2010-2019
Aqdu
Ottubru 2016


Aqdu

Kull membru huwa bżonnjuż, u kull membru jeħtieġ li jingħata opportunità li jservi.

Meta kont għadni tifel kont verament nieħu gost naħdem flimkien maz-Ziju Lyman u z-Zija Dorothy fir-razzett tagħhom. Iz-Ziju Lyman normalment kien ikun dak li jmexxi l-proġetti tagħna u z-Zija Dorothy ħafna drabi kienet tkun qed tassistih kif ukoll issuq il-vann l-antik. Konna verament inħossuna eċċitati meta konna nispiċċaw neħlu fit-tajn jew inkella konna nippruvaw nitilgħu xi għolja wieqfa: Iz-Ziju Lyman kien jgħajjat, “Daħħal il-gerijiet b’ mod kompost, Dorothy!” Kien f’ dak il-mument meta kont naqbad nitlob. B’ xi mod, bl-għajnuna tal-Mulej u wara ħin mhux ħażin tfittex biex issib il-gerijiet, iz-Zija Dorothy kienet iddaħħalhom b’ mod kompost. Bir-roti kollha jduru u jiċċaqalqu, il-vann kien jieħu skoss ‘il quddiem u aħna konna nkunu nistgħu nkomplu bil-ħidma tagħna.

“Iddaħħalhom b’ mod kompost” jirreferi għal meta ddaħħal ger speċjali fejn numru ta’ gerijiet jaqbdu jaħdmu flimkien biex jiġġeneraw aktar dawrien.1 Ger kompost flimkien mal-irreżjar jagħtik iċ-ċans li tnaqqas il-ger, toħloq ċerta grinta u tiċċaqlaq minn fejn tkun.

Immaġni
Gerijiet komposti

Nixtieq inħares lejna lkoll bħala parti mill-ger kompost hekk kif aħna nservu flimkien fil-Knisja—fl-oqsma u fil-fergħat, fil-kworums u fl-awżiljarji. L-istess kif il-gerijiet jikkumbinaw ruħhom flimkien biex jipprovdu qawwa akbar meta jkunu komposti, aħna jkollna qawwa akbar meta ningħaqdu flimkien. Hekk kif aħna ningħaqdu flimkien biex naqdu lil xulxin, aħna jirnexxielna nwettqu ferm aktar flimkien milli kieku jkollna naħdmu weħidna. Hija ħaġa mill-aktar eċċitanti li aħna nkunu ingaġġati u magħqudin flimkien hekk kif naqdu u nassistu fil-ħidma tal-Mulej.

Li Naqdu Hija Barka

L-opportunità li naqdu hija waħda mill-akbar barkiet li għandna bħala membri tal-Knisja.2 Il-Mulej qal, “Jekk tħobbuni għandkom taqduni,”3 u aħna naqduh billi naqdu lil ħaddieħor.4

Hekk kif aħna naqdu lil ħaddieħor, aħna nersqu aktar viċin ta’ Alla.5 Insiru nafuh b’ modi li diffiċli jirnexxielna b’ mod ieħor. Il-fidi tagħna fih tikber. Il-problemi tagħna nibdew narawhom minn ċerta perspettiva. Inħossuna aktar sodisfatti b’ ħajjitna. L-imħabba tagħna għall-oħrajn tikber, kif ukoll ix-xewqa tagħna li nservu. Permezz ta’ dan il-proċess imbierek, aħna nsiru aktar bħal Alla, u nkunu aktar imħejjija biex nerġgħu lura Għandu.6

Kif għallimna l-President Marion G. Romney: “Is-servizz mhuwiex xi ħaġa li jeħtieġ nagħmlu f’ din il-ħajja biex permezz tagħha niksbu d-dritt li ngħixu fis-saltna ċelestjali. Is-servizz huwa sewwasew l-essenza li minnha magħmula l-ħajja eżaltata fis-saltna ċelestjali.”7

Li Nservu taf Tkun Għalina Sfida

Madankollu, li nservu fil-Knisja taf tkun għalina sfida jekk aħna nintalbu li nagħmlu xi ħaġa li tbeżżagħna, jekk nispiċċaw inservu kontra qalbna jew jekk niġi msejħin biex nagħmlu xi ħaġa li għall-ewwel ma nkunux nixtiequ nagħmluha.

