2010-2019
“Kieku għaraftu Lili”
Ottubru 2016


“Kieku għaraftu Lili”

Aħna sempliċiment nafu dwar is-Salvatur, jew inkella qed nippruvaw insiru verament nafuh? Kif nistgħu nsiru nafu lill-Mulej?

Hekk kif is-Salvatur temm id-Diskors fuq il-Muntanja, Huwa enfasizza l-verità eterna li “l-grazzja li ssalvana tal-Iben tinkiseb biss jekk aħna nagħmlu r-rieda tal-Missier.”1

Huwa ddikjara:

“Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet.

“F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna, u mhux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’

“Imbagħad jien ngħidilhom, Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen.”2

Dan l-episodju nibdew nifhmuh ferm aktar hekk kif aħna nirriflettu fuq ir-riviżjoni spirata tal-kliem ta’ dan id-diskors. B’ mod mill-aktar sinifikanti, il-frażi tal-Mulej kif tradotta fil-Verżjoni ta’ King James tal-Bibbja bl-Ingliż, “Lilkom qatt ma kont nafkom,” ġiet mibdula fit-Traduzzjoni ta’ Joseph Smith għal “Lili qatt ma kontu tafuni.”3

Ikkunsidraw ukoll il-parabbola tal-għaxar xebbiet verġni. Ftakru li l-ħames xebbiet verġni, boloh u mhux preparati, marru biex jiksbu ż-żejt għall-imsiebaħ tagħhom wara li semgħu l-istedina biex imorru u jiltaqgħu mal-għarus.

“X’ħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq.

“Sa fl-aħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, Sinjur, Sinjur, iftħilna.

“Iżda hu weġibhom u qal, Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.”4

L-implikazzjonijiet ta’ din il-parabbola għal kull wieħed u waħda minna huma spjegati aħjar permezz ta’ reviżjoni spirata oħra. Importanti l-fatt li l-frażi “Lilkom ma nafkomx,” kif tradotta fil-Verżjoni ta’ King James tal-Bibbja bl-Ingliż, ġiet iċċarata fit-Traduzzjoni ta’ Joseph Smith għal “Lili ma tafunix.”5

Il-frażijiet “Lili qatt ma kontu tafuni” u “Lili ma tafunix” huma frażijiet li kollha kemm aħna għandna verament nirriflettu b’ mod spiritwali dwarhom. Aħna sempliċiment nafu dwar is-Salvatur jew inkella qed nippruvaw insiru verament nafuh? Kif nistgħu nsiru nafu lill-Mulej? Dawn il-mistoqsijiet tar-ruħ huma l-qofol tal-messaġġ tiegħi. B’ ħerqa nistieden l-assistenza tal-Ispirtu s-Santu hekk kif flimkien nikkunsidraw flimkien dan is-suġġett mill-aktar importanti.

Insiru Nafuh

Ġesù qal:

“Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

“Li kieku kontu tafu lili, kontu tkunu tafu lil Missieri wkoll.”6

Aħna nsiru nafu lill-Missier hekk kif insiru nafu lill-Ibnu l-Maħbub.

Oġġettiv mill-aktar importanti f’ ħajjitna hu li aħna mhux biss għandna nitgħallmu dwar l-Imnissel Waħdieni tal-Missier iżda wkoll li nagħmlu li nistgħu biex insiru nafuh. Erba’ passi essenzjali li jistgħu jgħinuna nsiru nafu lill-Mulej hu li neżerċitaw il-fidi fih, nimxu warajh, naqduh u nemmnu fih.

Neżerċitaw il-Fidi Tagħna Fih

Li neżerċitaw il-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu jfisser li aħna nafdaw fil-merti, fil-ħniena u l-grazzja Tiegħu.7 Aħna nibdew biex insiru nafu lis-Salvatur hekk kif aħna nqajmu l-fakultajiet spiritwali tagħna u nesperimentaw bit-tagħlim Tiegħu, sewwasew sakemm aħna nħallu post ġewwa ruħna għal porzjon minn kliemu.8 Hekk kif il-fidi tagħna fil-Mulej tikber, aħna nafdaw fih u jkollna fiduċja fil-qawwa Tiegħu li tifdina, tfejjaqna u tqawwina.

