew mogħtijin lill-bniedem fid-dinja, u minn hemm l-evanġelju se jinfirex sat-truf id-dinja hekk kif il-ġebla li nqatgħet bla ma messha ħadd se tibqa’ titgerbeb, sakemm eventwalment tispiċċa timla lid-dinja kollha.”6

Responsabbiltà li Għandna Lkoll

Il-ġabra ta’ Iżrael hija miraklu. Hija bħal pażil li kull biċċa finalment se ssib postha qabel iseħħu l-ġrajjiet glorjużi tat-Tieni Miġja. Bl-istess mod kif aħna nafu nitħawdu meta naraw quddiemna muntanja sħiħa magħmula minn biċċiet tal-pażil, nistgħu nimmaġinaw kif setgħu ħassewhom il-Qaddisin tal-ewwel żminijiet meta ġew mitlubin biex ixerrdu l-evanġelju rrestawrat mad-dinja kollha. Iżda huma bdew bil-ħidma, persuna wara persuna, u biċċa mil-pażil wara l-oħra, fejn l-ewwel sabu dawk il-biċċiet kollha li kellhom naħa minnhom dritta u minn hemm bdew jikkwadraw din il-ħidma divina. Ftit ftit, il-ġebla li nqatgħet bla ma messha ħadd bdiet titgerbeb; minn mijiet għal eluf, għal għexieren ta’ eluf u llum miljuni ta’ Qaddisin tal-Aħħar Jiem tal-patt minn kull ġens jinsabu jgħaqqdu flimkien il-biċċiet tal-pażil ta’ din il-ħidma meraviljuża u li tgħaġġbek.

Immaġni
Pażil enormi

Kull wieħed u waħda minna aħna biċċa mill-pażil, u kull wieħed u waħda minna qed ngħinu biex jitpoġġew f’ posthom biċċiet essenzjali oħra. Intom verament importanti għal din il-kawża mill-aktar kbira. Il-viżjoni tagħna issa hija waħda ċara. Aħna nistgħu naraw il-miraklu jkompli u id il-Mulej tiggwidana hekk kif aħna nkomplu nimlew il-vojt li baqa’. Imbagħad, “il-Kbir Ġehova jgħid il-ħidma ġiet fis-seħħ,”7 u Huwa jerġa’ lura bil-majestà u l-glorja kollha.

Immaġni
Kull wieħed u waħda nirrappreżentaw biċċa mil-pażil

Il-President Thomas S. Monson qal: “Issa huwa ż-żmien li l-membri u l-missjunarji jingħaqdu flimkien, sabiex jaħdmu flimkien … ħalli jressqu l-erwieħ għandu. … Huwa se jassistina fil-ħidma tagħna jekk aħna naġixxu bil-fidi waqt li nwettqu l-ħidma Tiegħu.”8

Ir-responsabbiltà mogħtija lilna b’ mod divin li darba kienet fdata biss f’ idejn il-missjunarji full-time issa ġiet fdata f’ idejna lkoll. Ilkoll kemm aħna rridu naqsmu l-evanġelju rrestawrat u, grazzi lill-Mulej, eluf ta’ erwieħ jinsabu jitgħammdu kull ġimgħa. Iżda b’ din il-barka mill-aktar meraviljuża, l-imħabba tagħna lejn ħutna u x-xewqa tagħna li nogħġbu lil Alla timlina b’ ċerta urġenza biex aħna nxerrdu u nsaħħu s-saltna ta’ Alla madwar id-dinja.

Il-Limiti tal-Ħtija

Anke jekk għandkom fikom xewqa kbira li taqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor, intom tafu li m’intomx kuntenti wisq bl-isforzi tagħkom tal-passat. Intom tafu tħossukom bħal dak il-ħabib li qalli, “Jiena tkellimt mal-membri tal-familja tagħna u mal-ħbieb tagħha dwar il-Knisja, iżda ftit urew interess u ma’ kull persuna li ma bdietx taċċetta l-istedina, aktar ma mmur aktar bdejt inħossha bi tqila. Jiena naf li jeħtieġ nagħmel sforz akbar, iżda nħossni li weħilt u nħoss fija ħtija enormi.”

