2010-2019
Jiena Den Biżżejjed? Jiena Se Nsalva?
Ottubru 2016


Jiena Den Biżżejjed? Jiena Se Nsalva?

Jekk intom verament tibqgħu tippruvaw u mhux taraw kif tiġġustifikaw għemilkom jew tirribellaw—tindmu regolarment u titolbu bil-ħerqa għall-grazzja—intom b’ mod pożittiv żgur tkunu “tajbin biżżejjed.”

Għeżież ħuti, x’ barka kbira lkoll għandna li ninsabu miġburin flimkien biex niġu mgħallmin mill-qaddejja tal-Mulej. Mhix ħaġa mill-aktar meraviljuża b’ kemm-il mod Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna jiggwidana u jberikna? Huwa verament iridna mmorru lura d-dar.

Meta jien kont tabib żagħżugħ għadni ħiereġ mill-iskola medika, bl-għajnuna tal-ħniena divina, jiena kont ġejt aċċettat biex nattendi għat-taħriġ pedjatriku bħala parti minn programm mill-aktar impenjattiv u kompettitiv. Meta jiena ltqajt mat-tobba apprendisti l-oħra, ħassejt li jien kont l-anqas wieħed intelliġenti u ppreparat. Ħassejt li bl-ebda mod jien ma stajt inlaħħaq mal-kumplament tal-grupp.

Lejla waħda, meta konna dħalna fit-tielet xahar tagħna, sibt ruħi fis-sezzjoni tal-infermiera ġo l-isptar, mejjet bin-nagħas u nolfoq waħdi, hekk kif kont qed nipprova nimla d-dokumenti meħtieġa ta’ tifel ċkejken li kien iddaħħal l-isptar bil-pulmonite. Qatt ma ħassejtni daqshekk qalbi maqtugħa. Ma kellix idea kif kelli nittratta l-pulmonite fuq tifel ta’ 10 snin. Ma kontx ċert x’ kont qed nagħmel hemmhekk.

F’ dak il-mument preċiż, wieħed mit-tobba ta’ esperjenza poġġa idu fuq spallti. Huwa staqsieni kif kont sejjer, u jiena qsamt miegħu il-frustrazzjonijiet u l-biżgħat li kelli. It-tweġiba tiegħu bidlitli ħajti. Huwa qalli kemm hu kif ukoll it-tobba l-oħra ta’ esperjenza kienu verament kburin bija u kif huma ħassew li jiena kont se nkun tabib mill-aktar eċċellenti. F’ kelma waħda, huwa emmen fija fi żmien meta jiena stess ma kontx qed nemmen fija nnifsi.

L-istess bħall-esperjenza tiegħi, il-membri tagħna spiss jistaqsu, “Tgħid jiena persuna tajba biżżejjed?” jew “Tgħid jirnexxieli nasal sas-saltna ċelestjali?” M’hemmx dubju, qatt ma tista’ tkun “tajjeb biżżejjed.” Ħadd minna mhu “tajjeb biżżejjed” jew verament “jistħoqqlu” s-salvazzjoni, iżda hija ħaġa normali li nitħassbu jekk aħniex aċċettabbli quddiem il-Mulej, li huwa l-mod kif jiena ninterpreta dawn il-mistoqsijiet.

Xi kultant meta aħna nattendu l-knisja, aħna nibdew naqtgħu qalbna anke jekk b’ sinċerità niġu mitlubin biex intejbu lilna nfusna. Ġewwa fina nibdew naħsbu, “Jien mhux kapaċi nagħmel dan kollu” jew “Jiena qatt ma nista’ nkun tajjeb daqs dawn in-nies kollha.” Jista’ jkun li nħossuna xi ftit kif ħassejtni jien dik il-lejla fl-isptar.

