2010-2019
L-Indiema: Għażla ta’ Ferħ
Ottubru 2016


L-Indiema: Għażla ta’ Ferħ

L-indiema mhux biss hi ħaġa possibbli iżda wkoll hija ħaġa ta’ ferħ minħabba s-Salvatur tagħna.

Għeżież ħuti, meta jiena kelli 12-il sena, aħna konna ngħixu ġewwa Goteborg, belt li tinsab mal-kosta fin-nofsinhar tal-Isvezja. Nixtieq insemmi li hija l-belt minn fejn kien ġej l-għażiż ħabib tagħna l-Presbiteru Per G. Malm,1 li ħalliena s-sajf li għadda. Nimmisjawh ħafna. Aħna grati għall-karattru nobbli tiegħu u s-servizz nobbli tiegħu u għall-eżempju tal-familja verament adorabbli tiegħu. U aħna ċertament nitlobu biex huma jiksbu l-akbar barkiet ta’ Alla.

Ħamsin sena ilu, aħna konna nattendu l-knisja ġewwa dar kbira kkonvertita. Darba waħda l-Ħadd, sieħbi Steffan,2 li kien l-uniku djaknu ieħor fil-fergħa, laqagħni fil-knisja mimli eċċitament. Aħna morna fil-parti li kienet tintuża bħala estenzjoni tal-kappella u mill-but tiegħu ħareġ it-trikkitrakki flimkien ma’ ftit sulfarini. F’ att ta’ bravura ta’ żagħżugħ li kont, jiena ħadt f’ idi t-trikkitrakki u tajt in-nar lill-miċċa griża u twila. L-intenzjoni tiegħi kienet li nitfiha malajr b’ subgħajja qabel tieħu. Iżda hekk kif kont qed nagħmel dan jiena ħraqt subgħajja u spiċċajt waqqajt it-trikkitrakki mal-art. Jien u Steffan inħkimna minn terrur hekk kif rajna l-miċċa tkompli taqbad.

It-trikkitrakki splodew u spiċċaw imlew il-kamra li konna fiha kif ukoll il-kappella bid-duħħan. B’ għaġġla aħna bdejn niġbru l-biċċiet tat-trikkitrakki li kienu mferxxin ma’ kullimkien u ftaħna t-tieqa biex nippruvaw nitfgħu lir-riħa ‘l barra, fejn ta’ boloh li konna bdejna nittamaw li ħadd ma jinduna b’ dak li ġara. Fortunatament, ħadd ma weġġa’ u ma saret l-ebda ħsara.

Hekk kif il-membri bdew ġejjin għal-laqgħa, huma nnotaw r-riħa mill-aktar intensa. Kien diffiċli ma tindunax biha. Ir-riħa tellfet min-natura sagra tal-laqgħa. Peress li konna verament ftit li nħaddnu s-Saċerdozju Aroniku—u hekk kif bdejt nipprova nagħmel distinzjoni bejn dak li kont għadni kif għamilt u dak li kont qed nieħu sehem fih f’ dak il-ħin—jiena għaddejt is-sagrament, madankollu jien ma ħassejtnix den li niekol u nixrob mill-eblemi tiegħu. Meta offrewli l-kontenitur tas-sagrament, jiena la ħadt mill-ħobż u lanqas mill-ilma. Ħassejtni orribbli. Ħassejtni verament imbarazzat u kont naf li dak li għamlit ma kienx jogħġob lil Alla.

Wara l-knisja, il-president tal-fergħa, Frank Lindberg, raġel mill-aktar distint b’ xagħru griż lewn il-fidda, talabni biex immur miegħu fl-uffiċċju. Wara li poġġejt bilqiegħda, huwa ħares lejja bil-ħlewwa u qal li huwa kien innota li jien ma kontx ħadt sehem mis-sagrament. Staqsieni għalfejn. Jien issuspettajt li hu kien jaf għalfejn. Jien kont ċert li kulħadd kien jaf x’ kont għamilt. Wara li jiena għidtlu huwa ried ikun jaf kif kont qed inħossni. Bid-dmugħ niżel ma’ ħaddejja, b’ diffikultà jiena għidtlu li verament kien qed jiddispjeċini ta’ għemili u li kont naf li ma kontx għoġobt lil Alla.

