2010-2019
Naqsmu l-Evanġelju Rrestawrat mal-Oħrajn
Ottubru 2016


Naqsmu l-Evanġelju Rrestawrat mal-Oħrajn

Dik li aħna nsejħulha “il-ħidma tal-membri missjunarji” mhijiex xi programm iżda hi attitudni ta’ mħabba u li permezz tagħha nilħqu lil dawk ta’ madwarna u ngħinuhom.

I.

Meta kien riesaq lejn it-tmien tal-ministeru Tiegħu fid-dinja, Is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, talab lid-dixxipli Tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha” (Mattew 28:19) u “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu” (Mark 16:15). Il-Kristjani kollha huma mitlubin biex jaqsmu l-evanġelju ma’ kulħadd. Ħafna jirreferu għal dan bħala “il-kummissjoni l-kbira.”

Immaġni
Is-Salvatur jgħallimna nħobbu

Kif iddeskriva fis-sezzjoni ta’ filgħodu l-Presbiteru Neil L. Andersen, il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem huma bla dubju fost l-aktar nies dedikati għal din ir-responsabbiltà mill-aktar kbira. U hekk għandu jkun, għaliex aħna nafu li Alla jħobb lil uliedu kollha u li f’ dawn l-aħħar jiem Huwa rrestawra ċertu għarfien ieħor u ċerta qawwa mill-aktar importanti biex iberikhom ilkoll. Is-Salvatur għallimna biex inħobbu lil ħutna kollha, u aħna nonoraw dak it-tagħlim billi naqsmu ma’ ħaddieħor ix-xhieda u l-messaġġ tal-evanġelju rrestawrat “fost il-ġnus, ir-razez, l-ilsna u l-popli kollha” (D&C 112:1). Din hija parti mill-aktar importanti ta’ xi jfisser li nkunu Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Inħarsu lejn dan bħala privileġġ ta’ ferħ. X’ jista’ jimlina aktar bil-ferħ milli naqsmu l-veritajiet tal-eternità ma’ wlied Alla?

Illum għandna ħafna riżorsi biex permezz tagħhom inkunu nistgħu naqsmu l-evanġelju li ma kinux disponibbli fil-ġenerazzjonijiet tal-passat. Għandna t-televiżjoni, l-internet, u diversi forom ta’ midja soċjali. Għandna bosta messaġġi prezzjużi biex nintroduċu l-evanġelju rrestawrat. Għandna l-prominenza tal-Knisja f’ bosta ġnus. Għandna wkoll numru dejjem jikber ta’ missjunarji. Iżda qegħdin verament nieħdu vantaġġ minn dawn ir-riżorsi kollha? Nemmen li ħafna minna jirrispondu li le. Nixtiequ nkunu aktar effettivi meta niġu biex inwettqu r-responsabbiltà mogħtija lilna b’ mod divin li nippridkaw l-evanġelju rrestawrat madwar id-dinja kollha.

Insibu bosta ideat tajbin kif nistgħu naqsmu l-evanġelju li jafu jkunu effettivi f’ diversi utied jew pajjiżi. Madankollu, peress li aħna Knisja li hi mferrxa madwar id-dinja kollha, nixtieq insemmi ideat li jistgħu jkunu effettivi kullimkien, mill-aktar units ġodda sal-aktar units li ilhom imwaqqfin, minn kulturi li bħalissa jinsabu jilqgħu fi ħdanhom l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu għal kulturi u ġnus li aktar ma jmorru aktar qed jiġu ostili lejn ir-reliġjon. Nixtieq nitkellem dwar ċerti ideat li intom tistgħu tużaw ma’ nies li qatt ma semgħu b’ ismu kif ukoll ma’ nies li jemmnu verament f’ Ġesù Kristu, ma’ nies li qed jagħmlu minn kollox biex itejjbu lilhom infushom kif ukoll ma’ nies li jinsabu sodisfatti bil-ħajja li qed jgħixu bħalissa.