Jekk jogħġobkom, għeżież ħuti, jeħtieġ nieqfu nqabblu lilna nfusna ma’ ħaddieħor. Nispiċċaw nittorturaw lilna fusna jekk noqogħdu nikkompetu jew nikkumparaw ruħna mal-oħrajn. B’ mod falz aħna niġġudikaw lilna nfusna bil- ħwejjeġ li għandna jew li m’għandniex u bl- opinjoni ta’ ħaddieħor. Jekk se nqabblu, ejjew inqabblu kif aħna konna fil-passat ma’ kif aħna llum—u anke kif nixtiequ nkunu fil-futur. L-unika oppinjoni li għandna nagħtu kas hi kif iħares lejna Missierna tas-Smewwiet. Jekk jogħġobkom staqsuh b’ sinċerità x’ jaħseb dwarkom. Huwa jħobbna u jikkoreġina iżda qatt ma jaqtgħalna qalbna; dik hi t-tattika ta’ Satana.

Ippermettuli nkun dirett u ċar fi kliemi. It-tweġibiet għall-mistoqsijiet “Jiena den biżżejjed?” u “Jiena se nsalva?” hija “Iva! Inti se tkun tajjeb biżżejjed” u “Iva, inti se ssalva dment li inti tkompli tindem u qatt ma tiskuża ebda mġieba ħażina jew tirribella.” L-Alla tas-smewwiet mhuwiex xi referi bla qalb li qed jara kif jista’ jsib xi skuża biex iqaċċatna ‘l barra mil-logħba. Huwa Missierna li jħobbna b’ mod perfett, li jixtieq aktar minn kollox biex jara l-uliedu jerġgħu lura d-dar u jgħixu Miegħu bħala familji għal dejjem. Huwa verament offra lilI-Uniku Iben Imnissel Tiegħu sabiex aħna ma nintilfux iżda jkollna l-ħajja ta’ dejjem!1 Jekk jogħġobkom emmnu, u jekk jogħġobkom imtlew bit-tama u l-faraġ li tistgħu tiksbu minn din il-verità eterna. L-intenzjoni ta’ Missierna tas-Smewwiet hi li aħna lkoll insalvaw! Din hi l-ħidma u l-glorja Tiegħu.2

Verament jogħġobni l-mod kif il-President Gordon B. Hinckley kien jgħallem dan il-prinċipju. Jien smajtu jgħid bosta drabi, “Ħuti, dak kollu li l-Mulej jistenna minna hu li nippruvaw, iżda jeħtieġ li verament nippruvaw!”3

“Verament nippruvaw” ifisser li nagħmlu dak kollu li nistgħu, nagħrfu fejn jeħtieġ li ntejbu, u mbagħad nerġgħu nippruvaw. Jekk nagħmlu dan ripetutament, aħna nersqu aktar viċin il-Mulej; aħna nħossu l-Ispirtu Tiegħu aktar u aktar;4 u aħna nirċievu aktar mill-grazzja jew l-għajnuna Tiegħu.5

Xi kultant jien naħseb li aħna ma nagħrfux kemm verament il-Mulej jixtieq jgħinna. Veru jogħġobni l-kliem tal-Presbiteru David A. Bednar, li qal:

“Ħafna minna jifhmu b’ mod ċar li l-Att tal-Fidwa huwa għall-midinbin. Madankollu, jiena mhux ċert jekk nafux u nifhmux li l-Att tal-Fidwa huwa wkoll għall-qaddisin. …

“… L-Att tal-Fidwa jipprovdilna l-għajnuna li neħtieġu biex negħlbu u nevitaw il-ħażin u li nagħmlu t-tajjeb u nsiru twajbin. …

“‘… Huwa … permezz tal-grazzja tal-Mulej li l-individwi … jirċievu l-qawwa u l-assistenza li jwettqu għemejjel tajbin u li mingħajrha ma jkunux jistgħu jwettqu. … Din il-grazzja hija qawwa li ssaħħaħna…’ [Dizzjunarju tal-Bibbja, “Grace”; enfażi miżjuda] … jew għajnuna divina li lkoll kemm aħna verament neħtieġu biex nikkwalifikaw għas-saltna ċelestjali.”6

Dak kollu li hemm bżonn nagħmlu biex nirċievu din l-għajnuna divina hi li nitolbu għaliha u mbagħad naġixxu skont is-suġġerimenti ġusti li nirċievu ġo fina.

