2010-2019
Il-Fejjieq Prim
Ottubru 2016


Il-Fejjieq Prim

Intom m’għandkomx għalfejn tesperjenzaw in-niket ikkawżat mid-dnub, l-uġigħ ikkawżat mill-għemejjel ta’ ħaddieħor, jew ir-realtajiet mill-aktar diffiċli tal-mortalità—weħidkom.

Li jien mmur u nivvjaġġa hija opportunità mill-aktar sodisfaċenti—li jkolli ċ-ċans nitgħallem minn ħuti n-nisa minn madwar id-dinja. Xejn ma jista’ jitqabbel ma’ li naħdmu id f’ id, wiċċ imb’ wiċċ u qalb waħda magħkom.

Waqt esperjenza bħal din, waħda mexxejja tas-Soċjetà tal-Għajnuna staqsietni, “Hemm xi ħaġa speċifika li n-nisa għandhom jiffokaw fuqha?”

Jiena weġibt, “Iva!” hekk kif f’ moħħi feġġ id-diskors tal-President Russell M. Nelson “Appell lil Ħuti n-Nisa.” Il-President Nelson għallem, “Neħtieġu nisa li għandhom għarfien sod tad-duttrina ta’ Kristu.”1

Nefi ddeskriva d-duttrina ta’ Kristu b’ dan il-mod:

“Għax ix-xatba li minnha għandkom tidħlu hija l-indiema u l-magħmudija permezz tal-ilma; u mbagħad tasal il-maħfra ta’ dnubietkom permezz tan-nar u permezz tal-Ispirtu s-Santu. …

“U issa … jiena nistaqsikom jekk hux biżżejjed? Araw, jien ngħidilkom, Le; għaliex intom ma kienx jirnexxielkom taslu s’ hawnhekk li kieku ma kienx permezz ta’ kliem Kristu b’ fidi soda fih, tiddependu kompletament fuq il-merti ta’ dak li għandu s-setgħa li jsalva.

“Għalhekk ibqgħu mexjin ‘il quddiem b’ fidi soda fi Kristu, b’ tama ta’ dija perfetta u mħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin kollha. Għalhekk, jekk tibqgħu mexjin ‘il quddiem, tiffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u tibqgħu sodi sat-tmiem, araw, dan jgħid il-Missier: Intom ikollkom il-ħajja eterna.

“… Din hija t-triq, u mis-sema ‘l isfel m’hemmx triq oħra jew isem ieħor mogħti li permezz tiegħu l-bniedem jista’ jsalva fis-saltna ta’ Alla. U issa, araw, din hi d-duttrina ta’ Kristu.2

Għalfejn neħtieġu għarfien sod ta’ dawn il-prinċipji?

Spiss niltaqa’ ma’ nisa Qaddisin tal-Aħħar Jiem li huma ddisprati għall-għajnuna. Ħafna drabi huma jkunu qed ifittxu l-għarfien fil- “bini kbir u spazjuż.”3

Hekk kif aħna nkabbru l-għarfien tagħna tad-duttrina ta’ Kristu, aħna malajr niskopru li qegħdin niżviluppaw għarfien aktar profond tal-“pjan kbir ta’ ferħ.”4 Nagħrfu wkoll li s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, jinsab fil-qalba tal-pjan.

Meta aħna nitgħallmu kif għandna napplikaw id-duttrina ta’ Kristu skont iċ-ċirkustanzi individwali tagħna, l-imħabba tagħna lejn is-Salvatur tagħna tikber. U aħna nagħrfu li “huma x’inhuma d-differenzi li naħsbu li hemm bejnietna, ilkoll kemm aħna għandna bżonn l-istess Att tal-Fidwa infinit.”5 Nirrealizzaw li Hu huwa s-sisien tagħna—“il-blata tal-Feddej tagħna, … pedament sod … li jekk nibnu fuqu ma nfallu qatt.”6

Kif tista’ tberikna din id-duttrina hekk kif aħna nfittxu l-paċi u l-għarfien u nagħmlu l-almu tagħna biex nibqgħu nikkumbattu f’ ferħ fil-vjaġġ mortali u uniku tagħna?

