2010-2019
Ma Hemmx Ferħ Akbar Milli Tkun Taf li Huma Jafu
Ottubru 2016


Ma Hemmx Ferħ Akbar Milli Tkun Taf li Huma Jafu

Ma nafx li hawn xi ħaġa f’ din id-dinja li tista’ timlina b’ ferħ u hena akbar milli nkunu nafu li wliedna jafu verament lis-Salvatur.

Ħuti, dan l-aħħar kont qed nixtarr din il-mistoqsija: “Kieku dak kollu li wliedkom jafu dwar l-evanġelju huwa biss dak li għallimtuhom intom—bħala l-uniku sors tagħhom—kemm ikun kbir l-għarfien tagħhom?” Din il-mistoqsija tapplika għal dawk kollha li jħobbu, jieħdu ħsieb u jinfluwenzaw it-tfal.

Jeżisti xi rigal akbar li aħna nistgħu noffru lil uliedna minn memorja soda u profonda li aħna nafu li l-Feddej tagħna jgħix? Jafu huma li aħna nafu? U aktar importanti minn hekk, kif jistgħu jsiru jafu għalihom infushom li Huwa jgħix?

Meta jien kont għadni tifel żgħir, jien kont l-aktar tifel imqareb li kellha ommi. L-enerġija li kelli kienet inkredibbli. Ommi tgħidli li l-akbar biża’ tagħha kienet li jien kont se nispiċċa mmut żgħir. Kont wisq fuq ruħi.

Niftakar darba meta jiena kont għadni tifel ċkejken kont ninsab bilqiegħda waqt laqgħa tas-sagrament partikolari mal-membri tal-familja tagħna. Ommi kienet għadha kif irċeviet sett skrittura ġdid. Dan is-sett il-ġdid kien jikkonsisti fix-xogħlijiet stabbiliti kollha miġburin flimkien, u fil-paġni tan-nofs kien hemm numru ta’ paġni bir-rigi biex fuqhom wieħed seta’ jikteb xi noti.

Waqt dik il-laqgħa, jien tlabt nistax inżomm l-iskrittura tagħha f’ idi. Bit-tama li tinkuraġġixxi fija aktar sens ta’ qima, hija ħallietni nżommha. Hekk kif bdejt inqalleb fl-iskrittura tagħha, innutajt li fis-sezzjoni fejn tista’ tikteb xi noti, hija kienet kitbet dwar għan personali li hija kellha. Biex tifhmu aktar l-għan tagħha, tajjeb ngħidilkom li jien it-tieni wieħed minn sitt aħwa u jisimni Brett. Ommi kienet kitbet bl-aħmar għan wieħed biss: “Paċenzja ma’ Brett!”

Bħala evidenza akbar biex ngħinkom tifhmu l-isfidi li ħabbtu wiċċhom magħhom il-ġenituri tiegħi biex irabbu l-familja tagħna, ippermettuli ngħidilkom xi ħaġa dwar il-qari tal-iskrittura fil-familja tagħna. Kull filgħodu, fil-ħin tal-kolazzjon, ommi kienet taqralna mill-Ktieb ta’ Mormon. Tul dan il-ħin, ħija l-kbir, Dave, u jien, għalkemm konna nkunu bilqiegħda kwieti, żgur li ma konniex inkunu xempju ta’ qima. Biex verament inkun onest magħkom, aħna lanqas biss konna nagħtu kas ta’ dak li kienet tkun qed taqra. Konna ngħaddu l-ħin naqraw dak li kien ikun hemm miktub fuq il-kaxxa taċ-ċireali.

Finalment, għodwa waħda, jiena ddeċidejt li nikkonfronta lil ommi. Jiena għedtilha, “Ma, għalfejn qed tagħmlilna hekk? Għalfejn kull filgħodu qed tiġi taqralna mill-Ktieb ta’ Mormon?” Imbagħad jiena ddikjarajt xi ħaġa li veru nħossni imbarazzat nammettiha. Fil-fatt, lanqas biss irrid nemmen li għedtha. Għedtilha, “Ma, jiena mhux qed nagħti kasek!”

It-tweġiba kollha mħabba tagħha kienet għalija mument li wassal għal bidla f’ ħajti. Hija qaltli, “Ibni, jiena kont preżenti f’ laqgħa li fiha l-President Marion G. Romney għallem dwar il-barkiet tal-qari tal-iskrittura. Tul dik il-laqgħa, jiena rċevejt wegħda li jekk jiena naqra lil uliedi kuljum mill-Ktieb ta’ Mormon, jiena lilhom ma nitlifhomx.” Imbagħad hija ħarset dritt f’ għajnejja u, b’ determinazzjoni assoluta, qaltli, “U jiena lilek mhux se nitilfek!”

