2010-2019
Ix-Xewqa Sinċiera tar-Ruħ
Ottubru 2016


Ix-Xewqa Sinċiera tar-Ruħ

Kull mument prezzjuż li ngħaddu nitolbu jista’ jkun għalina ħin qaddis li aħna nqattgħu ma’ Missierna, f’ isem l-Iben, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Fit-taqbid tal-mortalità, aħna qatt ma nitħallew weħidna biex inwettqu dak li għandna nwettqu, biex niġġieldu l-battalji tagħna, biex niffaċċjaw l-avversità jew ċerti mistoqsijiet li għad m’għandniex tweġiba għalihom. Ġesù Kristu għallem permezz ta’ parabbola “li huma għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu.” Huwa tkellem dwar wieħed imħallef li ma kienx jonora lil Alla u ma kienx jimpurtah mill-umanità. Ripetutament, waħda armla kienet tmur għandu, titolbu bil-ħerqa biex issir ġustizzja magħha kontra l-avversarju tagħha. Għal xi żmien, l-imħallef ma għamel xejn biex jikkuntentaha. Iżda minħabba l-insistenza kontinwa u persistenti tagħha, l-imħallef finalment ħaseb, “Għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.”

Imbagħad Ġesù spjega:

“Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq … ?

“Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq.”

Imbagħad il-Mulej staqsa din il-mistoqsija: “Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”1

It-talb huwa ħaġa mill-aktar essenzjali biex niżviluppaw il-fidi. Meta l-Mulej jerġa’ jiġi, se jsib Huwa nies li jafu jitolbu bil-fidi u li huma lesti li jirċievu s-salvazzjoni? “Għax kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva.”2 Aħna wlied Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna u aħna nistgħu ngawdu milli jkollna komunjoni personali miegħu meta aħna nitolbuh “b’ qalb sinċiera, b’ intenzjoni vera, b’ fidi fi Kristu”3 u mbagħad naġixxu skont it-tweġiba li nirċievu permezz tas-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu. B’ fidi aħna nitolbu, nisimgħu u nobdu, sabiex inkunu nistgħu nitgħallmu nsiru ħaġa waħda mal-Missier u l-Iben.4

It-talba tal-fidi tiftaħ it-triq biex aħna nirċievu l-barkiet glorjużi mibgħutin lilna mis-smewwiet. Is-Salvatur għallem:

“Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom.

“Għax kull min jitlob, jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu.”5

Jekk nistennew li nirċievu, jeħtieġ li nitolbu, infittxu u nħabbtu. Meta kien qed ifittex biex ikun jaf il-verità, Joseph Smith qara mill-iskrittura, “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’ id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu”6 Bi tweġiba għat-talba ta’ fidi tiegħu, infetħu s-smewwiet. Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu, niżlu fil-glorja u tkellmu ma’ Joseph Smith, u taw bidu għad-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet. Għalina, il-fejqan mirakoluż, il-protezzjoni divina, l-għarfien divin, il-maħfra li teħlisna u l-paċi prezzjuża huma wħud mill-ħwejjeġ li aħna nirċievu meta aħna noffru b’ fidi “ix-xewqa sinċiera tar-ruħ.”7

Aħna nitolbu lil Missierna f’ isem Ġesù Kristu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, u b’ hekk nistiednu t-tliet membri tad-Divinità fit-talb tagħna.