Il-President Lindberg fetaħ kopja tad-Duttrina u Patti li verament kienet mikduda bl-użu u talabni naqra xi versi li kienu mmarkati b’linja taħthom. Jiena qrajt dan li ġej b’ leħen għoli:

“Araw, dak li nidem minn dnubietu, huwa jkun maħfur, u jien, il-Mulej, ma niftakarhomx aktar.

“B’ hekk tkunu tafu jekk bniedem nidimx minn dnubietu—araw, huwa jistqarrhom u jiċħadhom.”3

Qatt ma nista’ ninsa t-tbissima kollha kompassjoni tal-President Lindberg meta ħarist lejh hekk kif temmejt naqra. Ftit emozzjonat, huwa qalli li huwa kien iħoss li ma kien hemm l-ebda problema biex jiena nerġa’ nibda nieħu sehem mis-sagrament. Hekk kif ħallejt l-uffiċċju tiegħu, ħassejt fija ferħ li diffiċli niddeskrivih.

Dan il-ferħ huwa wieħed mir-riżultati inerenti tal-indiema. Il-kelma tindem tfisser “nipperċepixxi wara” u tindika “bidla.”4 Bl-Isvediż, il-kelma użata hija omvänd, li sempliċiment tfisser “twettaq bidla.”5 Il-kittieb Kristjan C. S. Lewis kiteb dwar il-bżonn u l-metodu tal-bidla. Huwa nnota li l-indiema tinvolvi “li terġa’ tmur lura fit-triq il-ġusta. Somma ħażina tista’ tirranġaha biss,” huwa qal, “jekk tmur lura sakemm issib l-iżball u terġa’ tibda taħdimha mill-ġdid minn dak il-post, u mhux sempliċiment tibqa’ għaddej.6 Li nibdlu l-imġieba tagħna u li nerġgħu lura fit-“triq il-ġusta” huma parti mill-indiema, iżda huma biss parti minnha. L-indiema vera tinkludi wkoll li ndawru qalbna u r-rieda tagħna lejn Alla u nirrinunzjaw id-dnub.7 Kif inhu spjegat f’ Eżekjel, li tindem ifisser li “terġa’ lura mid- … dnub, … tagħmel il-ħaqq u s-sewwa; … trodd ir-rahan, … u timxi fuq il-preċetti li jagħtu l-ħajja, bla ma tagħmel il-ħażen.”8

Madankollu anke din hija deskrizzjoni inkompleta. Ma tidentifikax sewwa l-qawwa li tagħmel possibbli l-indiema, is-sagrifiċċju tat-tpattija tas-Salvatur tagħna. L-indiema vera tinvolvi l-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu, il-fidi li Huwa jista’ jibdilna, il-fidi li Huwa jista’ jaħfrilna, u l-fidi li Huwa jgħinna nevitaw aktar żbalji. Din it-tip ta’ fidi twassal biex l-Att tal-Fidwa Tiegħu jkun jista’ jaħdem f’ ħajjitna. Meta aħna “nipperċepixxu wara” u “nwettqu bidla” bl-għajnuna tas-Salvatur, aħna nistgħu nħossu t-tama li hemm fil-wegħdiet Tiegħu u l-ferħ tal-maħfra. Mingħajr il-Feddej, it-tama u l-ferħ inerenti jevaporaw u l-indiema ssir sempliċiment modifikazzjoni ta’ mġieba miżerabbli. Iżda jekk neżerċitaw il-fidi tagħna fih, aħna nikkonvertu ruħna għall-abbiltà u r-rieda Tiegħu li jaħfer id-dnub.