X’ nista’ ngħid li jista’ jgħinkom verament taqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor, huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħkom? Neħtieġu l-għajnuna ta’ kull membru, u kull membru jista’ jgħin, peress li hemm diversi ħwejjeġ x’ jitwettqu hekk kif aħna naqsmu l-evanġelju rrestawrat ma’ kull ġens, razza, ilsien u poplu.

Immaġni
Il-President Monson iħeġġeġ lill-membri u l-missjunarji biex jaħdmu flimkien

Aħna lkoll nafu li fil-ħidma missjunarja l-parteċipazzjoni tal-membri hija importanti ħafna biex inkabbru l-konverżjoni u r-ritenzjoni. Il-President Thomas S. Monson qal: “Issa hu ż-żmien li fih il-membri u l-missjunarji jingħaqdu flimkien ... u jaħdmu fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej sabiex iressqu l-erwieħ lejh. Huwa ħejja mezz kif aħna nistgħu naqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor b’ modi varji, u Huwa se jassistina fil-ħidma tagħna jekk aħna naġixxu bil-fidi waqt li nwettqu l-ħidma Tiegħu.”1

Immaġni
Il-ħidma missjunarja mhijiex sempliċiment xi ħaġa waħda partikolari

Li naqsmu l-evanġelju rrestawrat huwa dmir u privileġġ Kristjan għal tul ħajjitna. Il-Presbiteru Quentin L. Cook ifakkarna, “Il-ħidma missjunarja mhijiex biss waħda mit-88 nota li hemm fuq pjanu li jindaqq kultant; hija akkordju ewlieni f’ melodija mill-aqwa li jeħtieġ li ndoqquha kontinwament tul ħajjitna kollha jekk irridu nibqgħu f’ armonija mal-impenn tagħna lejn il-Kristjanità u lejn l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.”2

II.

Hemm tliet ħwejjeġ li kull membru jista’ jagħmel biex jgħin ixerred l-evanġelju, huma x’ inhuma ċ-ċirkustanzi li fihom jgħix jew jaħdem. Ilkoll kemm aħna għandna nagħmlu dan.

L-ewwel, aħna kollha nistgħu nitolbu biex ikollna x-xewqa li ngħinu f’ din il-parti mill-aktar importanti tal-ħidma tas-salvazzjoni. Kull sforz jibda b’ xewqa.

It-tieni, nistgħu aħna stess inżommu l-kmandamenti. Membri fidili u ubbidjenti huma l-aktar xhieda persważivi tal-verità u l-valur tal-evanġelju rrestawrat. Aktar importanti minn hekk, il-membri fidili dejjem ikollhom l-Ispirtu tas-Salvatur magħhom, biex jiggwidahom hekk kif huma jfittxu li jipparteċipaw fil-ħidma kbira li għandna li nxerrdu l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.

It-tielet, nistgħu nitolbu għall-ispirazzjoni dwar x’ nistgħu nagħmlu aħna fiċ-ċirkustanzi individwali tagħna biex naqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor. Din hi ħaġa differenti milli nitolbu għall- missjunarji jew nitolbu għal dak li ħaddieħor jista’ jagħmel. Għandna nitolbu għal dak li aħna nistgħu nagħmlu personalment. Meta nitolbu, għandna niftakru li t-talb għal din it-tip ta’ ispirazzjoni jiġi mwieġeb jekk aħna nuru ċertu impenn min-naħa tagħna—xi ħaġa li l-iskrittura ssejħilha “intenzjoni ġenwina” jew “għan sħiħ f’ qalbna.” Itolbu b’ impenn li lesti taġixxu skont l-ispirazzjoni li intom tirċievu, fejn twiegħdu lill-Mulej li jekk Huwa jispirakom biex intom titkellmu ma’ xi ħadd dwar l-evanġelju, intom dan tagħmluh.