Aħna nitolbu lil Missierna tas-Smewwiet u lilu biss għaliex Hu “Alla fis-smewwiet, li hu infinit u etern, minn dejjem għal dejjem … , l-arkitett tas-sema u l-art u dak kollu li hemm fihom.” Bħala l-Ħallieq tagħna, Huwa tana kmandamenti li għandna “nħobbuh u nservuh, l-uniku Alla veru u ħaj, u li huwa għandu jkun l-uniku esseru li lilu għandna nqimu.””8

Hekk kif intom titolbu b’ fidi lil Missierkom tas-Smewwiet, “hu jikkonslakom fis-sofferenza tagħkom.”9 Il-President Henry B. Eyring qasam magħna kif permezz tat-talb ta’ missieru hekk kif kien qed jissielet il-marda mitlufa tal-kanċer huwa tgħallem ir-relazzjoni personali u profonda ta’ bejn Alla u wliedu:

“Meta l-uġigħ beda jsir aktar intens, aħna sibnieh hemm filgħodu għarkupptejh ħdejn is-sodda. Kien qed iħossu wisq dgħajjef biex jerġa’ jidħol lura fis-sodda. Huwa qalilna li kien qed jistaqsi lil Missierna tas-Smewwiet għaliex kellu jsofri daqstant meta huwa dejjem ipprova jgħix ħajja tajba. Huwa qal li kien irċieva tweġiba li wrietu l-ħniena ta’ Alla: ‘Alla jeħtieġ li jkollu miegħu wlied qalbenin.’

“U għalhekk huwa baqa’ għaddej b’ kuraġġ sat-tmiem, b’ fidi soda li Alla kien iħobbu, kien sema’ t-talb tiegħu u kien se jwasslu sa ħdejh. Huwa kien imbierek li dan hu kien ilu jafu minn meta kien għadu żgħir u li qatt ma nesa li Alla li tant kien iħobbu kien jinsab dejjem viċin tiegħu jekk huwa sempliċiment idur lejh u jitlob.”10

Nitolbu f’ isem Ġesu Kristu għaliex is-salvazzjoni tagħna tinsab fi Kristu, u “imkien mis-sema ‘l isfel ma hemm isem ieħor mogħti lill-bniedem li bih aħna għandna nkunu salvi.”11 Aħna nistgħu mmorru għand il-Missier fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu12 għaliex Hu l-Avukat tagħna mal-Missier u Huwa jiddefendi l-kawża tagħna.13 Huwa sofra, ċarċar demmu u miet biex jigglorifika lil Missieru u l-petizzjoni kollha ħniena tiegħu f’ isimna tiftaħ it-triq lil kull wieħed u waħda minna biex aħna niksbu l-paċi f’ din il-ħajja u l-ħajja ta’ dejjem fid-dinja li jmiss. Huwa ma jridx li aħna nsofru aktar jew nikkumbattu aktar sfidi milli hemm bżonn. Huwa jridna nduru lejh u nħalluh itaffi t-tagħbija tagħna, ifejjaq qlubna u jnaddaf ruħna permezz tal-qawwa Tiegħu li ssaffina. Ma rridux insemmu ismu għalxejn b’ ħafna kliem ripetut li nkunu tgħallimnieh bl-amment. It-talb sinċier tagħna fl-isem imqaddes ta’ Ġesù Kristu huwa espressjoni tal-imħabba devota tagħna, tal-gratitudni eterna tagħna u tax-xewqa kbira tagħna li nitolbu kif talab Hu, li nagħmlu dak li għamel hu u li nsiru bħalu.

Aħna nitolbu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu għaliex “dak li jitlob fl-Ispirtu jitlob skont ir-rieda ta’ Alla.”14 Meta aħna nitolbu bil-fidi, l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jiggwida ħsibijietna biex kliemna jkun f’ armonija mar-rieda ta’ Alla. “Titolbux biex intom tirċievu dak li jixtieq ġisimkom, iżda itolbu b’ fidi soda li ma taqgħux fit-tentazzjoni, iżda li taqdu lil Alla veru u ħaj.”15

“Mhux biss importanti li għandna nkunu nafu kif nitolbu, iżda daqstant huwa importanti li nkunu nafu kif nistgħu nirċievu tweġiba għal talbna, li nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin, li nżommu għajnejna miftuħin, li nkunu kapaċi naraw u nifhmu b’ ċarezza l-intenzjoni tar-rieda ta’ Alla u l-għan Tiegħu għalina.”16