Ħa nara nistax ngħin.

Il-ħtija tilgħab irwol importanti biex tqajjimna waħda fuq tagħna u nintebħu x’ tibdil jeħtieġ li nagħmlu, iżda hemm limitu kemm tista’ tgħinna l-ħtija.

Il-ħtija hija bħal batterija f’ karozza taħdem bil-fjuwil. Hija tipprovdi d-dawl lill-karozza u tistartja l-magna iżda hi ma tipprovdix il-fjuwil għal vjaġġ twil li jkollna quddiemna. Il-batterija, weħidha, mhux biżżejjed. U lanqas il-ħtija.

Jien nissuġġerixxi li intom ma tibqgħux tħossukom ħatja ta’ xi insuffiċjenza li taħsbu li għandkom meta tiġu biex taqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor. Minflok, itolbu, kif għallem Alma, biex ikollkom opportunitajiet “li tieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’ kull ħin u f’ kollox, u kull fejn tkunu … biex oħrajn jiġu mifdijin minn Alla, u jingħaddu ma’ dawk tal-ewwel resurrezzjoni, sabiex ikollhom il-ħajja eterna.”9 Din hija xi ħaġa li timmotivakom ferm aktar mill-ħtija.

Li nieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’ kull ħin u f’ kollox tirrifletti kemm fil-mod li ngħixu kif ukoll bil-mod li bih nitkellmu.

M’ għandkomx għalfejn tistħu meta titkellmu dwar il-fidi tagħkom fi Kristu. Meta quddiemkom tiġikom l-okkażżjoni, tkellmu dwar ħajtu, dwar it-tagħlim Tiegħu u r-rigal inkomparabbli Tiegħu lill-umanità. Aqsmu ma’ ħaddieħor il-veritajiet Tiegħu mill-aktar qawwija kif jinsabu fil-Ktieb ta’ Mormon. Huwa tana din il-wegħda: “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.”10 Jiena nwegħidkom li hekk kif intom titolbu ta’ spiss u b’ sinċerità biex ikollkom opportunitajiet biex “tieqfu bħala xhieda ta’ Alla,” dawn l-opportunitajiet jiġu, u dawk li jinsabu jfittxu aktar dawl u għarfien jitfaċċaw quddiemkom. Hekk kif intom twieġbu għas-suġġerimenti spiritwali, l-Ispirtu s-Santu iġorr kliemkom f’ qalb ħaddieħor, u xi darba s-Salvatur jistqarr li Hu magħkom quddiem Missieru.

Sforz Kollettiv

Il-ħidma spiritwali li ngħinu lil xi ħadd jersaq lejn is-saltna ta’ Alla hija sforz kollettiv. Ingaġġaw kemm tistgħu fil-ħidma tagħkom lill-missjunarji u itolbu għall-għajnuna divina. Iżda ftakru, iż-żmien li fih bniedem hu lest biex jikkonverti mhuwiex f’ idejkom.11

Kamla Persand kienet mill-gżira ta’ Mauritius, u kienet qed tattendi l-iskola medika ġewwa Bordeaux, fi Franza, meta aħna ltqajna magħha fi Frar tal-1991. Bħala familja aħna tlabna biex inkunu nistgħu naqsmu l-evanġelju ma’ xi ħadd li kien qed ifittex il-verità, u lilha aħna għallimniha fid-dar tagħna. Kien privileġġ kbir għalija li għammidtha, iżda aħna ma konniex l-akbar influwenza li kellha Kamla biex ingħaqdet mal-Knisja. Il-ħbieb tagħha, il-missjunarji, kif ukoll il-membri tal-familja tagħha kienu għaliha “xhieda ta’ Alla” f’ pajjiżha, u darba waħda ġo Franza, meta kien iż-żmien opportun għal Kamla, hija ddeċidiet li titgħammed. Illum, 25 sena wara, il-barkiet ta’ dik id-deċiżjoni tista’ tarahom madwarha, u binha huwa missjunarju ġewwa l-Madagaskar.

