2010-2019
Is-Sagrament Jista’ Jgħinna Nsiru Qaddisa
Ottubru 2016


Is-Sagrament Jista’ Jgħinna Nitqaddsu

Ikkunsidraw ħames modi kif aħna nistgħu nkabbru l-impatt u l-qawwa tal-parteċipazzjoni regolari tagħna fl-ordinanza sagra tas-sagrament.

Waħda mit-tifkiriet bikrin ta’ tfuliti teħodni lura fil-laqgħat tas-sagrament ta’ fejn aħna konna noqogħdu ġewwa Warrnambool, Australia. Fil-fergħa tagħna konna nkunu bejn 10 u 15-il persuna, u missieri, wieħed mit-tlett irġiel li kienu jħaddnu s-saċerdozju, spiss kien ikollu l-opportunità li jbierek is-sagrament. Niftakar sew kif kont inħossni hekk kif b’ umiltà u bir-reqqa kollha huwa kien jaqra t-talb tas-sagrament. Ħafna drabi kont inħoss leħnu jirtriegħed hekk kif hu kien iħoss fih l-Ispirtu. Numru ta’ drabi kien ikollu jieqaf ftit biex ikun jista’ jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu qabel ikompli bit-talba.

Bħala tifel ċkejken ta’ ħames snin, ma stajtx nifhem it-tifsira sħiħa ta’ dak li kien jingħad jew jitwettaq; madankollu, kont naf li kienet tkun qed isseħħ xi ħaġa speċjali. Stajt inħoss l-influwenza kalma u konfortanti tal-Ispirtu s-Santu hekk kif missieri kien ikun qed jikkontempla dwar l-imħabba tas-Salvatur għalina.

Is-Salvatur għallem: “Hekk għandkom dejjem tagħmlu intom li tindmu u titgħammdu f’ ismi; u għandkom tagħmlu dan b’ tifkira ta’ demmi, li jien xerridt għalikom, sabiex intom tixhdu mal-Missier li dejjem se tiftakru fija. U jekk dejjem tiftakru fija intom ikollkom l-Ispirtu tiegħi magħkom” (3 Nephi 18:11).

Nistieden lilna lkoll sabiex nikkunsidraw ħames modi kif aħna nistgħu nkabbru l-impatt u l-qawwa tal-parteċipazzjoni regolari tagħna fl-ordinanza sagra tas-sagrament, ordinanza li tista’ tgħinna nitqaddsu.

1. Inħejju minn Qabel

Nistgħu nibdew it-tħejjija tagħna għas-sagrament minn ħin ferm qabel ma tibda il-laqgħa tas-sagrament. Is-Sibt huwa żmien tajjeb biex fih aħna nikkontemplaw dwar il-progress u t-tħejjija spiritwali tagħna.

Immaġni
Inħejju għall-Ħadd

Il-mortalità hija rigal essenzjali fil-vjaġġ tagħna biex insiru bħal Missierna tas-Smewwiet. Hija ħaġa neċessarja li l-vjaġġ tagħna jinkludi fih għadd ta’ sfidi li jipprovdulna opportunitajiet biex aħna ninbidlu u nikbru. Is-Sultan Benjamin għallem li “il-bniedem naturali huwa għadu ta’ Alla, … u hekk se jibqa’, għal dejjem ta’ dejjem, sakemm hu ma jismax mill-istigazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, u jinża’ minn fuqu l-bniedem naturali u jsir qaddis permezz tal-att tal-fidwa ta’ Kristu l-Mulej” (Mosiah 3:19). Il-parteċipazzjoni tagħna fl-ordinanza tas-sagrament tipprovdilna opportunità biex aħna noffru kompletament ruħna u qalbna lil Alla.

Fit-tħejjija tagħna, qalbna timtela bl-umiltà hekk kif aħna nesprimu l-gratitudni tagħna għall-Att tal-Fidwa ta’ Kristu, nindmu mill-iżbalji u n-nuqqasijiet tagħna, u nitolbu għall-għajnuna tal-Missier fil-vjaġġ kontinwu tagħna biex insiru nixbhuh aktar. Imbagħad aħna nkunu nistgħu nħarsu ‘l quddiem għall-opportunità li jipprovdilna s-sagrament biex niftakru fis-sagrifiċċju Tiegħu u nġeddu l-impenn tagħna lejn il-patti kollha li għamilna.

2. Naslu Kmieni

L-esperjenza tagħna tas-sagrament tista’ tikber meta aħna naslu ħin mhux ħażin qabel tibda l-laqgħa u noqogħdu nixtarru ftit hekk kif tkun qed tindaqq il-mużika tal-ftuħ.

