2010-2019
Il-Pjan Kbir ta’ Fidwa
Ottubru 2016


Il-Pjan Kbir ta’ Fidwa

Jiena naf li meta aħna sinċerament nindmu minn dnubietna, aħna nkunu qed neħilsu minnhom kompletament—mingħajr ma tibqa’ l-ebda traċċa tagħhom ġewwa fina!

Ftit xhur ilu, qabel miet il-President Boyd K. Packer, bħala mexxejja ġenerali tas-saċerdozju u awżiljari kellna l-opportunità prezzjuża li nisimgħuh ikellimna f’ laqgħa li kellna miegħu. Dak li qalilna ma stajtx ineħħih b’ xejn minn moħħi. Huwa qalilna li huwa kien beda jikkontempla dwar dak kollu li kien għamel f’ ħajtu, fejn beda jipprova jsib xi evidenza ta’ xi dnubiet li huwa kien wettaq u li sinċerament kien nidem minnhom, u ma seta’ jsib l-ebda traċċa tagħhom. Minħabba s-sagrifiċċju tat-tpattija tas-Salvatur għażiż tagħna, Ġesù Kristu, u permezz tal-indiema sinċiera tiegħu, dnubietu kien għebu kompletament, bħallikieku qatt ma kien wettaqhom. Il-President Packer imbagħad talabna biex bħala mexxejja nixhdu li dan huwa kollu minnu għal kull wieħed u waħda minna li verament nindmu.

Jiena naf wieħed raġel li bosta snin ilu kien involut f’ ċerti trasgressjonijiet morali. Għal xi żmien, dan ir-raġel ħassu imbarazzat u nkwetat wisq biex jiftaħ qalbu ma’ martu u mal-mexxej tiegħu tas-saċerdozju. Huwa ried li jindem verament iżda fil-fatt iddikjara li kien jippreferi jipperikola s-salvazzjoni eterna tiegħu milli jgħaddi lill-mara tiegħu u lil uliedu min-niket, mill-mistħija jew minn xi konsegwenzi oħra li seta’ jkun hemm jekk huwa jiddeċiedi li jistqarr magħhom għemilu.

Meta aħna nidinbu, Satana ħafna drabi jipprova jikkonvinċina li l-aktar ħaġa altruwista li nista’ nagħmlu hi li nipproteġu lill-oħrajn mill-imrar li huma jistgħu jesperjenzaw jekk isiru jafu bi dnubietna, kif ukoll nevitaw li nistqarru dan mal-isqof tagħna, li jista’ jbierek ħajjitna permezz tal-imfietaħ tas-saċerdozju tiegħu bħala mħallef ġenerali f’ Iżrael. Madankollu, il-verità hi li l-aktar ħaġa altruwista u li tixbah lil Kristu li nistgħu nagħmlu hi li nistqarru għemilna u nindmu. Dan huwa l-pjan kbir ta’ fidwa ta’ Missierna tas-Smewwiet.

Finalment, dan ir-raġel għażiż stqarr għemilu mal-mara fidila tiegħu u mal-mexxejja tiegħu tal-Knisja, fejn huwa wera rimors mill-aktar profond. Għalkemm kienet l-aktar ħaġa diffiċli li huwa qatt kien għamel, is-sentimenti ta’ serħan il-moħħ, ta’ paċi, gratitudni, imħabba lejn is-Salvatur tagħna u tal-għarfien li huwa kellu li l-Mulej kien qed ineħħi minn fuqu t-tagħbija tqila tiegħu u fil-fatt jerfgħu f’ dirgħajh, wassluh biex iħoss fih ferħ aktar milli kien qatt immaġina, ikunu xi jkunu l-konsegwenzi u l-futur tiegħu.

Immaġni
Is-Salvatur ifarraġ

Huwa kien jinsab ċert li martu u wliedu kienu se jħossuhom ixxokkjati—u fil-fatt hekk ħassewhom; u li seta’ jesperjenza xi azzjoni dixxiplinarja kif ukoll jiġi diżonerat mis-sejħa tiegħu—kif fil-fatt ġara. Huwa kien ċert li martu kienet se tħossha qalbha miksura, imweġġa’ u rrabjata—u fil-fatt hekk ħassitha. U huwa kien konvint li hi kienet se titilqu, u tieħu magħha lil uliedhom—iżda fil-fatt dan ma għamlitux.

Xi kultant ċerti trasgressjonijiet serji jwasslu għad-divorzju u jiddependi miċ-ċirkustanzi, dan jaf ikun xi ħaġa neċessarja. Iżda b’ għaġeb kbir għal dan ir-raġel, martu ħaddnitu magħha u ddedikat ruħha biex tgħinu b’ kull mod li setgħet. Maż-żmien, hija waslet biex ħafritlu kompletament. Hija ħasset il-qawwa tal-fejqan tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur għaliha. Issa li għaddew is-snin, din il-koppja u t-tliet uliedhom huma membri mill-aktar sodi u fidili. It-tnejn li huma servew flimkien fit-tempju u kellhom żwieġ mill-aktar meraviljuż u mimli mħabba. Il-profondità tat-testimonjanza ta’ dan ir-raġel u l-imħabba u l-gratitudni tiegħu lejn is-Salvatur huma mill-aktar evidenti f’ ħajtu.