Neħtieġu l-gwida tal-Mulej għaliex f’ kwalunkwe ħin se ssibu nies li huma—u oħrajn li mhumiex—lesti għall-veritajiet addizzjonali tal-evanġelju rrestawrat. M’għandna qatt inkunu dawk li niġġudikaw min hu lest jew min mhuwiex. Il-Mulej jaf il-qalb ta’ wliedu, u jekk aħna nitolbu għall-ispirazzjoni, Huwa jgħinna nsibu nies li Hu jaf li “lesti biex jisimgħu l-kelma” (Alma 32:6).

Bħala Appostlu tal-Mulej, jiena nitlob lil kull membru u familja fil-Knisja biex jitolbu ħalli l-Mulej jgħinhom isibu persuni li jinsabu lesti li jirċievu l-messaġġ tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Il-Presbiteru M. Russell Ballard tana dan il-kunsill mill-aktar importanti, li miegħu jiena żgur naqbel: “Afdaw fil-Mulej. Huwa r-Ragħaj it-Tajjeb. Huwa jagħraf lin-nagħaġ Tiegħu. … U jekk ma nkunux aħna li nagħmlu dan, ħafna erwieħ li forsi jinsabu lesti li jisimgħu l-messaġġ tar-Restawrazzjoni jibqgħu ma jintlaħqux. … Il-prinċipji huma veru sempliċi—itolbu, kemm personalment kif ukoll fil-familji tagħkom, biex ikollkom opportunitajiet missjunarji.”3 Hekk kif aħna nuru l-fidi tagħna, dawn l-opportunitajiet jiġuna mingħajr ebda “rispons sfurzat jew … forsi ma nkunux daqstant konvinti minnu. Jaslu bħala riżultat naturali tal-imħabba tagħna lejn ħutna.”4

Jien naf li dan huwa minnu. Inżid ukoll il-wegħda tiegħi li bil-fidi fl-għajnuna tal-Mulej, aħna nkunu ggwidati, ispirati u nsibu ferħ kbir f’ din il-ħidma ta’ mħabba li l-importanza tagħha hija waħda eterna. Nibdew nifhmu li s-suċċess tagħna, meta niġu biex naqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor, jiddependi kemm aħna nistiednu lin-nies b’ imħabba u intenzjoni ġenwina, ikun xi jkun ir-rispons tagħhom.

III.

Dawn huma xi ħwejjeġ oħra li nistgħu nagħmlu biex naqsmu l-evanġelju b’ mod effettiv:

Immaġni
Membri jissoċjalizzaw bejniethom
Immaġni
Membri jżuru lil xulxin
Immaġni
Sewwieq tat-taksi waqt l-Olimpjadi tal-Brażil
  1. Jeħtieġ niftakru li “n-nies jitgħallmu meta huma jkunu lesti li jitgħallmu mhux meta aħna nkunu lesti li ngħallmuhom.”5 Dak li aħna interessati fih, bħat-tagħlim importanti tad-duttrina addizzjonali fil-Knisja rrestawrata, ħafna drabu mhuwiex dak li oħrajn huma interessati fih. Oħrajn tipikament ikunu jridu jkunu jafu dwar ir-riżultat tad-duttrina, mhux dwar id-duttrina. Hekk kif huma josservaw jew jesperjenzaw l-effetti tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu f’ ħajjitna, huma jħossu l-Ispirtu u jibdew jinteressaw irwieħhom fid-duttrina. Huma jafu jinterssaw irwieħhom ukoll fi żmien li fih ikunu qed ifittxu li jkollhom aktar kuntentizza, iħossuhom aktar viċin Alla jew li jkollhom għarfien aħjar tal-għan tal-ħajja.6 Għalhekk, jeħtieġ bl-għajnuna tat-talb u bir-reqqa kollha nfittxu d-don tad-dixxerniment biex jgħinna nifhmu l-interess tal-oħrajn li jsiru jafu aktar. Dan jiddependi fuq diversi ħwejjeġ, bħal per eżempju ċ-ċirkustanzi tal-persuna l-oħra u r-relazzjoni tagħna magħha. Dan huwa suġġett tajjeb ħafna biex niddiskutuh fil-kunsilli, fil-kworums u fis-Soċjetajiet tal-Għajnuna.