Immaġni
Naslu kmieni għall-laqgħa tas-sagrament

Il-President Boyd K. Packer għallem: “Il-mużika tal-ftuħ, meta tindaqq b’ qima, hija ta’ nutriment għall-ispirtu. Hi tistieden l-ispirazzjoni.”1 “Dan mhux ħin,” spjega l-President Russell M. Nelson, “biex fih noqogħdu niddiskutu jew ngħaddu l-messaġġi iżda huwa mument li fih, bl-għajnuna tat-talb, aħna nimmeditaw hekk kif il-mexxejja u l-membri jitħejjew spiritwalment għas-sagrament.”2

3. Inkantaw u Nitgħallmu mill-Kliem tal-Innu tas-Sagrament

L-innu tas-sagrament speċjalment huwa parti importanti mill-esperjenza tagħna tas-sagrament. Il-mużika televa ħsibijietna u s-sentimenti tagħna. L-innu tas-sagrament iħalli fuqna influwenza akbar meta aħna niffokaw fuq il-kliem u d-duttrina importanti li nistgħu nitgħallmu minnu. Aħna nitgħallmu ħafna minn kliem bħal “imbenġel, imkisser, imtertaq għalina,”3 “Ejjew niftakru u niżguraw li qalbna u jdejna huma ndaf u safja,”4 u “Fejn l-imħabba, il-ġustizzja, il-ħniena jiltaqgħu flimkien f’ armonija divina!”5

Immaġni
Inkantaw u nitgħallmu mill-innijiet
Immaġni
Niffukaw fuq il-kliem tal-innijiet

Hekk kif inkantaw bi tħejjija biex nieħdu sehem fl-emblemi tas-sagrament, il-kliem jista’ jsir parti mill-impenn tal-patt tagħna. Ikkunsidraw, per eżempju: “Inħobbuk, Mulej; qalbna mimlija. Aħna nimxu fit-triq magħżula tiegħek.”6

4. Nipparteċipaw Spiritwalment fit-Talb tas-Sagrament (ara Moroni 4–5)

Minflok ma’ nisimgħu l-kliem b’ attitudni li aħna dal-kliem diġà smajnieh bosta drabi qabel, aħna nistgħu verament nitgħallmu u nħossu fina ċerti sentimenti qawwija jekk aħna nipparteċipaw spiritwalment billi nixtarru sew l-impenni tagħna u l-barkiet marbutin magħhom li huma inklużi f’ dan it-talb sagru.

Immaġni
Tberik tal-ħobż

Il-ħobż u l-ilma jitbierku u jitqaddsu għal ruħna. Huma jfakkruna fis-sagrifiċċju tas-Salvatur u li Hu jista’ jgħinna verament nitqaddsu.

It-talb jispjega li aħna nieklu mill-ħobż b’ tifkira tal-ġisem tal-Iben, prezz li Huwa offra biex kulħadd ikun jista’ jikkwalifika għall-qawmien mill-imwiet, u aħna nixorbu mill-ilma b’ tifkira tad-demm tal-Iben, li Huwa xerred minn jeddu sabiex aħna nkunu nistgħu niġu mifdijin, dejjem jekk aħna nindmu.

It-talb jintroduċi l-patti bil-frażi “li huma lesti”(Moroni 4:3). Din il-frażi fiha qawwa u potenzjal kbir għalina. Lesti aħna li nservu u nipparteċipaw? Lesti aħna li ninbidlu? Lesti aħna li nindirizzaw id-dgħjufijiet tagħna? Lesti aħna li nilħqu u nbierku lil ħaddieħor? Lesti aħna li nafdaw fis-Salvatur?

Hekk kif jiġu mlissna l-wegħdiet u hekk kif aħna nieħdu sehem mill-ħobż u l-ilma, aħna nikkonfermaw f’ qalbna li aħna lesti li:

  • Nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu.

  • Nagħmlu l-almu tagħna biex inżommu l-kmandamenti kollha Tiegħu.

  • Dejjem Niftakru Fih

It-talb jikkonkludi b’ dil-istedina u l-wegħda sublimi: “Li huma jkollna dejjem magħhom l-Ispirtu Tiegħu” (Moroni 4:3).

Pawlu kiteb, “Il-frott tal-Ispirtu huma l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-manswetudni u t-temperament” (Galatin 5:22–23). Jekk aħna nżommu l-patti tagħna hemm jistennewna għadd ta’ barkiet u rigali mill-isbaħ.

5. Nixtarru u Niftakru Fih Hekk Kif Jitqassmu l-Emblemi tas-Sagrament

Il-mumenti ta’ qima li fih dawk li jħaddnu s-saċerdozju iqassmu s-sagrament jista’ jsir għalina ħin mill-aktar sagru.