L-aħbar ewlenija hi li jekk b’ sinċerità aħna nindmu, id-dnubiet li konna wettaqna ma jżommuniex milli niksbu l-eżaltazzjoni. Moroni jgħidilna dan dwar il-midinbin ta’ żmienu: “Iżda kemm-il darba huma nidmu u fittxew li jiksbu l-maħfra, b’ intenzjoni ġenwina, huma ġew maħfura.”7

U l-Mulej Innifsu qal dan dwar il-midneb:

“Jekk huwa jistqarr dnubietu miegħek u miegħi, u jindem b’ sinċerità f’ qalbu, inti għandek taħfirlu, u jien naħfirlu wkoll.

“Iva, u kemm-il darba n-nies jindmu jiena naħfrilhom il-ħtijiet tagħhom lejja.”8

Jekk aħna nindmu b’ sinċerità, Alla verament jaħfrilna, anke meta aħna nerġgħu nwettqu ripetutament l-istess dnub. Kif qal il-Presbiteru Jeffrey R. Holland: “Taħseb kemm taħseb li tlift opportunitajiet, tħoss kemm tħoss li wettaqt żbalji … , jiena nixhed li inti qatt ma tinsab ‘il bogħod milli tilħaq l-imħabba divina. Żgur li ma jistax ikun li tinsab ġo wied tant fond li ma jistax jintlaħaq mid-dawl tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu.”9

Dan bl-ebda mod ma jfisser li d-dnub hu ġġustifikat. Id-dnub dejjem iħalli warajh ċerti konsegwenzi. Id-dnub dejjem iweġġa’ lill-midneb u lil dawk effettwati bid-dnub tiegħu jew tagħha. U l-indiema vera qatt mhi ħaġa faċli.10 Barra minn hekk, jekk jogħġobkom ifhmu li avolja Alla jneħħi l-ħtija u t-tebgħa ta’ dnubietna meta aħna sinċerament nindmu, Huwa jista’ ma jneħħix b’ mod immedjat il-konsegwenzi kollha ta’ dnubietna. Xi kultant dawn jibqgħu magħna għall-kumplament ta’ ħajjitna. U l-agħar tip ta’ dnub huwa d-dnub premeditat fejn wieħed jgħid, “Issa nista’ nidneb, imbagħad wara nindem.” Jiena nemmen li dan huwa żuffjett solenni tas-sagrifiċċju u s-sofferenza ta’ Ġesù Kristu.

Il-Mulej Innifsu ddikjara, “Għax jien il-Mulej ma nistax nippermetti li nagħlaq għajnejja għall-iċken dnub.”11

U Alma ddikjara, “Araw, jien ngħidilkom, il-ħażen qatt ma kien ferħ.”12

Waħda mir-raġunijiet għalfejn id-dikjarazzjoni ta’ Alma hija partikolarment vera hi għaliex meta nibdew nirrepetu dnubietna, aħna nitbiegħdu mill-Ispirtu, nibdew naqtgħu qalbna u mbagħad ma nibqgħux nindmu aktar. Iżda nirrepeti, li minħabba l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur, aħna nistgħu nindmu u niġu għal kollox maħfurin, hekk kif l-indiema tagħna tkun waħda sinċiera.

Li ma nistgħux nagħmlu hu li nippruvaw niġġustifikaw għemilna minflok nindmu. Żgur li ma nistgħux niġġustifikaw dnubietna billi ngħidu, “Alla jaf li diffiċli ħafna għalija, għalhekk Hu jaċċettani kif jien.” “Verament nippruvaw” ifisser li nibqgħu nippersistu hekk kif nagħmlu li nistgħu biex nilħqu l-istandard tal-Mulej, li hu spjegat b’ mod ċar fil-mistoqsijiet li niġu mistoqsijin sabiex niksbu rakkomandazzjoni tat-tempju.