  2. Hekk kif aħna nitkellmu ma’ ħaddieħor, jeħtieġ niftakru li l-istedina tagħna biex huma jitgħallmu aktar dwar Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu preferibbilment tkun stedina biex huma jitgħallmu aktar dwar il-Knisjatagħna.7 Aħna rridu li n-nies jikkonvertu għall-evanġelju. Dan huwa l-irwol kbir tal-Ktieb ta’ Mormon. Is-sentimenti dwar il-Knisja jiġu wara l-konverżjoni lejn Ġesù Kristu; mhux qabilha. Ħafna nies li huma xi ftit xettiċi lejn il-knejjes għandhom madankollu imħabba lejn is-Salvatur. Araw li tpoġġu kollox fl-ordni xierqa.

  3. Meta aħna nfittxu biex nintroduċu lil xi ħadd għall-evanġelju rrestawrat, għandna nagħmlu dan b’ modi li huma awtentiċi u juru l-imħabba ġenwina tagħna lejh. Dan iseħħ meta aħna nkunu qed nippruvaw ngħinu lil ħaddieħor b’ ċerti problemi li huma stess identifikaw jew meta nkunu qed naħdmu magħhom f’ xi attivitajiet ta’ servizz fil-komunità, bħal meta flimkien inkunu qed nippruvaw intaffu s-sofferenza ta’ ħaddieħor, meta nkunu qed nieħdu ħsieb il-foqra u lil dawk fil-bżonn jew meta nkunu qed nippruvaw intejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ ħaddieħor.

  4. L-isforzi tagħna biex naqsmu l-evanġelju m’għandniex nillimitawhom biss għaċ-ċirku ta’ ħbieb tagħna. Fi żmien l-Olimpjadi sirna nafu dwar sewwieq tat-taksi membru tal-Knisja ġewwa Rio de Janeiro li kien iġorr miegħu kopji tal-Ktieb ta’ Mormon b’ seba’ lingwi differenti u kien jagħti kopja lil kull min kien ikun irid jaċċettaha. Huwa sejjaħ lilu nnifsu “il-missjunarju li jsuq it-taksi.” Huwa qal, “It-toroq ta’ Rio de Janeiro … huma l-għalqa tal-missjoni tiegħi.”8

    Clayton M. Christensen, li għandu esperjenza enormi bħala membru missjunarju, iddikjara li “tul dawn l-aħħar għoxrin sena, stajna nosservaw li mhemm l-ebda konnessjoni bejn kemm hi kbira l-ħbiberija bejn żewġ persuni u ċ-ċans li wieħed minn dawk il-persuni jkun interessat li jitgħallem dwar l-evanġelju mill-persuna l-oħra.”9

  5. Il-veskovati tal-qasam jistgħu jippjanaw laqgħa tas-sagrament speċjali li fiha l-membri jiġu mħeġġin biex iġibu magħhom xi persuni interessati. Il-membri tal-qasam isibuha anqas diffiċli li jġibu magħhom lil sħabhom f’ din it-tip ta’ laqgħa għaliex huma jħossuhom aktar ċerti li l-kontenut tal-laqgħa ikun wieħed maħsub biex iqajjem l-interess u li jirrappreżenta l-Knisja b’ mod tajjeb.