Amuleki xehed, “Nitlobkom sabiex tersqu lejh u ma twebbsux qalbkom aktar; … jekk intom tindmu … , il-pjan kbir ta’ fidwa jibda jaħdem fikom b’ mod immedjat.”1

Għodwa waħda, meta jiena kont qed inservi flimkien ma’ żewġi hekk kif huwa kien qed jippresedi fuq missjoni, aħna morna l-ajruport biex niġbru grupp kbir ta’ missjunarji. L-attenzjoni tiegħi marret fuq wieħed żagħżugħ partikolari. Huwa kien jidher imdejjaq u imtaqqal ħafna, kważi kważi fi stat ta’ miżerja. Dak il-wara nofsinhar aħna żammejna għajnejna fuqu. Sa filgħaxija, dan iż-żagħżugħ stqarr magħna xi ħaġa li kienet ilha ferm tinkwetah, u l-mexxejja tiegħu ddeċidew li huwa kellu bżonn imur lura d-dar. Għalkemm aħna konna verament imnikktin għaliex huwa ma kienx onest biżżejjed u ma kienx nidem qabel ma ġie jservi missjoni, fi triqitna lejn l-ajruport b’ sinċerità u b’ imħabba aħna lkoll faħħarnieh talli kellu l-kuraġġ li jistqarr għemilu u aħna wegħidnieh li konna se nibqgħu f’ kuntatt miegħu mill-viċin.

Dan iż-żagħżugħ twajjeb kien imbierek li għandu ġenituri mill-aktar meraviljużi, mexxejja tas-saċerdozju twajbin u qasam mimli membri li lilu wrewh is-sapport u l-imħabba tagħhom. Wara sena jaħdem iebes biex jindem kompletament u b’ hekk seta’ jħalli l-Att tal-Fidwa tas-Salvatur jaħdem f’ ħajtu, huwa rnexxielu jerġa’ lura fil-missjoni tagħna. Huwa diffiċli għalija niddeskrivi s-sentimenti ta’ ferħ li jiena ħassejt hekk kif aħna morna niġbru lil dan iż-żagħżugħ mill-ajruport. Huwa kien mimli Spirtu, kuntent, kunfidenti quddiem il-Mulej, u anzjuż li jwettaq missjoni onorabbli. Huwa sar missjunarju mill-aqwa, u aktar tard żewġi u jien kellna l-privileġġ li nattendu l-issiġillar tiegħu tat-tempju.

Kuntrarju għal dan, jiena naf b’ missjunarju oħra li, għax kienet taf li d-dnub li ma kenitx stqarret qabel il-missjoni kien seta’ jwassalha biex hija tintbagħat lura d-dar kmieni fil-missjoni tagħha, fasslet pjan hija stess biex waqt il-missjoni hija taħdem iebes u mbagħad tistqarr għemilha mal-president tal-missjoni ftit jiem qabel ittemm il-missjoni tagħha. Hija ma esperjenzatx is-swied il-qalb kif irid Alla u ppruvat tevita l-pjan li s-Salvatur tagħna li tant iħobbna offra għal kull wieħed u waħda minna.

Darba waħda, waqt il-missjoni tagħna, jiena mort nakkumpanja lir-raġel tiegħi meta huwa mar jintervista lil wieħed raġel għall-magħmudija. Waqt li r-raġel tiegħi kien għaddej bl-intervista, jiena bqajt nistenna barra flimkien mal-missjunarja li għallmet lil dan ir-raġel. Meta kienu lesti mill-intervista, żewġi informa lill-missjunarji li dan ir-raġel kien jinsab lest għall-magħmudija. Dan ir-raġel għażiż beka fuq li beka hekk kif huwa spjega li kien jinsab ċert li d-dnubiet serji li huwa kien wettaq f’ ħajtu kienu se jżommuh milli jitgħammed. Rari f’ ħajti rajt daqstant ferħ u hena f’ xi ħadd li għadda mid-dlam għad-dawl daqs kemm rajt dak inhar.

Immaġni
Is-Salvatur jipprovdi t-tama

Il-Presbiteru D. Todd Christofferson xehed:

“B’ fidi fil-Feddej kollu ħniena tagħna u fil-qawwa Tiegħu, is-sentimenti tagħna ta’ disperazzjoni jinbidlu f’ tama. Il-qalb u x-xewqat ta’ dak li jkun jinbidlu, u d-dnub li qabel kien jidher tant attraenti jsir xi ħaġa ta’ min jistmerru. …

“… Ikun xi jkun il-prezz tal-indiema, dan jiġi megħlub mill-ferħ tal-maħfra.”2

Dawn l-esperjenzi jfakkruni f’ Enos fil-Ktieb ta’ Mormon, li “talab lill-Mulej b’ ħerqa kbira” u mbagħad sema’ leħen jgħidlu, “Enos, dnubietek maħfura. …

”U jiena, Enos, kont naf li Alla ma jigdibx; għalhekk, il-ħtija tiegħi ħallietni.