Immaġni
Kamla Persand u l-familja

Jekk jogħġobkom tħarsux lejn l-isforzi tagħkom li taqsmu l-imħabba tas-Salvatur ma’ ħaddieħor bħala xi test li jekk tgħaddux jew tfallux jiddependi minn kemm iwieġbu b’ mod pożittiv sħabkom għas-sentimenti tagħkom jew għall-istedina tagħkom li intom tiltaqgħu mal-missjunarji.12 Aħna ma nistgħux niġġudikaw l-isforzi permezz tal-għajnejn mortali tagħna u lanqas ma nistgħu niddeċiedu ż-żmien li fih ħaddieħor ikun lest biex jaċċetta l-istedina tagħna. Meta intom taqsmu l-imħabba tas-Salvatur ma’ ħaddieħor, il-grad tagħkom huwa dejjem A+.

Xi gvernijiet għamlu ċerti restrizzjonijiet fuq il-ħidma tal-missjunarji, fejn wasslu biex il-membri nobbli tagħna qed ikollhom juru kuraġġ akbar biex ikunu “xhieda ta’ Alla f’kull ħin u f’ kull … post.”

Nadezhda minn Moska tqassam regolarment kopji tal-Ktieb ta’ Mormon lil ħaddieħor f’ kaxxa tar-rigali ppakkjata b’ ħafna ħelu madwar il-ktieb. “Jien ngħidilhom,” hija qalet, “li dan huwa l-aktar rigal ħelu li jiena nista’ nagħtihom.”

Ftit wara li tgħammdet fl-Ukrajna, Svetlana ħasset li kellha taqsam l-evanġelju ma’ wieħed raġel li hija ta’ spiss kienet tara fuq ix-xarabank. Meta dan ir-raġel waqaf fejn kellu jieqaf, hija staqsietu, “Tixtieq tkun taf aktar dwar Alla?” Dan ir-raġel wieġeb, “Iva.” Il-missjunarji għallmu lil Viktor u huwa tgħammed. Aktar tard hu u Svetlana ġew issiġillati ġewwa t-Tempju ta’ Freiberg, il-Ġermanja.

Oqgħodu attenti; il-barkiet tagħkom tafu tirċevuhom b’ modi li ma tistennewx.

Seba’ snin ilu, Kathy u jiena ltqajna ma’ Diego Gomez u l-familja meraviljuża tiegħu ġewwa l-Belt ta’ Salt Lake. Huma attendew ġo wieħed mit-tempji fil-jum li nfetaħ għall-pubbliku iżda b’ mod grazzjuż ma aċċettawx l-istedina tagħna li jitgħallmu aktar dwar il-Knisja. Mejju li għadda, jiena rċevejt telefonata mingħand Diego li ssorprendietni. Ċerti avvenimenti f’ ħajtu wassluh biex jinżel għarkupptejh jitlob. Huwa minn jeddu mar ifittex lill-missjunarji, sema’ d-diskussjonijiet u kien lest li jitgħammed. Fil-11 ta’ Ġunju li għadda, jiena nżilt fl-ilmijiet tal-magħmudija flimkien mal-ħabib tiegħi u dixxiplu bħali Diego Gomez. Il-konverżjoni tiegħu ħadet iż-żmien tagħha u waslet bl-għajnuna u s-sapport ta’ ħafna nies li daru lejh biex jgħinuh bħala “xhieda ta’ Alla.”

Immaġni
Diego Gomez mal-grupp

Stedina liż-Żgħażagħ

Lilkom iż-żgħażagħ u l-adulti żgħażagħ meraviljużi minn madwar id-dinja kollha, jiena nwasslilkom stedina u sfida speċjali biex intom tkunu “xhieda ta’ Alla.” Dawk li jinsabu madwarkom jinsabu lesti għal investigazzjoni spiritwali. Tiftakruha l-pażil? Intom ma tmorrux madwar il-mejda b’ idkom vojta iżda bit-teknoloġija u l-midja soċjali lesti biex jgħinukom. Aħna għandna bżonnkom; il-Mulej jeħtieġ li intom tkun aktar dedikati f’ din il-kawża mill-aktar kbira.