Il-fidi vera tiffoka fuq il-Mulej u twassal dejjem għal għemejjel tajba. “Il-fidi fi Kristu hija l-ewwel prinċipju f’ reliġjon żvelata, … is-sisien għal kull ħaġa ġusta, … u l-prinċipju li jinfluwenza l-mod kif jaġixxu l-bnedmin intelliġenti kollha.”9 Għaliex li aħna naġixxu skont il-prinċipji korretti li l-Feddej iddikjara huwa l-qofol tal-aċċettazzjoni u tat-tħaddim tal-fidi vera, “hi mejta l-fidi mingħajr għemil.”10 Aħna għandna nkunu “dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux nisimgħuha biss.”11

Li nisimgħu l-kelma ta’ Alla hija relatata mill-viċin ma’ li aħna nirċievu d-doni spiritwali tal-fidi fis-Salvatur, għaliex “il-fidi tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu.”12 Aħna nsiru nafu aħjar kemm lilu kif ukoll il-leħen Tiegħu hekk kif aħna nistudjaw u niffesteġġjaw fuq kliemu kif jinsab fl-iskrittura,13 nitolbu f’ ismu lill-Missier b’ intenzjoni ġenwina,14 u nfittxu li jkollna dejjem magħna s-sħubija tal-Ispirtu s-Santu.15 Li aħna nistudjaw u napplikaw f’ ħajjitna d-duttrina ta’ Kristu hija ħaġa mill-aktar neċessarja biex aħna nirċievu d-don tal-fidi Fih.16

Li neżerċitaw il-fidi tagħna fil-Mulej hija tħejjija mill-aktar neċessarja biex aħna nimxu warajh.

Nimxu Warajh

“U Ġesù, Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda.

“U qalilhom, Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.

“U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.”17

Pietru u Indri huma eżempji mill-aqwa ta’ nies li semgħu lill-Imgħallem u mxew warajh.

Bl-istess mod is-Salvatur jgħallimna, “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.”18 Biex wieħed jerfa’ salibu ifisser li wieħed jiċħad lilu nnifsu minn kull ħażen u kull ġibda tad-dinja u jżomm il-kmandamenti tal-Mulej.19

Is-Salvatur widdibna biex insiru bħalu.20 Għalhekk, li nixmu wara l-Mulej jinkludi wkoll li nimitawh. Aħna nkomplu nsiru nafu lill-Mulej hekk kif nagħmlu dak li nistgħu permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu biex insiru bħalu.

Fil-ministeru mortali Tiegħu, Ġesù lesta l-mogħdija, uriena t-triq u tana eżempju perfett biex nimxu warajh. “Li jkollna idea korretta tal-karattru, tal-perfezzjoni u l-kwalitajiet tiegħu”21 tipprovdilna għan dejjiem u direzzjoni ċara hekk kif aħna nimxu warajh fit-triq tagħna bħala dixxipli devoti tiegħu.

Li nimxu wara s-Salvatur jagħtina wkoll iċ-ċans li nirċievu “għarfien veru li t-triq li ninsabu mexjin fiha f’ ħajjitna”22 hija skont ir-rieda ta’ Alla. Dan l-għarfien mhuwiex xi misteru li ma nistgħux insiru nafuh u primarjament ma jiffokax fuq it-tfittxija temporali tagħna jew fuq ħwejjeġ relatati mal-ħajja tagħna fid-dinja. Pjuttost, ċertu progress sod u konsistenti tul it-triq tagħna tal-patt huwa l-mod ta’ ħajja li verament togħġob lilu.

Il-ħolma ta’ Leħi fil-Ktieb ta’ Mormon tidentifika t-triq li għandna nimxu fiha, l-isfidi li jeħtieġ li niffaċċjaw u r-riżorsi spiritwali li għandna disponibbli għalina biex jassistuna fl-isforzi tagħna li nduru lejn is-Salvatur u nimxu warajh. Li nibqgħu mexjin ‘il quddiem fit-trejqa stretta u dejqa hu dak li Huwa jridna nagħmlu. Li nduqu mill-frotta tas-siġra u li “nikkonvertu verament fil-Mulej”23 huma l-barkiet li Huwa jixtieq li aħna nirċievu. B’hekk, Huwa jsejħilna, “Ejjew, imxu warajja.”24

Kemm li aħna neżerċitaw il-fidi f’ Ġesù Kristu u li nimxu warajh huma parti mit-tħejjija neċessarja biex aħna nservuh.