Ħassejt kliemha jinfidli qalbi. Minkejja n-nuqqasijiet kollha tiegħi, jien kien jistħoqqli niġi salvat! Hija għallmitni l-verità eterna li jiena kont iben Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna. Tgħallimt li hi x’inhi ċ-ċirkustanza, jiena kont bniedem ta’ valur. Dan kien mument perfett għal tifel ċkejken u imperfett.

Jiena eternament grat għall-anġlu ommi u għall-anġli kollha li minkejja n-nuqqasijiet ta’ wliedhom huma jibqgħu jħobbuhom b’ mod perfett, . Jien nemmen verament li ħutna n-nisa kollha—jien se nsejħilhom “anġli”—huma ommijiet f’ Sijon, humiex miżżewġin jew le, jew għandhomx it-tfal jew le f’ din l-esperjenza mortali tagħhom.

Snin ilu, l-Ewwel Presidenza ddikjarat: “Li tkun omm hija xi ħaġa mill-aktar viċin tad-divinità. Hi l-aktar servizz qaddis u nobbli li ġie fdat f’ idejn l-umanità. Dawk in-nisa li jonoraw is-sejħa u s-servizz tagħhom verament jixbhu lill-anġli.”1

Jiena grat għall-anġli madwar il-Knisja kollha li b’ qawwa u b’ imħabba jiddikjaraw il-verità eterna lil ulied Missierna tas-Smewwiet.

Jiena grat għar-rigal tal-Ktieb ta’ Mormon. Jiena naf li huwa veru! Fih insibu l-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Jiena ma naf b’ ħadd li spiċċa tilef it-testimonjanza tiegħu u qabad triq ħażina meta b’ diliġenza kien qiegħed kuljum jaqra mill-Ktieb ta’ Mormon, b’ intenzjoni safja u b’ fidi fi Kristu. Il-wegħda profetika ta’ Moroni ġġorr magħha ir-risposta kif aħna nistgħu nkunu nafu l-verità ta’ kull ħaġa—inkluż li jkollna l-abbiltà li nagħrfu u nevitaw il-qerq tal-avversarju. (Ara Moroni 10:4–5.)

Jiena grat ukoll għal Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna u għal Ibnu, Ġesù Kristu. Is-Salvatur ipprovdielna l-eżempju perfett kif aħna għandna ngħixu f’ dinja imperfetta u inġusta. “Aħna nħobbuh, għax hu ħabbna l-ewwel” (1 Ġwanni 4:19). L-imħabba Tiegħu għalina hi enormi. Hu l-aktar ħabib leali li aħna għandna. L-għaraq Tiegħu għalik u għalija “kien bħal qtar tad-demm iċarċar” (Luqa 22:44). Huwa ħafer lil min ma tantx kellu tama ta’ maħfra. Huwa ħabb lil min ma kien iħobbu ħadd. Huwa għamel dak li l-ebda bniedem mortali ma seta’ jagħmel: Huwa pprovdielna Att tal-Fidwa biex jegħleb it-trasgressjonijiet, l-uġigħ u l-mard tal-umanità kollha.

Minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, aħna nistgħu ngħixu bil-wegħda li jkun xi jkun it-taqbid tagħna fil-ħajja, aħna dejjem jista’ jkollna t-tama fih, “li għandu s-setgħa li jsalva” (2 Nephi 31:19). Minħabba l-Att tal-Fidwa Tiegħu, aħna jista’ jkollna l-ferħ, il-paċi, l-hena u l-ħajja eterna.