Fl-aħħar konferenza ġenerali tiegħu f’ April tal-2015, il-President Boyd K. Packer irriafferma l-wegħdiet kollha tama tal-indiema. Huwa ddeskriva l-qawwa li tfejjaq tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur f’ dak li jien nikkunsidra bħala s-summarju tal-għerf li huwa kiseb f’ nofs seklu ta’ servizz appostoliku. Il-President Packer qal: “L-Att tal-Fidwa ma jħalli warajh l-ebda traċċa. Dak li jsewwi ikun issewwa. … Sempliċiment ifejjaq, u dak li jfejjaq ikun ġie mfejjaq.”9

Huwa kompla:

“L-Att tal-Fidwa, li jista’ jifdi lil kull wieħed u waħda minna, ma jħalli l-ebda feriti. Dan ifisser li għamilna x’ għamilna jew konna fejn konna, jew ġraw kif ġraw l-affarijiet, jekk aħna verament nindmu, is-Salvatur wiegħed li jifdina. U meta huwa patta għal dnubietna, huwa għamel dan kollu possibbli. …

“… L-Att tal-Fidwa … inaddaf kull tebgħa, irrelevanti kemm hi diffiċli, kemm domna għaddejjin biha jew kemm-il darba ġiet ripetuta.”10

L-effett tal-Att tal-Fidwa tas-Salvatur huwa wieħed infinit fil-wisa’ u l-fond tiegħu, kemm għalikom kif ukoll għalija. Iżda dan qatt ma jiġi impost fuqna. Kif spjega l-profeta Leħi, wara li aħna “niġu mgħallmin b’ mod suffiċjenti” biex “nagħrfu bejn is-sewwa u l-ħażen,”11 aħna “ħielsa li nagħżlu l-libertà u l-ħajja eterna, permezz tal-Medjatur il-kbir tal-bnedmin kollha, jew nagħżlu l-jasar u l-mewt.”12 Fi kliem ieħor, l-indiema hi għażla.

Aħna nistgħu—u xi kultant—nagħmlu għażliet differenti. Dawn l-għażliet jafu mhumiex intrinsikament ħżiena, iżda huma jżommuna milli nindmu verament u b’ hekk iwaqqfu l-mixja tagħna lejn l-indiema vera. Per eżempju, aħna nafu nagħżlu li nitfgħu t-tort fuq ħaddieħor. Meta kont għadni tifel ta’ 12-il sena ġewwa Goteburg, jiena stajt tfajt il-ħtija fuq Steffan. Kien hu dak li ġab miegħu fil-knisja it-trikkitrakki kbar u s-sulfarini. Iżda billi nagħtu tort lil ħaddieħor, anke jekk din tkun ħaġa ġġustifikata, inkunu qed nippermettu li niskużaw l-imġieba tagħna. Jekk nagħmlu dan, aħna nkunu qed nitfgħu r-responsabbiltà tagħna ta’ għemilna fuq ħaddieħor. Meta nitfgħu r-responsabbiltà fuq ħaddieħor, aħna nnaqqsu kemm il-bżonn kif ukoll l-abbiltà li aħna naġixxu. Aħna ndawru lilna nfusna f’ vittmi sfortunati minflok f’ aġenti kapaċi li naġixxu b’ mod indipendenti.13

Għażla oħra li timpedixxi l-indiema hi li nirrazzjonalizzaw l-iżbalji tagħna. Fl-inċident tat-trikkitrakki ġewwa Goteborg, ħadd ma weġġa’, ma saret l-ebda ħsara permanenti u l-laqgħa xorta saret. Kien ikun aktar faċli biex ngħid li ma kellix għalfejn nindem. Iżda li nirrazzjonalizzaw l-iżbalji tagħna, anke jekk jidher li ma jkun hemm l-ebda konsegwenzi immedjati, iwassal biex aħna nneħħu minn ġo fina l-motivazzjoni tagħna li ninbidlu. Dan ir-raġunar iżommna milli naraw li l-iżbalji u d-dnubiet tagħna għandhom konsegwenzi eterni.

Madankollu mod ieħor hu li naħsbu li dnubietna mhumiex daqshekk importanti għaliex nagħmlu x’ nagħmlu Alla jibqa’ jħobbna. Tiġina t-tentazzjoni li nemmnu dak li għallem il-qarrieq Neħor lin-nies ta’ Żaraħemla: “Li l-umanità kollha se ssalva fl-aħħar jum, u li ħadd m’għandu jibża’ jew jitriegħed, … u, finalment, il-bnedmin kollha se jiksbu l-ħajja eterna.”14 Iżda din l-idea seduttiva hija waħda falza. Alla verament iħobbna. Madankollu, dak li nagħmlu tagħmel differenza għalih u għalina. Huwa tana ċerti direttivi ċari dwar kif għandna nġibu ruħna. Dawn insejħulhom kmandamenti. L-approvazzjoni Tiegħu u l-ħajja eterna tagħna jiddependu mill-imġieba tagħna, inkluż ir-rieda tagħna li b’ umiltà nfittxu l-indiema vera.15