Inservuh

“Għax kif bniedem jista’ jkun jaf l-imgħallem li qatt ma serva, u li għalih hu barrani, u li jinsab ‘il bogħod minn ħsibijietu u mill-intenzjoni ta’ qalbu?”25

Aħna nsiru nafu l-Mulej aħjar hekk kif aħna nservuh u naħdmu fis-saltna Tiegħu. Hekk kif nagħmlu dan, Huwa b’ tant ġenerożità jberikna bl-għajnuna divina, bid-doni spiritwali u b’ kapaċità akbar. Aħna qatt ma nitħallew weħidna hekk kif naħdmu fl-għalqa tad-dwieli Tiegħu.

Huwa ddikjara: “Għax jiena sa nkun quddiemkom. “Jiena sa nkun fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħkom, u l-Ispirtu tiegħi sa jkun f’ qalbkom, u l-anġli tiegħi jduru magħkom, biex jgħinukom.”26

Aħna nsiru nafu lis-Salvatur hekk kif aħna nagħmlu l-almu tagħna biex immorru fejn iridna mmorru Hu, hekk kif nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħidu dak li jridna ngħidu hu, u li nsiru dak li jridna nsiru Hu.27 Hekk kif b’ ubbidjenza nagħrfu li aħna niddependu kompletament minnu, Huwa jkabbar il-kapaċità tagħna li nservu b’ mod aktar effettiv. Gradwalment, ix-xewqat tagħna jkunu f’ armonija akbar max-xewqat Tiegħu u l-għanijiet Tiegħu jsiru l-għanijiet tagħna, tant illi aħna “ma nitolbux għal xi ħaġa li tmur kontra r-rieda Tiegħu.”28

Aħna jeħtieġ inservuh b’ qalbna kollha, b’ moħħna kollu u bil-qawwa tagħna kollha.29 Konsegwentament, li aħna nservu b’ mod altruwista lil ħaddieħor iwassal biex aħna negħlbu t-tendenzi egoċentriċi u egoisti tal-bniedem naturali. Aħna nsiru nħobbu lil dawk li nservu. U peress li meta nservu lil ħaddieħor inkunu qed inservu lil Alla, aħna nsiru nħobbu ferm aktar lilu u lil ħutna. Din it-tip ta’ mħabba hija manifestazzjoni tad-doni spiritwali tal-karità, sewwasew l-imħabba pura ta’ Kristu.30

“Għalhekk, għeżież ħuti, itolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbkom, sabiex tkunu mimlijin b’ din l-imħabba, li huwa sawwab fuq dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu; sabiex intom issiru wlied Alla; ħalli meta lilu aħna naraw aħna nkunu bħalu, għaliex narawh kif verament hu; sabiex ikollna din it-tama; ħalli nippurifikaw ruħna sewwasew kif inhu ppurifikat hu.”31

Aħna nsiru nafu lill-Mulej hekk kif nimtlew bl-imħabba Tiegħu.

Nemmnuh

Huwa possibbli li neżerċitaw il-fidi tagħna fih, nimxu warajh, inservuh, iżda fl-istess ħin ma nemmnuhx?

Jiena naf membri tal-Knisja li m’ għandhomx problema jaċċettaw bħala verità d-duttrina u l-prinċipji li nsibu fl-iskrittura u dawk li jiġu ddikjarati minn quddiem dan il-pulptu. U madankollu huma jsibuha bi tqila jemmnu li dawk l-istess veritajiet tal-evanġelju japplikaw speċifikament għal ħajjithom u għaċ-ċirkustanzi tagħhom. Huma qishom għandhom il-fidi fis-Salvatur iżda ma jemmnux li l-barkiet imwiegħda Tiegħu huma disponibbli wkoll għalihom jew li jistgħu jaħdmu f’ ħajjithom. Jiena niltaqa’ wkoll ma’ ħutna li jwettqu dmirhom li servu fis-sejħiet tagħhom iżda għalihom l-evanġelju rrestawrat għadu ma sarx dik ir-realtà ħajja li twassal biex tittrasforma ħajjithom. Aħna nsiru nafu lill-Mulej hekk kif aħna mhux biss nemmnu fih iżda wkoll nemmnu kemm lilu kif ukoll lil-wegħdiet Tiegħu.