M’ilux jiena ġejt mitlub nagħmel biċċa xogħol. Jien kont qed inservi fir-Reġjun tal-Lbiċ tal-Afrika. Ħassejtni verament eċċitat li nservi f’ post fejn il-Knisja kienet għadha relattivament żgħira u għadha qed tistabbilixxi ruħha, u aħna verament sirna nħobbu lil dawk il-Qaddisin. Imbagħad ġejt mitlub nerġa’ lura fil-kwartieri ewlenin tal-Knisja, u biex inkun onest, ħassejt fija ferm anqas entużjażmu. Bidla fl-essajnment kienet se ġġib magħha ċerti ċirkustanzi li ma kontx familjari magħhom.

Lejla waħda wara li kont qed nikkontempla dwar din il-bidla li kont mitlub nagħmel, jiena ħlomt dwar il-buż-bużnannu tiegħi Joseph Skeen. Jien kont naf mid-djarju tiegħu li meta hu u martu, Marija, marru joqogħdu ġo Nauvoo, huwa kellu xewqa li jservi, għalhekk mar ifittex lill-Profeta Joseph Smith u staqsieh kif seta’ jgħin. Il-Profeta bagħtu biex jaħdem f’ nofs medda art u qallu biex jagħmel dak kollu li jista’, u huwa hekk għamel. Huwa mar jaħdem fir-razzett tal-familja Smith.8

Jiena bdejt nixtarr x’ privileġġ kellu Joseph Skeen li rċieva l-essajnment tiegħu b’ dan il-mod. F’ daqqa waħda rrealizzajt li jiena wkoll kelli l-istess privileġġ, kif għandna aħna lkoll. Is-sejħiet kollha tal-Knisja jiġu minn Alla—permezz tal-qaddejja maħtura Tiegħu.9

Jiena ħassejt konferma spiritwali mill-aktar distinta li l-essajnment il-ġdid tiegħi kien wieħed ispirat. Huwa importanti li aħna nagħmlu dik il-konnessjoni—li s-sejħiet tagħna letteralment jiġu minn Alla permezz tal-mexxej tas-saċerdozju tiegħu. Wara din l-esperjenza, l-attitudni tiegħi nbidlet, u jiena ħassejtni nimtela b’ xewqa li nservi. Jiena grat għall-barka tal-indiema u għall-bidla li seħħet f’ qalbi. Jiena kuntent bl-essajnment il-ġdid tiegħi.

Anke jekk naħsbu li s-sejħa tagħna tal-Knisja kienet sempliċiment l-idea tal-mexxej tagħna tas-saċerdozju jew li ġie mogħtija lilna għaliex ħadd aktar ma ried jaċċettaha, aħna żgur li nkunu mberkin hekk kif inservu. Iżda meta aħna nagħrfu l-influwenza ta’ Alla fis-sejħa tagħna u nservu b’ qalbna kollha, aħna niksbu qawwa akbar fis-servizz tagħna, u nsiru verament qaddejja vera ta’ Ġesù Kristu.

Neħtieġu l-Fidi biex Inservu

Aħna neħtieġu l-fidi biex inwettqu s-sejħiet tagħna. Ftit wara li Joseph beda jaħdem fir-razzett, hu u Marija ħassewhom verament ma jifilħux. Huma ma kellhomx flus u kien jinsabu qalb nies li għalihom kienu stranġieri. Kien żmien mill-aktar diffiċli għalihom. Fid-djarju tiegħu, Joseph kiteb, “Aħna komplejna naħdmu ftit u bqajna fidili fil-Knisja grazzi għad-daqsxejn fidi li kellna, għalkemm ix-xitan ipprova jeqridna u joħodna lura minn fejn ġejna.”10

Jiena, flimkien ma’ mijiet ta’ dixxendenti oħra, se nibqgħu eternament grati għaliex Joseph u Marija ma marrux lura minn fejn ġew. Aħna niksbu l-barkiet hekk kif nibqgħu nipperseveraw fis-sejħiet u r-responsabbiltajiet tagħna u nibqgħu fidili bil-fidi kollha li għandna.

Jiena naf waħda għalliema tad-Duttrina tal-Evanġelju mill-aktar twajba li verament tispira lill-membri tal-klassi tagħha hekk kif hija tkun qed tgħallem, iżda dan ma kienx dejjem il-kas. Wara li ngħaqdet mal-Knisja, hija rċeviet sejħa biex tgħallem fil-Primarja. Hija ħasset li ma kenitx kapaċi tgħallem, iżda peress li kienet taf l-importanza li hija sservi, hija aċċettat. Il-biża’ malajr rebħitha, u hija ma baqgħetx tattendi aktar biex b’ hekk ma jkollhiex għalfejn tgħallem. Fortunatament, l-għalliem tad-dar tagħha li nnota li hija ma baqgħetx tattendi mar iżurha u stedinha terġa’ lura. L-isqof u l-membri tal-qasam assistewha wkoll. Eventwalment, b’ fidi akbar, hija bdiet tgħallem lit-tfal. Hekk kif hija applikat il-prinċipji li bħalissa huma mgħallmin f’ Teaching in the Savior’s Way, il-Mulej bierek l-isforzi tagħha u hija saret għalliema mill-aktar kapaċi.11