Barra minn hekk, aħna ma niksbux l-indiema vera meta nagħżlu li nisseparaw lil Alla mill-kmandamenti Tiegħu. Wara kollox, jekk is-sagrament mhuwiex xi ħaġa sagra, ma jimporta xejn li r-riħa tat-trikkitrakki kienet ta’ distrazzjoni għal dik il-laqgħa tas-sagrament ġewwa Goteborg. Jeħtieġ noqogħdu attenti li ma nispiċċawx ma nagħtux kas tal-imġieba midinba tagħna billi nonqsu li naraw li huwa l-istess Alla dak li tana l-kmandamenti Tiegħu. L-indiema vera teħtieġ li aħna nagħrfu d-divinità tas-Salvatur u l-verità tal-ħidma Tiegħu f’ dawn l-aħħar jiem.

Minflok ma nġibu l-iskużi, ejjew nagħżlu l-indiema. Permezz tal-indiema, aħna nistgħu nerġgħu lura għal dak li konna qabel, bħall-iben il-ħali fil-parabbola,16 u nirriflettu fuq il-konsegwenzi eterni ta’ għemilna. Meta aħna nagħrfu kif dnubietna jistgħu jeffettwaw il-ferħ etern tagħna, aħna mhux biss nindmu verament iżda wkoll nagħmlu li nistgħu biex nitjiebu. Meta aħna nħabbtu wiċċna mat-tentazzjoni, hemm aktar ċans li nistaqsu lilna nfusna, kif staqsa William Shakespeare:

X’ nirbaħ jien, jekk nikseb dak li qed infittex?

Ħolma, nifs, sentiment ta’ ferħ li jgħaddi.

Min għal minuta pjaċir jixtieq jagħmel ġimgħa muġugħ,

Jew ibiegħ l-eternità biex jikseb ġugarell?17

Jekk aħna injorajna l-eternità sempliċiment minħabba ġugarell, nistgħu nagħżlu li nindmu. Minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, aħna għandna ċans ieħor. B’ mod metaforiku, aħna nistgħu nerġgħu npartu l-ġugarell li b’ nuqqas ta’ għaqal aħna xtrajna u nerġgħu nirċievu għal darb’oħra t-tama tal-eternità. Kif spjega s-Salvatur, “Għax, araw, il-Mulej il-Feddej tagħkom sofra l-mewt fil-ġisem; għalhekk huwa sofra l-uġigħ tal-bnedmin kollha, sabiex il-bnedmin kollha jkunu jistgħu jindmu u jersqu lejh.”18

Ġesù Kristu jista’ jaħfer għaliex Huwa ħallas il-prezz ta’ dnubietna.19

Il-Feddej tagħna jagħżel li jaħfer minħabba l-kompassjoni, il-ħniena u l-imħabba inkomparabbli Tiegħu.

Is-Salvatur tagħna jrid jaħfer għaliex din hija waħda mill-kwalitajiet divini Tiegħu.

U, bħar-Ragħaj it-Tajjeb li fil-fatt Hu, Huwa jifraħ meta aħna nagħżlu li nindmu.20

Anke meta aħna nħossu n-niket divin għal għemilna,21 meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna immedjatament nistiednu lis-Salvatur f’ ħajjitna. Kif għallem Amuleki, “Ersqu lejh u la twebbsux qalbkom aktar; għax araw, issa ż-żmien u l-jum tas-salvazzjoni tagħkom; u għalhekk, jekk intom tindmu u ma twebbsux qalbkom, b’ mod immedjat il-pjan kbir ta’ fidwa jibda jaħdem ġewwa fikom.”22 Aħna nistgħu nħossu fina niket divin għal għemilna u, fl-istess ħin, inħossu l-ferħ li għandna l-għajnuna tas-Salvatur.