Immaġni
Pażil fuq il-mowbajl

Is-Salvatur qal, “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.”13

Mhijiex kumbinazzjoni li intom toqogħdu fl-Afrika; fl-Asja; fl-Ewropa; fl-Amerka ta’ Fuq, fl-Amerka Ċentrali jew fl-Amerka t’ Isfel; fil-Paċifiku; jew f’ xi post ieħor fid-dinja ta’ Alla, għaliex l-evanġelju għandu jżur “kull ġens, razza, ilsien u poplu.”14

“L-Alla tas-smewwiet qajjem saltna, [ġebla li nqatgħet bla ma messha ħadd, li saret muntanja mill-aktar kbira u qed timla d-dinja kollha,] li ma tinqered qatt … iżda tibqa’ wieqfa għal dejjem.

“… Il-ħolma hi minnha, u t-tifsira tagħha ta’ min jemminha.”15

Jiena se nagħlaq bil-kliem mid-Duttrina u Patti: “Itolbu lill-Mulej, sabiex is-saltna tiegħu tinxtered madwar id-dinja, sabiex l-abitanti tagħha jkunu jistgħu jirċevuha, u jkunu mħejjijin għaż-żmien li ġej, li fih Bin il-Bniedem se jinżel mis-smewwiet, imlibbes bid-dija tal-glorja tiegħu, biex jiltaqa’ mas-saltna ta’ Alla … fid-dinja.”16 f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Danjel 2:10.

  2. Danjel 2:18.

  3. Danjel 2:26–28, 44–45; ara wkoll versi 34–35.

  4. Danjel 2:47.

  5. Ara 1 Nephi 14:12–14.

  6. Doctrine and Covenants 65:2; ara wkoll Doctrine and Covenants 110:11.

  7. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 444; ara wkoll Boyd K. Packer, “The Standard of Truth Has Been Erected,” Liahona, Nov. 2003, 27.

  8. Thomas S. Monson, “Welcome to Conference, Liahona, Nov. 2013, 4.

  9. Mosiah 18:9.

  10. Mattew 10:32.

  11. Xahar ilu kont ninsab ġewwa Santa Maria, il-Brażil. Brother João Grahl qalli li, meta kien għadu żagħżugħ, huwa dam sentejn jattendi l-knisja, u ried jitgħammed, iżda missieru ma ħalliehx. Darba waħda huwa qal b’ dan lil ħutu l-bniet, li wkoll kellhom l-istess xewqa, li kien jeħtieġ li huma jinżlu għarkupptejhom u jitolbu li Alla jrattab il-qalb ta’ missierhom. Huma niżlu għarkupptejhom jitolbu u mbagħad marru l-iskola.

    Meta dak inhar huma waslu lura d-dar, b’ sorpriża, kien mar iżurhom zijuhom, ħu missierhom, minn belt ‘il bogħod mhux ħażin. Huwa kien jinsab id-dar jitkellem ma’ missierhom. B’ zijuhom preżenti wkoll fil-kamra, it-tfal reġgħu staqsew lil missierhom jew setgħux jitgħammdu. Fil-pront qabeż zijuhom, poġġa idu fuq spallejn ħuh iż-żgħir u qal, “Reinaldo, dan kollu veru. Ħallihom jitgħammdu.” Ħaġa li huma ma kinux jafu kienet li zijuhom kien tgħammed ftit xhur qabel.

    Iz-ziju ħass li kellu jmur jagħmel żjara fid-dar ta’ ħuh, u għaliex dak inhar huwa “waqaf bħala xhud ta’ Alla,” in-neputijiet tiegħu tħallew jitgħammdu. Ftit xhur wara, tgħammdu wkoll Reinaldo u martu. Alla wieġeb it-talb ta’ dawk it-tfal b’ mod mirakoluż permezz ta’ xi ħadd li kien lest li jkun “xhud ta’ Alla.”

  12. “Intom tirnexxu meta tistiednu lil ħaddieħor, jiġri x’ jiġri wara” (Clayton M. Christensen, The Power of Everyday Missionaries [2012], 23; ara wkoll everydaymissionaries.org).

  13. Mattew 28:19.

  14. Mosiah 15:28.

  15. Danjel 2:44–45; ara wkoll versi 34–35.

  16. Doctrine and Covenants 65:5.