Immaġni
Tqassim tal-ħobż

Hekk kif jitqassam il-ħobż, aħna nistgħu nikkontemplaw li fl-akbar att ta’ mħabba li qatt twettaq għalina, is-Salvatur ħa “fuqu l-mewt, sabiex ikun jista’ jkisser il-ktajjen tal-mewt li jorbtu lill-poplu tiegħu” (Alma 7:12).

Nistgħu niftaktu fil-barkiet glorjużi tar-Reżurezzjoni li “għandu jiksibhom kulħadd, … kemm min hu ilsir kif ukoll min hu ħieles, kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa, kemm il-ħżiena kif ukoll it-twajbin; u l-ebda xagħra waħda minn rashom m’hi se tintilef; iżda kollox se jiġi rrestawrat għall-forma perfetta tiegħu” (Alma 11:44).

Immaġni
Tqassim tal-ilma

Hekk kif jitqassam l-ilma, aħna nistgħu niftakru fit-talba li għamel f’ isimna s-Salvatur:

“Araw, jiena, Alla, sofrejt dan kollu għall-bnedmin kollha, ħalli huma ma jsofrux, jekk huma jindmu; …

“Liema sofferenza wasslet biex jiena, l-istess Alla, l-akbar wieħed fost kulħadd, nirtriegħed minħabba l-uġigħ, u nxerred demmi mill-pori kollha tiegħi u nsofri kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu—u ma nixrobx mill-kalċi għal xejn” (D&C 19:16, 18).

Niftakru li Huwa “ħa fuqu s-sofferenza tagħna, sabiex huwa jimtela bil-ħniena, skont il-ġisem, ħalli jkun jaf skont il-ġisem kif jista’ jgħin lin-nies tiegħu skont is-sofferenza tagħhom” (Alma 7:12).

Hekk kif aħna nikkunsidraw l-esperjenza tagħna tas-sagrament, aħna nafu nistaqsu lilna nfusna:

  • Din il-ġimgħa jien x’ nista’ nagħmel biex nitħejja aħjar għas-sagrament?

  • Nista’ nikkontribwixxi aktar għall-qima u r-rivelazzjoni li tista’ takkumpajna l-bidu tal-laqgħa sagramentali?

  • X’ duttrina ġiet mgħallma fl-innu tas-sagrament?

  • Xi smajt u x’ ħassejt jiena hekk kif beda jingħad it-talb tas-sagrament?

  • Fuq xiex kont qed naħseb meta beda jitqassam is-sagrament?

Il-Presbiteru David A. Bednar għallem: “L-ordinanza tas-sagrament hija stedina mqaddsa u ripetuta biex aħna sinċerament nindmu u niġġeddu spiritwalment. L-att per se, li nieħdu sehem fis-sagrament, fih innifsu ma jaħfrilniex dnubietna. Iżda hekk kif aħna kuxjenzjożament nitħejjew u nieħdu sehem f’ din l-ordinanza mqaddsa b’ qalb maqsuma u bi spirtu sogħbien, imbagħad aħna ngawdu mill-wegħda li aħna jista’ jkollna dejjem magħna l-Ispirtu tal-Mulej. U permezz tal-qawwa li tqaddes tal-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħna, aħna nistgħu niksbu dejjem maħfra ta’ dnubietna.”7

Jiena nixhed dwar in-numru kbir ta’ barkiet li huma disponibbli għalina hekk kif aħna nkabbru t-tħejjija tagħna u l-parteċipazzjoni spiritwali tagħna fl-ordinanza tas-sagrament. Jiena nixhed ukoll li dawn il-barkiet huma disponibbli għalina lkoll minħabba l-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet u s-sagrifiċċju infinit tat-tpattija ta’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.

Noti

  1. Boyd K. Packer, “Personal Revelation: The Gift, the Test, and the Promise,” Ensign, Nov. 1994, 61.

  2. Russell M. Nelson, “Worshiping at Sacrament Meeting,” Liahona, Aww. 2004, 13.

  3. “Jesus of Nazareth, Savior and King,” Hymns, no. 181.

  4. “While of These Emblems We Partake,” Hymns, no. 173.

  5. “Ferm Kbira l-Imħabba u Kbir Wisq hu l-Għerf,” Innijiet u Għanjiet tat-Tfal, paġna 19.

  6. “As Now We Take the Sacrament,” Hymns, no. 169.

  7. David A. Bednar, “Always Retain a Remission of Your Sins,” Liahona, Mejju 2016, 61–62.