Il-fatt li aħna nistgħu nindmu hija l-aħbar it-tajba tal-evanġelju!23 Il-ħtija tista’ “tħallina.”24 Aħna nistgħu nimtlew bil-ferħ, nirċievu maħfra ta’ dnubietna u jkollna “l-paċi tal-kuxjenza.”25 Aħna nistgħu ninħelsu mis-sentimenti ta’ disperazzjoni u mill-jasar tad-dnub. Aħna nistgħu nimtlew bid-dawl meraviljuż ta’ Alla u “ninħelsu għal dejjem mill-uġigħ.”26 L-indiema mhux biss hi ħaġa possibbli iżda wkoll hija ħaġa ta’ ferħ minħabba s-Salvatur tagħna. Għadni niftakar is-sentimenti li ħakmuni fl-uffiċċju tal-president tal-fergħa minħabba l-episodju tat-trikkitrakki. Jiena naf li kont ġejt maħfur. Is-sentimenti tiegħi ta’ ħtija ħallewni, id-dieqa li kelli fija ma baqgħetx aktar u qalbi ħassejtha teħfief.

Ħuti, hekk kif ninsabu nikkonkludu din il-konferenza, jien nistedinkom biex tħossu aktar ferħ f’ ħajjitkom: il-ferħ fl-għarfien li l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu huwa reali; il-ferħ fl-abbiltà, fir-rieda u x-xewqa tas-Salvatur li jaħfer; u l-ferħ meta aħna nagħżlu li nindmu. Ejjew nimxu wara l-istruzzjoni li ġejna mogħtija biex “b’ ferħ … nimlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni.”27 Jalla aħna nagħżlu li nindmu, nabbandunaw dnubietna u ndawru qalbna u r-rieda lejn is-Salvatur tagħna u nimxu warajh. Jiena nixhed dwar ir-realtà ħajja Tiegħu. Jiena xhud u reċipjent kontinwu tal-kompassjoni, tal-ħniena u l-imħabba inkomparabbli Tiegħu. Nitlob li l-barkiet feddejja tal-Att tal-Fidwa Tiegħu jkunu tagħkom bħalissa—u jibqgħu jkunu tagħkom kontinwament tul ħajjitkom,28 bl-istess mod kif kienu f’ ħajti. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Il-Presbiteru Per Gösta Malm (1948–2016) serva bħala Awtorità Ġenerali Sebgħin mill-2010 sakemm miet. Għalkemm kien twieled ġewwa Jönköping, l-Isvezja, hu u martu, Agneta, qattgħu ħajjithom ġewwa Goteborg, l-Isvezja. Fid-diskors meraviljuż tiegħu mill-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2010, il-Presbiteru Malm tkellem ukoll dwar riflessjoni minn Goteborg (ara “Rest unto Your Souls,” Liahona, Nov. 2010, 101–2).

  2. Għalkemm Steffan mhuwiex l-isem veru ta’ sieħbi, l-istorja rrakkontajtha bil-permess tiegħu.

  3. Doctrine and Covenants 58:42–43.

  4. Il-kelma Griega metanoeo letteralment tfisser “nipperċepixxu wara” (meta, ‘wara,’ timplika ‘bidla,’ noeo, ‘tipperċepixxi’; nous, ‘il-moħħ, il-post tar-riflessjoni morali’)” (ara James Strong, The New Strong’s Expanded Exhaustive Concordance of the Bible [2010], Greek dictionary section, 162).

  5. It-traduzzjoni ta’ omvänd. Om tista’ tiġi tradotta bħala “madwar.” Vänd tista’ tiġi tradotta bħala “iddawwar.”

  6. C. S. Lewis, The Great Divorce (1946), 6. Fil-bidu tal-ktieb, Lewis kiteb li xi wħud jippruvaw jirrikonċiljaw flimkien is-sema u l-infern billi jagħżlu bejniethom. Huwa jgħid li xi wħud minna jaħsbu li “l-iżvilupp jew it-tibdil jew ir-raffinament b’ xi mod jispiċċaw jibdlu l-ħażen fis-sewwa. … Dan it-twemmin niddiskrevih bħala żball diżastruż. … Aħna mhux qed ngħixu f’ dinja fejn it-toroq kollha huma radii ta’ ċirku u fejn kollox, jekk nibqgħu nimxu warajh, jispiċċa jersaq aktar u aktar lejn xulxin u finalment jiltaqa’ kollox fiċ-ċentru. …

    Jien ma naħsibx li dawk kollha li jagħżlu toroq żbaljati jinqerdu iżda is-salvataġġ tagħhom jikkonsisti f’li huma jiġu megħjuna jerġgħu lura fit-triq il-ġusta. … Il-ħażen nistgħu nħalluh warajna iżda ma nistgħux ‘niżviluppawh’ fit-tajjeb. Iż-żmien ma jfejjaqx dan. Is-seħer jeħtieġ neħilsu minnu, ftit ftit, … jew inkella nispiċċaw ma neħilsu minnu xejn” (5–6).