Il-President Eyring qasam magħna dan il-kliem: “Bosta drabi talbi ġie mwieġeb. L-aktar tweġibiet ċari kienu meta dak li jiena ridt ġie injorat minħabba l-bżonn urġenti li jiena nsir naf dak li jrid Alla. Huwa f’ dak il-mument li Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna jkellimni f’ moħħi permezz tal-leħen sieket u ċkejken u bi kliem li jitnaqqax ġewwa qalbi.”17

Immaġni
Kristu mal-Appostli
Immaġni
Kristu fil-Ġetsemani

Hekk kif is-Salvatur daħal fil-Ġnien tal-Ġetsemani, ruħu kienet mimlija niket, sewwasew niket tal-mewt. Fl-agunija Tiegħu, seta’ jdur biss lejn Missieru. Huwa talab, “Jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi.” Iżda Huwa kompla, “Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.”18 Għalkemm mingħajr dnub, is-Salvatur ġie msejjaħ sabiex “isofri wġigħ, tbatija u tentazzjoni,” inkluż il-mard u s-sofferenza tal-poplu Tiegħu. “Huwa sofra skont il-ġisem sabiex ikun jista’ jieħu fuqu d-dnubiet tal-bnedmin, sabiex huwa jkun jista’ jnaddafhom mit-trasgressjonijiet tagħhom skont il-qawwa tal-fidwa tiegħu.”19 Tliet darbiet Huwa talab, “Missier, ikun li trid int.”20 It-tbatija baqa’ ma ħelisx minnha. Permezz ta’ talba ta’ fidi mill-aktar umli Huwa ġie mogħti l-qawwa li jibqa’ jissapporti b’ kuraġġ u jwettaq il-missjoni divina Tiegħu biex iħejji għas-salvazzjoni tagħna, sabiex aħna nkunu nistgħu nindmu, nemmnu, nobdu u niksbu l-barkiet tal-eternità.

Immaġni
Kristu jitlob fil-Ġetsemani

It-tweġibiet li aħna nirċievu għat-talb tagħna jafu ma jkunux dawk li aħna nixtiequ. Iżda f’ mumenti ta’ nkwiet, it-talb tagħna jsir għalina s-sapport kollu mħabba u ħniena ħelwa li nkunu neħtieġu. Fit-talb tagħna, aħna niksbu l-qawwa biex nibqgħu għaddejjin b’ kuraġġ u nwettqu dak kollu li ġejna ordnati biex inwettqu. Lill-Qaddisin kollha li jinsabu jgħixu fi żminijiet perikolużi, il-Mulej jgħidilhom, “Ħallu qalbkom titfarraġ … ; għax kull bniedem jinsab f’ idejja; Isktu u kunu afu li jien Alla.”21

Kemm jekk nitolbu weħidna, mal-familji tagħna, fil-knisja, fit-tempju jew kull fejn inkunu ninsabu; kemm jekk nitolbu b’ qalb maqsuma u spirtu sogħbien hekk kif infittxu li niksbu l-maħfra, l-għerf divin jew sempliċiment il-qawwa li nibqgħu nikkumbattu sat-tmiem, aħna nitolbu dejjem b’ qalb kollha mħabba li noffruha kontinwament lil Alla għall-benesseri tagħna u l-benesseri ta’ dawk ta’ madwarna. Ix-xewqat sinċiera tagħna li aħna noffru fi spirtu ta’ gratitudni għall-barkiet abbundanti li ksibna u gratitudni għal-lezzjonijiet li tgħallima f’ ħajjitna jimlew qalbna b’ fidi soda fi Kristu, “tama ta’ dija perfetta,” “u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha.”22

Dan huwa don mingħand Alla. Qatt m’ għandna nħossuna mitlufin jew weħidna. Jiena nixhed li kull mument prezzjuż li ngħadduh nitolbu jista’ jkun għalina ħin qaddis li aħna nqattgħu ma’ Missierna, f’ isem l-Iben, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.