  6. Hemm bosta opportunitajiet oħra biex wieħed ixerred l-evanġelju. Per eżempju, dan is-sajf li għadu kif għadda jiena rċevejt ittra ħelwa minn membru ġdida li saret taf dwar l-evanġelju rrestawrat meta ħabib li kien l-iskola magħha ċemplilha biex jara kif kienet minħabba marda li hija kellha. Hija kitbet: “Jiena ħassejtni impressjonata bil-mod kif huwa ppreżenta lilu nnifsu miegħi. Wara ftit xhur nitgħallem mingħand il-missjunarji, jiena tgħammidt. Minn dak iż-żmien sar progress f’ ħajti.”10 Ilkoll kemm aħna nafu b’ ħafna li ħajjithom tista’ titjieb permezz tal-evanġelju rrestawrat. Lil dawn aħna qegħdin nippruvaw nilħquhom?

  7. Il-faxxinu li bosta membri żgħażagħ tagħna għandhom bil-midja soċjali u l-kapaċità tagħhom kif jużawha tagħtihom opportunitajiet uniċi biex huma jilħqu lil dawk kollha li jafu juru interess fl-evanġelju. Meta kien qed jiddeskrivi d-dehra tas-Salvatur lin-Nefiti, Mormon kiteb, “Huwa għallem u serva lit-tfal … , u huwa reħa lsienhom … biex huma setgħu jitkellmu” (3 Nephi 26:14). Illum naħseb li kieku ngħidu “reħa [s-swaba’] tagħhom biex huma setgħu jitkellmu.” Kuraġġ, O żgħażagħ!

Immaġni
Naqsmu l-evanġelju billi nibagħtu l-messaġġi lil xulxin

Tħarsux lejn it-tixrid tal-evanġelju bħala xi piż żejjed iżda ħarsu lejh b’ ferħ. Dik li aħna nsejħulha “il-ħidma tal-membri missjunarji” mhijiex xi programm iżda hi attitudni ta’ mħabba u li permezz tagħha nilħqu lil dawk ta’ madwarna u ngħinuhom. Hija wkoll opportunità biex nuru lil ħaddieħor kif inħossuna verament dwar l-evanġelju rrestawrat tas-Salvatur tagħna. Kif għallem il-Presbiteru Ballard, “Evidenza mill-aktar sinifikanti tal-konverżjoni tagħna u kif aħna nħossuna dwar l-evanġelju f’ ħajjitna hi r-rieda tagħna li naqsmu dan ma’ ħaddieħor.”11

Jiena nixhed dwar Ġesù Kristu, li huwa d-Dawl u l-Ħajja tad-Dinja (ara 3 Nephi 11:11). L-evanġelju rrestawrat Tiegħu jdawwal it-triq tagħna fil-mortalità. L-Att tal-Fidwa Tiegħu jagħtina l-assigurazzjoni li hemm il-ħajja wara l-mewt kif ukoll il-qawwa biex aħna nkomplu nippersistu fi triqitna lejn l-immortalità. U l-Att tal-Fidwa Tiegħu jagħtina l-opportunità biex ninħafru minn dnubietna u, skont il-pjan glorjuż tas-salvazzjoni ta’ Alla, aħna nikkwalifikaw għall-ħajja eterna, “l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla” (D&C 14:7). F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Thomas S. Monson, “Welcome to Conference,” Liahona, Nov. 2013, 4.

  2. Quentin L. Cook, “How to Be a Member Missionary,” New Era, Fr. 2015, 48.

  3. M. Russell Ballard, “Put Your Trust in the Lord,” Liahona, Nov. 2013, 44.

  4. M. Russell Ballard, “Put Your Trust in the Lord,” 44.

  5. Clayton M. Christensen, The Power of Everyday Missionaries (2012), 30.

  6. Ara Christensen, Power of Everyday Missionaries, 26–27.

  7. Ara Gary C. Lawrence, How Americans View Mormonism: Seven Steps to Improve Our Image (2008), 34–35.

  8. Ara Ashley Kewish, “Cab Driver Hands Out Copies of Book of Mormon to Rio Visitors,” 8 ta’ Aww. 2016, ksl.com.

  9. Christensen, Power of Everyday Missionaries, 21.

  10. Ittra personali, Aww. 21, 2016.

  11. M. Russell Ballard, “Now Is the Time,” Liahona, Jan. 2001.