  7. Ara Dizzjunarju tal-Bibbja, “Sacrifices.”

  8. Eżekjel 33:14, -15.

  9. It-testimonjanza tal-President Boyd K. Packer fil-laqgħa tat-tmexxija assoċjata mal-konferenza ġenerali ta’ April 2015 mhijiex ippubblikata kollha kemm hi. Dawn ir-rimarki huma noti privati tiegħi, li kont ħadt dak iż-żmien.

  10. Boyd K. Packer, “Il-Pjan ta’ Ferħ,” Liahona, Mejju 2015, 28.

  11. 2 Nephi 2:5.

  12. 2 Nephi 2:27.

  13. Ara 2 Nephi 2:26.

  14. Alma 1:4. Neħor u s-segwaċi tiegħu ma kinux jemmnu fl-indiema (ara Alma 15:15).

  15. Ara Russell M. Nelson, “Divine Love,” Liahona, Fr. 2003, 12–17.

  16. Ara Luqa 15:17; ara wkoll versi 11–24.

  17. William Shakespeare, The Rape of Lucrece, linji 211–14.

  18. Doctrine and Covenants 18:11.

  19. Ara Isaija 53:5.

  20. Ara Luqa 15:4–7; Doctrine and Covenants 18:10–13.

  21. L-indiema vera tinkludi fiha “niket divin” (2 Korintin 7:10). Il-Presbiteru M. Russell Ballard għallem: “Għal dawk li qabdu triq żbaljata, is-Salvatur ipprovda mod kif nistgħu mmorru lura. Iżda dan il-mod ma jeħlisniex mill-uġigħ. L-indiema mhijiex faċli; tieħu l-ħin—ħin ta’ sofferenza!” (“Keeping Covenants,” Ensign, Mejju 1993, 7). Il-Presbiteru Richard G. Scott għallem ukoll, “Xi kultant il-passi tal-indiema jafu għall-ewwel ikunu passi mill-aktar diffiċli” (“Finding Forgiveness,” Ensign, Mejju 1995, 77). Filwaqt li n-niket u l-uġigħ divin huma parti mill-proċess tal-indiema, ir-riżultat finali huwa wieħed ta’ ferħ meta aħna nħossu fina l-maħfra tad-dnub.

  22. Alma 34:31; enfażi miżjuda.

  23. Ara Dizzjunarju tal-Bibbja, “Gospels.”

  24. Enos 1:6.

  25. Mosiah 4:3.

  26. Mosiah 27:29.

  27. Isaija 12:3.

  28. Ara Mosiah 26:29–30. Filwaqt li Alla jwegħidna li Huwa lest jaħfrilna minn jeddu, Huwa jistmerr il-fatt li aħna nidinbu minn rajna għaliex wara nistgħu niddependu fuq il-ħniena tas-Salvatur biex jagħtina ċ-ċans li nindmu b’ faċililtà (ara Lhud 6:4–6; 10:26–27). Il-Presbiteru Richard G. Scott qal: “L-aħbar ta’ ferħ lil dawk kollha li jixtiequ jeħilsu mill-konsegwenzi tal-għażliet ħżiena tal-passat hi li l-Mulej jara d-dgħjufija b’ lenti differenti milli jara r-ribelljoni. Filwaqt li l-Mulej iwissi li jekk ma nindmux mir-ribelljoni tagħna nispiċċaw induqu l-kastig, meta l-Mulej jitkellem dwar id-dgħjufijiet tagħna, Huwa dejjem jagħmel dan bil-ħniena. (“Personal Strength through the Atonement of Jesus Christ,” Liahona, Nov. 2013, 83).