Il-bniedem naturali li hemm fina lkoll hu inklinat li jħallina niskużaw ruħna milli nservu għal raġunijiet bħal “jiena għadni mhux lest biex inservi; jien baqagħli ħafna x’ nitgħallem,” “inħossni għajjien u għandi bżonn nieqaf ftit,” “jiena xjaħt wisq—issa aħjar nagħti ċans lil ħaddieħor,” jew “jiena verament għandi x’ nagħmel.”

Ħuti, li naċċettaw u nwettqu sejħa hija att ta’ fidi. Aħna nistgħu nafdaw f’ dak li l-profeta tagħna, il-President Thomas S. Monson, jgħallem ripetutament: “Lil dak li l-Mulej isejjaħ, il-Mulej jikkwalifika” u “Aħna qaddejja kkummissjonati mill-Mulej, aħna intitolati għall-għajnuna tal-Mulej.”12 Kemm jekk aħna nħossuna qed naqtgħu qalbna jew inkella mhux daqstant interessati, kemm jekk aħna nħossuna verament imbeżżgħin jew inkella imxebbgħin, il-Mulej iridna ndaħħlu l-ger, niċċaqalqu u nservu.

Jiena ma nara l-ebda sinjal fil-President Monson u fi sħabu fl-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax li huma għandhom wisq x’ jagħmlu biex iservu jew inkella li huma għajjenin wisq. Huma eżempju ħaj, b’ mod li verament jispirana lkoll, tal-qawwa li nistgħu niksbu f’ ħajjitna hekk kif aħna neżerċitaw il-fidi, naċċettaw l-essajnments li jiġu mogħtija lilna u nwettquhom b’ impenn u dedikazzjoni. Huma “xammru l-kmiem”13 bosta snin ilu, u huma jkomplu jimbuttaw u jimxu ‘l quddiem u ‘l fuq.

Iva, huma jinsabu jservu f’ sejħiet importanti, iżda kull sejħa jew essajnment huma importanti. Il-President Gordon B. Hinckley, li kien profeta u President tal-Knisja, qal: “Aħna lkoll ninsabu f’ din il-ħidma flimkien. “L-obbligu li intom għandkom fl-isfera ta’ responsabbiltà tagħkom huwa kbir daqs kemm hu l-obbligu tiegħi fl-isfera tiegħi. L-ebda sejħa f’ din il-knisja mhi żgħira jew insinifikanti.”14 Kull sejħa hija importanti.15

Ejjew Inservu

Ejjew inwieġbu għas-sejħa tagħna b’ fidi, “inxammru l-kmiem,” u mmexxu ‘l quddiem din “il-ħidma denja.”16 Ejjew “indaħħlu l-gerijiet komposti,” flimkien mal-fidila Zija Dorothy. Ejjew inservu bħala aħwa.

Jekk tixtiequ tagħmlu lill-isqof, jew lill-president tal-fergħa tagħkom, bniedem mill-aktar ferħan, staqsuh il-mistoqsijiet “Kif nista’ ngħin?” “Fiex iridni nservi l-Mulej?” Hekk kif huwa jitlob u jikkunsidra r-responsabbiltajiet personali, tal-familja u tal-impjieg tagħkom, huwa jkun ispirat li jestendilkom sejħa li tkun xierqa għalikom. Hekk kif intom tiġu distinti, intom tirċievu barka saċerdotali biex tgħinkom tirnexxu. Intom tkunu mberkin! Kull membru huwa bżonjuż, u kull membru jeħtieġ li jingħata opportunità li jservi.17

Ġesù Kristu Huwa l-Eżemplar Tagħna

Ġesù Kristu, l-Eżemplar il-kbir tagħna, ta ħajtu għall-ħidma ta’ Missieru. Fil-Gran Kunsill qabel ma ġiet imwaqqfa d-dinja, Ġesù, magħżul u midluk mill-bidu nett, offra lilu nnifsu, “Hawn jien, ibgħat lili.”18 Meta għamel dan, Huwa letteralment sar il-qaddej tagħna lkoll. Permezz ta’ Ġesù Kristu u l-qawwa li aħna nirċievu permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, aħna wkoll nistgħu nservu. Huwa jgħinna nagħmlu dan.19