Il-President Boyd K. Packer iddikjara: “Ħlief bl-eċċezzjoni ta’ numru żgħir ħafna li għażlu t-telfien, m’hawn l-ebda drawwa, l-ebda vizzju, l-ebda ribelljoni, l-ebda trasgressjoni, l-ebda apostasija, l-ebda att kriminali li huma eżentati mill-wegħda tal-maħfra kompleta. Din hi l-wegħda tal-att tal-Fidwa ta’ Kristu.”2

Waħda mill-aktar ġrajjiet inkredibbli fl-istorja umana hija ż-żjara tas-Salvatur ġewwa l-kontinent Amerikan biex jamministra lill-abitanti tal-qedem. Immaġinaw f’ moħħkom li kieku intom kontu tinsabu hemmhekk. Hekk kif bdejt nixtarr dwar il-mod kif Huwa b’ imħabba beda jamministra qalb dak il-grupp ta’ Qaddisin miġburin ħdejn it-tempju, jiena spiċċajt nirrifletti fuq tfal individwali li jiena nħobb aktar milli nħobb lili nnifsi. Ippruvajt nimmaġina kif stajt ħassejtni jien li nħaddan miegħi liċ-ċkejknin tagħna, li personalment nara b’ għajnejja lis-Salvatur jistieden lil kull tifel u tifla biex imorru għandu, li nara dirgħajn is-Salvatur jilħqu lil kull tifel u tifla, u narah wieqaf hekk kif it-tfal kollha, wara xulxin, bil-ħlewwa jħossu b’ idhom is-sinjali li kellu f’ idu u f’ riġlejh, u mbagħad narahom ilkoll jieqfu u jagħtu xhieda li Huwa jgħix! (Ara 3 Nephi 11:14–17; ara wkoll 17:21; 18:25.) Li nisma’ lit-tfal tagħna jduru u jgħidu, “Ma, Pa, dak hu!”

Immaġni
Is-Salvatur mat-tfal

Ma nafx li hawn xi ħaġa f’ din id-dinja li tista’ timlina b’ ferħ u hena akbar milli nkunu nafu li wliedna jafu verament lis-Salvatur, li nkunu nafu li huma jafu “lejn liema sors għandhom iduru għall-maħfra ta’ dnubiethom.” Huwa għalhekk li aħna, bħala membri tal-Knisja, “nippridkaw dwar Kristu” u nixhdu dwar Kristu (2 Nephi 25:26).

  • Huwa għalhekk li aħna nitolbu ma’ wliedna kuljum.

  • Huwa għalhekk li aħna naqraw l-iskrittura magħhom kuljum.

  • Huwa għalhekk li aħna ngħallmuhom biex jaqdu lil xulxin, ħalli huma jkunu intitolati għall-barkiet li jiksbu meta huma jsibu lilhom infushom hekk kif jintilfu fis-servizz tagħhom għal ħaddieħor (ara Mark 8:35; Mosiah 2:17).

Hekk kif aħna niddedikaw irwieħna għal dan il-mudell sempliċi li għandna nimxu fuqu bħala dixxipli, aħna nkunu qed inqawwu lil uliedna bl-imħabba tas-Salvatur u b’ direzzjoni u protezzjoni divina hekk kif huma jħabbtu wiċċhom mal-irwiefen feroċi tal-avversarju.

L-evanġelju huwa sewwasew dwar kull persuna individwali. Huwa dwar nagħġa waħda mitlufa (ara Luqa 15:3–7); huwa dwar mara waħda Samaritana ħdejn il-bir (ara Ġwanni 4:5–30); huwa dwar iben wieħed ħali (ara Luqa 15:11–32).

U huwa dwar wieħed tifel żgħir li forsi ddikjara li mhux qed jagħti kas ta’ dak li kien qed jingħad.

Huwa dwar kull wieħed u waħda minna—imperfetti kemm aħna imperfetti—li nsiru ħaġa waħda mas-Salvatur bl-istess mod kif Hu huwa ħaġa waħda ma’ Missieru (ara Ġwanni 17:21).

Jiena nixhed li aħna għandna Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna, li jafna b’ isimna! Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa l-Iben il-ħaj ta’ Alla l-ħaj. Huwa l-Uniku Iben Imnissel u l-Avukat tagħna mal-Missier. Jiena nixhed ukoll li s-salvazzjoni niksbuha permezz ta’ ismu—u permezz tal-ebda mod ieħor.

Hija t-talba tiegħi li aħna niddedikaw qalbna u jdejna biex ngħinu ħalli wlied Missierna tas-Smewwiet kollha jsiru jafuh u jħossu l-imħabba Tiegħu. Hekk kif aħna nagħmlu dan, Huwa jwegħidna ferħ u hena eterna f’ din id-dinja u fid-dinja li jmiss. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. “Message of the First Presidency,” f’ Rapport tal-Konferenza, Ott. 1942, 12–13; kif inqara mill-President J. Reuben Clark Jr.

  2. Boyd K. Packer, “The Brilliant Morning of Forgiveness,” Ensign, Nov. 1995, 20.