Ippermettuli nissuġġerixxi li nibdew, kif qal Nefi, “b’ fidi soda fi Kristu, niddependu kompletament fuq il-merti ta’ dak li għandu s-setgħa li jsalva.”7 Il-fidi tagħna f’ Ġesù Kristu tagħtina ċ-ċans li nikkumbattu kull sfida.

Aħna, fil-fatt, ta’ spiss insibu li fl-avversità l-fidi tagħna tissaħħaħ u r-relazzjoni tagħna ma’ Missierna tas-Smewwiet u Ibnu titjieb. Ippermettuli naqsam magħkom tliet eżempji.

L-ewwel, is-Salvatur, il-Fejjieq Prim, għandu l-qawwa li jibdel qalbna u jagħtina serħan permanenti min-niket li nesperjenzaw minħabba dnubietna. Meta s-Salvatur għallem lill-mara Samaritana ħdejn il-bir, Huwa kien jaf dwar id-dnubiet serji tagħha. Madankollu, “il-Mulej jara fil-qalb,”8 u Hu kien jaf li hija kienet ta’ qalb umli.

Meta l-mara marret ħdejn il-bir, Ġesù—il-personifikazzjoni tal-ilma ħaj—qalilha sempliċiment, “Agħtini nixrob.” Bl-istess mod lilna s-Salvatur tagħna jkellimna b’ leħen li żgur nagħrfuh meta nersqu lejh—għax Hu jafna. Huwa jiltaqa’ magħna fil-post fejn inkunu ninsabu f’ dak il-mument. U minħabba li Hu dak li Hu u minħabba dak li għamel għalina, Huwa jifhimna. Minħabba li Huwa esperjenza l-uġigħ tagħna, Hu jista’ jagħtina ilma ħaj meta aħna nfittxuh. Huwa għallem dan lill-mara Samaritana meta qalilha, “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek, ‘Agħtini nixrob,’ kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj.” Meta finalment hija fehmitu, il-mara wieġbet b’ fidi u staqsietu, ”Qaltlu l-mara, Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx.”

Wara li l-mara Samaritana kellha din l-esperjenza mas-Salvatur, hija “ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies,

”Ejjew araw bniedem li qalli kull ma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?”

Hija kienet kisbet testimonjanza—hija bdiet tixrob mill-ilma l-ħaj—u hija xtaqet tixhed ma’ ħaddieħor dwar id-divinità Tiegħu.9

Meta aħna nersqu lejh b’ qalb umli—anke jekk qalbna tkun tinsab mtaqqla bl-iżbalji, bid-dnubiet u t-trasgressjonijiet—Huwa jista’ jibdilna, “għax hu għandu s-setgħa li jsalvana.”10 U b’ qalbna mibdula, aħna nistgħu, bħall-mara Samaritana, nagħtu xhieda Tiegħu, fl-istess belt fejn noqogħdu—fi djarna, fl-iskejjel tagħna u fil-postijiet tax-xogħol tagħna.

It-tieni, il-Fejjieq Prim jista’ jfarraġna u jqawwina meta aħna nesperjenzaw l-uġigħ minħabba l-għemejjel ħżiena ta’ ħaddieħor. Jiena tkellimt ma’ ħafna nisa li qed iħossu piż kbir fuqhom minħabba l-isfidi li huma jinsabu għaddejjin minnhom. It-triq tal-patt tagħhom mit-tempju saret vjaġġ ta’ fejqan mill-aktar diffiċli. Huma jinsabu jsofru minħabba niket kbir, minħabba ċerti patti miksura, u għaliex tilfu l-kunfidenza li kellhom f’ ħaddieħor. Bosta minnhom huma vittmi ta’ adulterju u abbuż verbali, sesswali u emozzjonali, ħafna drabi riżultat tal-vizzji ta’ ħaddieħor.

Dawn l-esperjenzi, għalkemm mhux tort tagħhom, wasslu biex ħafna minnhom iħossuhom ħatja u mistħija. Peress li ma jafux kif jistgħu jikkontrollaw l-emozzjonijiet qawwija li huma jesperjenzaw, ħafna minnhom jippruvaw jaħbuhom, u b’ hekk jispiċċaw jinsewhom.