Il-ħaġa l-oħra li ċertament iżżommna ‘l bogħod mis-smewwiet u tisseparana mill-għajnuna li bħalissa neħtieġu hija r-ribelljoni. Mil-ktieb ta’ Mosè, nitgħallmu li Satana ġie mkeċċi mis-smewwiet għaliex irribella.13 Aħna nkunu qed nirribellaw kull darba li f’ qalbna ngħidu, “Jien m’għandix bżonn lil Alla, u m’għandix għalfejn nindem.”

Bħala mediku fit-taqsima intensiva, jiena naf li jekk wieħed bi traskuraġni ma jaċċetax it-trattament li jista’ jsalvalu ħajtu, dan jista’ jwassal bla dubju biex huwa jmut fiżikament. Bl-istess mod, meta aħna nirribellaw kontra Alla, aħna nkunu qed nirrifjutaw l-unika għajnuna u tama tagħna, li hu Ġesù Kristu, u dan jista’ jwassal għall-mewt spiritwali. Ħadd minna ma jista’ jagħmel dan bil-qawwa tagħna biss. Ħadd minna qatt mhu se jkun “tajjeb biżżejjed,” ħlief permezz tal-merti u l-ħniena ta’ Ġesù Kristu,14 iżda minħabba li Alla jirrispetta l-għażla ħielsa tagħna, aħna lanqas ma nistgħu nsalvaw mingħajr ma nippruvaw. Hekk jaħdem il-bilanċ bejn il-grazzja u l-għemejjel tagħna. Aħna jista’ jkollna din it-tama fi Kristu għaliex Huwa jrid jgħinna u jbiddilna. Fil-fatt, Huwa diġà jinsab jgħinkom. Ieqfu ftit u rriflettu u agħrfu l-għajnuna Tiegħu f’ ħajjitkom.

Jiena nixhed magħkom li jekk intom verament tibqgħu tippruvaw u mhux taraw kif tiġġustifikaw għemilkom jew tirribellaw—tindmu regolarment u titolbu bil-ħerqa għall-grazzja, jew l-għajnuna ta’ Kristu—intom b’ mod pożittiv żgur tkunu “tajbin biżżejjed,” jiġifieri aċċettabbli quddiem il-Mulej; intom jirnexxilkom taslu sas-saltna ċelestjali fejn tiġu pperfezzjonati fi Kristu; u intom tirċievu l-barkiet u l-glorja li Alla jixtieq li jkollhom l-ulied prezzjużi Tiegħu—fosthom intom u jien speċifikament. Jiena nixhed li Alla jgħix u jridna mmorru lura d-dar. Jiena nixhed li Ġesù jgħix. Fl-isem imqaddes ta’ Ġesù Kistu, amen.

Noti

  1. Ara Ġwanni 03:16.

  2. Ara Moses 1:39.

  3. Din il-frażi eżatta mill-President Hinckely ma ġietx stampata, iżda dan hu li hemm miktub: “Offri l-aqwa li tista’ toffri, iżda kun ċert li hu verament l-aqwa” (“A Challenging Time—a Wonderful Time,” Teaching Seminary: Preservice Readings [manwal tas-Sistema Edukattiva tal-Knisja, 2004], 18). Huwa qal ukoll: “Jekk jogħġbok toqgħodx tiddispra għax toqgħod taħseb li se tfalli. Tippjanax li twettaq ħwejjeġ li huma lil hinn minn dak li kapaċi tiskeb. Sempliċiment agħmel dak li tista’, bl-aħjar mod li tista’ u l-Mulej jaċċetta l-isforzi tiegħek” (“Rise to the Stature of the Divine within You,” Ensign, Nov. 1989, 96).

  4. Ara Doctrine and Covenants 50:24.

  5. Ara Ether 12:27.

  6. David A. Bednar, “The Atonement and the Journey of Mortality,” Liahona, Apr. 2012, 14.

  7. Moroni 6:8.

  8. Mosiah 26:29–30.

  9. Jeffrey R. Holland, “The Laborers in the Vineyard,” Liahona, Mejju 2012, 33.

  10. Ara Doctrine and Covenants 19:15–19.

  11. Doctrine and Covenants 01:31.

  12. Alma 41:10.

  13. Ara Moses 4:3.

  14. Ara 2 Nephi 2:6–8.