”U jiena għidt: Mulej, kif jista’ jkun dan?

”U huwa qalli: Minħabba l-fidi tiegħek fi Kristu. … Mur, il-fidi tiegħek fejqitek.”3

Meta kont qed inħejji għal dan id-diskors, jien xtaqt li jkolli idea tajba x’ jifhmu n-neputijiet tagħna b’indiema u kif iħossuhom huma dwar is-Salvatur, għalhekk jiena tlabt lil uliedi sabiex jistaqsuhom dawn il-mistoqsijiet li ġejjin. Jiena ħassejtni kommossa bir-rispons tan-neputijiet tagħna.

X’inhi l-indiema? “Meta tweġġa’ lil xi ħadd, inti tista’ tgħid ‘skużani’ u tgħinhom jerġgħu jqumu.”

Mela kif tħossukom meta tindmu? “Lilu tistgħu tħossuh verament; tistgħu tħossu imħabbtu u kull sentiment ħażin li jkun hemm ġo fikom iħallikom.”

Kif tħossukom dwar Ġesù u Missierna tas-Smewwiet meta intom tindmu verament? “Inħoss li Ġesù jħoss li kien verament ta’ siwi li Huwa jwettaq l-Att tal-Fidwa u Huwa jixtieq li aħna nerġgħu mmorru ngħixu miegħu mill-ġdid.

Għalfejn Ġesù u Missierna tas-Smewwiet iriduni nindem? Permezz ta’ kliem in-neputi adoloxxenti tiegħi: “Għaliex Huma jħobbuni! Biex jiena navvanza u nsir bħalhom, jeħtieġ li jien nindem. Irrid ukoll li l-Ispirtu jkun miegħi, għalhekk jeħtieġ li jien nindem kuljum biex jiena nkun den ta’ din is-sħubija meraviljuża. M’għandix kliem biżżejjed biex lilhom nirringrazzjahom.”

Meta Brynlee, li kellha erba’ snin, semgħet dawn il-mistoqsijiet, hija qalet, “Ma nafx, Pa. Għallimni.”

Immaġni
Brynlee u missierha

F’ konferenza ġenerali tal-passat, il-Presbiteru Jeffrey R. Holland iddikjara: “Madankollu taħseb kemm taħseb li għalik issa tard wisq, taħseb kemm taħseb li tlift kull opportunità li kellek, tħoss kemm tħoss li wettaqt żbalji … , jew taħseb kemm taħseb li tinsab ‘il bogħod mid-dar, mill-familja u minn Alla, jiena nixhed li inti qatt ma tinsab ‘il bogħod mill-imħabba divina Tiegħu. Żgur li ma jistax ikun li tinsab ġo wied fond tant li ma jistax jintlaħaq mid-dawl tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu.”4

O, kemm nixtieq li kull wieħed u waħda minn uliedi, min-neputijiet tiegħi u kull wieħed u waħda minnkom, ħuti, tesperjenzaw il-ferħ u l-ħbiberija ma’ Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu hekk kif kuljum intom tindmu mid-dnubietkom u mid-dgħjufijiet tagħkom. Kull tifel u tifla responsabbli ta’ Missierna tas-Smewwiet jeħtieġu l-indiema. Ikkunsidraw xi dnubiet li jeħtieġ li nindmu minnhom. X’inhu jżommna? Fiex jeħtieġ li navvanzaw?

Jiena naf, kif esperjenza u xehed il-President Packer, li meta aħna sinċerament nindmu minn dnubietna, aħna verament neħilsu minnhom kompletament—mingħajr ma jibqa’ l-ebda traċċa tagħhom fikom! Hekk kif jiena indimt b’ sinċerità, jiena personalment ħassejt fija l-imħabba, il-ferħ u s-serħan il-moħħ, u erġajt bdejt inħossni kunfidenti quddiem il-Mulej.

Għalija, l-akbar mirakli fil-ħajja mhumiex li jiġi sseparat il-Baħar l-Aħmar, li jiċċaqalqu l-muntanja jew saħansitra il-fejqan tal-ġisem. L-akbar miraklu jseħħ meta b’ umiltà aħna nersqu permezz tat-talb tagħna quddiem Missierna tas-Smewwiet, nitolbuh b’ qawwa sabiex jaħfrilna, u mbagħad Huwa jnaddafna minn dawk id-dnubiet permezz tas-sagrifiċċju tat-tpattija tas-Salvatur tagħna. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Alma 34:31.

  2. D. Todd Christofferson, “The Divine Gift of Repentance, Liahona, Nov. 2011, 40.

  3. Enos 1:4–8.

  4. Jeffrey R. Holland, “The Laborers in the Vineyard,” Liahona, Mejju 2012, 33.