Jiena nestendi l-imħabba mqanqla tiegħi lilkom ilkoll li bħalissa ma tistgħux isservu fil-Knisja bil-mod tradizzjonali minħabba ċerti ċirkustanzi personali iżda qed tgħixu ħajjitkom fi spirtu ta’ servizz. Jiena nitlob li intom tkunu mberkin għall-isforzi tagħkom. Jiena nesprimi wkoll l-apprezzament tiegħi lejn dawk kollha li jkabbru s-sejħa tagħhom ġimgħa wara ġimgħa, kif ukoll lejn dawk kollha li dalwaqt se jaċċettaw is-sejħa biex huma jservu. Il-kontribuzzjonijiet u s-sagrifiċċji kollha huma apprezzati, speċjalment minn Dak li lilu aħna nservu. Dawk kollha li jservu se jirċievu l-grazzja ta’ Alla.20

Għandna kemm għandna età jew huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, jalla s-servizz ikun il-“motto” tagħna.21 Servu fis-sejħa tagħkom. Servu missjoni. Servu lil ommkom. Servu lil xi ħadd barrani. Servu lil ġar tagħkom. Sempliċiment araw li sservu.

Jalla l-Mulej ibierek lil kull wieħed u waħda minna fl-isforzi tagħna li nservu u nsiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu.22 Jiena nixhed li Huwa jgħix u jinsab jidderieġi din il-ħidma. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara “Compound Gears,” technologystudent.com/gears1/gears3.htm; “Compound Gear Reduction,” curriculum.vexrobotics.com.

  2. Ara Preach My Gospel: A Guide to Missionarie Service (2004), 87.

  3. Doctrine and Covenants 42:29; ara wkoll Doctrine and Covenants 59:5.

  4. Ara Mattew 25:40; Mosiah 2:17.

  5. Ara Ġwanni 12:26.

  6. Ara Doctrine and Covenants 81:4–6.

  7. Marion G. Romney, “The Celestial Nature of Self-Reliance,” Ensign, Nov. 1982, 93.

  8. Ara Joseph Skeen, reminiscences and diary, 7, Church History Library, Salt Lake City; ara wkoll Journal and History of Joseph Skeen, ed. Greg S. Montgomery and Mark R. Montgomery (1996), 23.

  9. Ara Doctrine and Covenants 1:38; Artikli tal-Fidi 1:5.

  10. Skeen, reminiscences and diary, 8, l-ispelling u l-punteġġatura miktuba b’ mod standard; ara wkoll Journal and History of Joseph Skeen, 23; Luqa 22:31; 2 Nephi 28:19–24; Alma 30:60; Doctrine and Covenants 10:22–27.

  11. Ara Teaching in the Savior’s Way (2016), 37–38; Handbook 2: Administering the Church (2010), 5.3, 5.5.4.

  12. Thomas S. Monson, “Duty Calls,” Ensign, Mejju 1996, 44.

  13. “Put Your Shoulder to the Wheel,” Hymns, no. 252.

  14. Gordon B. Hinckley, “This Is the Work of the Master,” Ensign, Mejju 1995, 71.

    Il-President Hinckley qal ukoll: “Intom għandkom opportunità kbira li jkollkom sodisfazzjon fil-mod kif twettqu d-dmir tagħkom daqs kemm għandi opportunità jiena. Il-progress ta’ din il-ħidma jiġi determinat mill-isforz tagħna lkoll. Hi x’inhi s-sejħa tagħkom, din toffrilkom l-istess opportunità biex twettqu t-tajjeb daqs kemm toffri tiegħi. L-aktar ħaġa importanti hi li din hija l-ħidma tal-Imgħallem. Il-ħidma tagħna hi li mmorru nagħmlu l-ġid kif għamel Hu” (“This Is the Work of the Master,” 71).

    Il-President Thomas S. Monson qal: “Kif wieħed jista’ jkabbar is-sejħa tiegħu? Sempliċiment billi jwettaq is-servizz marbut magħha” (“Duty Calls,” 43).

  15. Ara Alma 37:6.

  16. “Put Your Shoulder to the Wheel,” Hymns, no. 252.

  17. Ara Handbook 2, 3.3.1, 3.3.3, 19.1.1, 19.4. “Permezz tas-servizz tal-irġiel u n-nisa u s-subien u l-bniet, titwettaq il-ħidma ta’ Alla” (Gospel Principles [2009], 163).

  18. Abraham 3:27.

  19. Ara Doctrine and Covenants 76:5.

  20. Ara Mosiah 18:26.

  21. “They, the Builders of the Nation,” Hymns, no. 36.

  22. Ara Moroni 7:48.