It-tama u l-fejqan ma jinstabux fl-abbissi mudlama tas-segretezza iżda fid-dawl u l-imħabba tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.11 Il-Presbiteru Richard G. Scott għallem: “Jekk intom stess tinsabu ħielsa minn xi dnub serju, m’ għandkomx għalfejn toqogħdu ssofru bla bżonn il-konsegwenzi tad-dnubiet ta’ ħaddieħor. … Tistgħu tħossu kompassjoni lejhom. … Madankollu m’ għandkomx tħossukom responsabbli għall-għemejjel tagħhom. … Meta tkunu għamiltu dak li tistgħu biex tgħinu lil xi ħadd li tħobbu, poġġu t-tagħbija ħdejn riġlejn is-Salvatur. … Hekk kif tagħmlu dan, mhux biss intom issibu l-paċi iżda tkunu qed turu l-fidi tagħkom fil-qawwa tas-Salvatur li jista’ jneħħi t-toqol tad-dnub minn fuq il-maħbubin tagħkom permezz tal-indiema u l-ubbidjenza tagħhom.”

Huwa kompla: “Il-fejqan komplet iseħħ permezz tal-fidi tagħkom f’ Ġesù Kristu u fil-qawwa u l-kapaċità Tiegħu, permezz tal-Att tal-Fidwa Tiegħu, li Huwa jista’ jfejjaq il-feriti ta’ dak kollu li hu inġust u mhux mistħoqq.”12

Jekk issibu ruħkom f’ din is-sitwazzjoni, ħuti, il-fejqan jaf ikun proċess daqsxejn twil. Jeħtieġ li bl-għajnuna tat-talb intom tfittxu li tkunu ggwidati u tiksbu l-għajnuna xierqa, li tinkludi li tieħdu l-parir ta’ dawk li ġew ordanti b’ mod xieraq fis-saċerdozju. Hekk kif intom titgħallmu tiftħu qalbkom ma’ ħaddieħor, araw li tistabbilixxu ċerti standards u forsi jkun neċessarju wkoll li tfittxu li tiksbu xi pariri professjonali. Huwa importanti ħafna li waqt dan il-proċess intom tieħdu ħsieb is-saħħa spiritwali tagħkom! Qatt tinsew l-identità divina tagħkom: intom ulied maħbuba ta’ Ġenituri tas-Smewwiet. Afdaw fil-pjan etern li Missierkom ħejja għalikom. Araw li kuljum tkomplu tkabbru l-għarfien tagħkom tad-duttrina ta’ Ġesù Kristu. Eżerċitaw kuljum il-fidi tagħkom biex verament tixorbu mill-bir tal-ilma ħaj tas-Salvatur. Afdaw fil-qawwa li hi disponibbli għalina lkoll permezz tal-ordinanzi u l-patti. U agħtu ċans li taħdem f’ ħajjitkom il-qawwa tal-fejqan tas-Salvatur u l-Att tal-Fidwa Tiegħu.

It-tielet, il-Fejjieq Prim jista’ jfarraġna u jsostnina hekk kif aħna nesperjenzaw ir-“realtajiet diffiċli tal-mortalità,”13 bħad-diżastri, il-mard mentali, il-mard fiżiku, l-uġigħ kroniku u l-mewt. M’ilux wisq sirt naf waħda mara żagħżugħa mill-aktar meraviljuża jisimha Josie li ssofri mid-diżordni bipolari. Dan li ġej huwa parti mill-vjaġġ tagħha lejn il-fejqan kif irrakkontatli hi stess:

“L-agħar dalma seħħet fil-ġranet li jien u l-familja tiegħi konna nsejħulhom ‘jiem mixħuta mal-art.’ Kollox kien jibda’ billi kont inħoss ġewwa fija ċerti sentimenti li kienu jaħkmuni bil-biża’ minħabba s-sensittività kbira u n-nuqqas ta’ reżistenza li jiena kelli għal ċertu ħsejjes, oġġetti jew dawl. Dan kien iwassalni biex nesperjenza uġigħ kbir mentali. Hemm jum partikolari li jien qatt ma nista’ ninsa.