Fit-Testment il-Ġdid, wieħed missier talab lis-Salvatur sabiex ifejjaq lil ibnu. Ġesù wieġeb:

“Jekk tista’, kollox jista’ jkun għal min jemmen!”

“Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu, Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi.”32

Jiena xtarrejt kemm-il darba t-talba ta’ dan il-missier: “Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi.” Ma nafx jekk l-intenzjoni tar-raġel li jitlob lill-Mulej kenitx primarjament biex jgħinu jemmen f’ Ġesù bħala l-Feddej tiegħu u fil-qawwa Tiegħu tal-fejqan. Jista’ jkun li hu diġà kien għaraf lil Kristu bħala Iben Alla. Iżda jista’ jkun ukoll li huwa kien jeħtieġ l-għajnuna biex jemmen li l-qawwa tal-fejqan tal-Imgħallem fil-fatt kienet xi ħaġa individwali u personali tant li setgħet fil-fatt tbierek lill-istess ibnu l-għażiż. Jista’ jkun li huwa kien emmen fi Kristu b’ mod ġenerali iżda ma kienx emmen fih b’ mod speċifiku u personali.

Ħafna drabi aħna nixhdu dwar dak li nafu li hu veru, iżda forsi l-aktar mistoqsija relevanti għal kull wieħed u waħda minna hi jekk aħna fil-verità nemmnux dak li nafu.

L-ordinanzi sagri li jitwettqu minn min għandu l-awtorità xierqa tas-saċerdozju huma essenzjali biex aħna nemmnu lis-Salvatur, insiru nafuh, u ultimament, nemmnu dak li aħna nafu.

“U s-saċerdozju Melkisedeku jamministra l-evanġelju u jħaddan il-muftieħ tal-misteri tas-saltna, saħansitra l-muftieħ tal-għarfien ta’ Alla.

“Għalhekk, f’ dawn l-ordinanzi, tidher il-qawwa tad-divinità.”33

Aħna nemmnu u nsiru nafu lill-Mulej hekk kif il-muftieħ tal-għarfien ta’ Alla, kif amministrat permezz tas-Saċerdozju Melkisedeku, jiftaħ beraħ il-bieb u jagħmilha possibbli biex kull wieħed u waħda minna nirċievu l-qawwa tad-divinità f’ ħajjitna. Aħna nemmnu u nsiru nafu lis-Salvatur hekk kif aħna nimxu warajh billi nirċievu u nonoraw b’ fedeltà l-ordinanzi mqaddsa u billi nirċievu x-xbieha Tiegħu fuq ħaddejna.34 Aħna nemmnu u nsiru nafu lil Kristu hekk kif personalment nesperjenzaw il-qawwa tal-Att tal-Fidwa Tiegħu li tittrasformana, tfejjaqna, tqawwina u tqaddisna. Aħna nemmnu u nsiru nafu lill-Imgħallem hekk kif “il-qawwa ta’ kelmtu tippenetra ġewwa fina”35 u tinkiteb f’ moħħna u f’ qalbna36 u hekk kif aħna “niċħdu dnubietna biex insiru nafuh.”37

Li nemmnuh ifisser li nafdaw li l-barkiet ġenerużi Tiegħu huma disponibbli u applikabbli fil-ħajja u l-familji individwali tagħna, Aħna nibdew nemmnuh b’ ruħna kollha38 hekk kif nimxu ‘l quddiem tul it-triq tal-patt, nafdaw ir-rieda tagħna f’ idejh u nissottomettu ruħna għall-prioritajiet Tiegħu u nafdaw li kollox iseħħ għall-aħjar tagħna fil-ħin tal-Mulej. Jekk aħna nemmnu fih—naċċettaw bħala verità l-qawwa u l-wegħdiet Tiegħu—aħna nistiednu f’ ħajjitna l-perspettiva, il-paċi u l-ferħ Tiegħu.

Wegħda u Testimonjanza

Fi żmien futur “kull irkoppa tmil u kull ilsien jistqarr”39 li Ġesù hu l-Kristu. F’ dak il-jum imbierek, aħna nsiru nafu li Hu jaf lil kull wieħed u waħda minna b’ isimna. U jien nixhed u nwiegħed li aħna mhux biss għandna nkunu nafu dwar il-Mulej iżda wkoll għandna nsiru nafu lilu u neżerċitaw il-fidi tagħna fih, nimxu warajh, inservuh kif ukoll nemmnuh. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.