“Kien fil-bidu ta’ din l-esperjenza mill-aktar diffiċli u b’ hekk kien mument ferm tal-biża’. Niftakarni nibki bid-dmugħ nieżel ma’ ħaddejja hekk kif bdejt nipprova nieħu nifs. Iżda anke sofferenza intensa bħal din ma kienet xejn imqabbla mal-uġigħ li ħassejt eżatt wara hekk rajt b’ għajnejja lil ommi fi stat ta’ paniku meta b’ disprament bdiet tfittex kif se tgħini.

“Hija ħassitha verament imnikkta meta ratni nsofri b’ dak il-mod. Iżda żgur li ma bsarniex li minkejja d-dalma tant kiefra, ftit tal-ħin wara konna se nesperjenzaw miraklu mill-aktar setgħan.

“Hekk kif is-siegħa li għexna wara dehret qisha eternità, ommi bdiet tlissen u tirrepeti b’ leħen baxx, ‘Minn kollox nagħmel biex inti ma tħossokx aktar hekk.’

“Madankollu, id-dalma intensifikat ruħha u meta jiena kont ninsab ċerta li ma kontx niflaħ aktar, preċiżament f’ dak il-mument seħħet xi ħaġa meraviljuża.

“Qawwa traxxendenti u tal-għaġeb f’ daqqa waħda ħakmitli ġismi kollu. Imbagħad, hekk kif ħassejt ġo fija ‘saħħa barranija’14 iddikjarajt ma’ ommi b’ konvinzjoni kbira seba’ kelmiet li bidlulna ħajjitna bi tweġiba għax-xewqa kbira li hija rrepetiet kemm-il darba li kienet lesta li ġġorr l-uġigħ li kont qed inħoss jiena. Jiena għedt, ‘M’għandekx għalfejn; Xi Ħadd diġà għamel dan.’”

Mill-abbiss mudlam ta’ mard mentali mill-aktar gravi, Josie b’ kuraġġ irnexxiela ssib is-saħħa biex tixhed dwar Ġesù Kristu u l-Att tal-Fidwa Tiegħu.

Dak inhar hija ma feqitx kompletament, iżda hi rċeviet id-dawl tat-tama fi żmien ta’ dlam mill-aktar intens. U llum, megħjuna minn għarfien sod tad-duttrina ta’ Kristu u bil-qawwa li tikseb ta’ kuljum permezz tal-ilma ħaj tas-Salvatur, Josie qed tkompli bil-vjaġġ tagħha lejn il-fejqan u teżerċita l-fidi mill-aktar soda tagħha fil-Fejjieq Prim. Hija tinsab ukoll tgħin lil ħaddieħor tul it-triq. U hija tgħid, “Meta jibda jidher li d-dlam mhux se jgħib, jiena niddependi fuq it-testimonjanza li għandi dwar il-ħniena ħelwa Tiegħu. Din isservi bħala d-dawl li jiggwidani hekk kif inħabbat wiċċi mas-sitwazzjonijiet diffiċli tal-ħajja.”15

Ħuti, jiena nixhed li—

Intom m’għandkomx għalfejn iġġorru t-tagħbija tan-niket ikkawżat mid-dnub—weħidkom.

Intom m’għandkomx għalfejn iġġorru l-uġigħ ikkwżat mill-għemejjel ħżiena ta’ ħaddieħor—weħidkom.

Intom m’għandkomx għalfejn tesperjenzaw ir-realtajiet mill-aktar diffiċli tal-mortalità—weħdikom.

Is-Salvatur b’ ħerqa jitlobna:

“Intom lesti li terġgħu lura għandi u tindmu minn dnubietkom u tikkonvertu, sabiex jiena nkun nista’ nfejjaqkom?

“…  Jekk tiġu għandi jkollkom il-ħajja eterna. ”Araw, driegħi kollu ħniena lest għalikom, u kull min jiġi … lilu jiena nilqa’”16

“Huwa minn kollox jagħmel biex inti ma tħossokx aktar hekk.” Fil-fatt, “Huwa diġà għamel dan.” F’ isem Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, amen.