2010-2019
Fil-Ktieb Hemm Ċerta Qawwa
Ottubru 2016


Fil-Ktieb Hemm Ċerta Qawwa

L-akbar qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon huwa l-impatt tiegħu li jressaqna viċin aktar ta’ Ġesù Kristu.

Fl-14 ta’ Ġunju, 1989, minħabba xi misinformazzjoni dwar il-Knisja, il-gvern tal-Ghana pprojbixxa l-attivitajiet kollha tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem f’ dak il-pajjiż Afrikan. Il-gvern ħataf f’ idejh il-propjetà kollha tal-Knisja, u ġiet imwaqqfa kull attività missjunarja. Il-membri tal-Knisja, li jirreferu għal dan il-perjodu bħala “il-friża,” għamlu dak kollu li setgħu biex jgħixu l-evanġelju mingħajr ma jkollhom laqgħat tal-fergħa jew is-sapport tal-missjunarji. Smajna b’ diversi stejjer li jispirawk dwar kif il-membri żammew id-dawl tal-evanġelju jiddi billi komplew iqimu fi djarhom kif ukoll komplew iħarsu lil xulxin bħala għalliema tad-dar u taż-żjajjar.

Eventwalment in-nuqqas ta’ ftehim irrisolva ruħu u fit-30 ta’ Novembru, 1990, il-friża ntemmet u reġgħu bdew bħal qabel l-attivitajiet normali tal-Knisja.1 Minn dak iż-żmien ‘l hawn dejjem kien hemm relazzjoni eċċellenti bejn il-knisja u l-gvern tal-Ghana.

Dawk il-membri li għexu fi żmien il-friża jħobbu ħafna jitkellmu dwar il-barkiet li huma raw f’ dak il-perjodu mhux tas-soltu. Il-fidi ta’ bosta ssaħħet permezz tal-avversità li huma ħabbtu wiċċhom magħha. Iżda barka partikolari waqt żmien il-friża ġiet fis-seħħ b’ mod xejn mistenni.

Nicholas Ofosu-Hene kien pulizija żagħżugħ assenjat biex jipproteġi waħda mid-djar tal-laqgħat tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem fi żmien il-friża. Id-dmir tiegħu kien li jħares il-bini matul il-lejl. Meta Nicholas mar għall-ewwel darba fid-dar tal-laqgħat, huwa ra l-affarijiet kollha mferrxin ma’ kullimkien, fosthom karti, kotba u għamara. F’ nofs din id-diżordni kollha, huwa ra kopja tal-Ktieb ta’ Mormon. Huwa pprova jinjora l-ktieb għaliex xi ħadd kien qallu li kien xogħol il-ħażen. Iżda, b’ mod inspjegabbli, huwa ħassu jinġibed lejh. Finalment, Nicholas ma setax jinjora aktar il-ktieb. Huwa qabdu f’ idejh. Huwa ħass li kellu jibda jaqrah. Huwa għadda l-lejl jaqra bid-dmugħ nieżel ma’ ħaddejh hekk kif beda jagħmel dan.

L-ewwel darba li qabdu f’ idejh, huwa qara l-ktieb kollu ta’ 1 Nephi. It-tieni darba, huwa qara l-ktieb kollu ta’ 2 Nephi. Meta wasal f’ 2 Nephi kapitlu 25, huwa qara dan li ġej: “Aħna nitkellmu dwar Kristu, aħna nifirħu bi Kristu, aħna nippridkaw dwar Kristu, u aħna nipprofetizzaw dwar Kristu, u aħna niktbu skont il-profeziji tagħna, sabiex uliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iduru għall-maħfra ta’ dnubiethom.”2

F’ dak il-punt, Nicholas ħass l-Ispirtu b’ tant qawwa li nfexx jibki. Huwa rrealizza li waqt li kien qed jaqra huwa kien irċieva diversi suġġerimenti spiritwali li dan il-ktieb kien skrittura, l-aktar waħda korretta li kien qara. Huwa rrealizza li l-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, kontra dak li kien sema’, kienu verament jemmnu f’ Ġesù Kristu. Wara li l-friża kienet intemmet u l-missjunarji reġgħu lura fil-Ghana, Nicholas, martu u wliedu ngħaqdu kollha kemm huma mal-Knisja. Meta jiena rajtu s-sena l-oħra, huwa kien kmandant tal-pulizija u kien qed iservi bħala l-president tal-Knisja tad-Distrett ta’ Tamale, il-Ghana. Huwa jgħid: “Il-Knisja bidlitli ħajti. … U jiena nirringrazzja lil Alla s-Setgħan talli ressaqni lejn dan l-evanġelju.”3

Alibert Davies, raġel ieħor mill-Ghana, mar jakkumpanja wieħed ħabib tiegħu f’ waħda mid-djar tal-laqgħat tagħna, fejn sieħbu kellu jattendi laqgħa tal-presidenza. Waqt li kien qed jistenna lil sieħbu, Alibert qagħad jaqra ktieb li kien sab viċin tiegħu. Meta ntemmet il-laqgħa, Alibert ried jieħu dak il-ktieb id-dar. Huwa ġie mogħti permess biex mhux biss jieħu miegħu dak il-ktieb iżda jieħu miegħu wkoll kopja tal-Ktieb ta’ Mormon. Meta huwa wasal id-dar, huwa beda jaqra l-Ktieb ta’ Mormon. Ma setax jieqaf jaqrah. Huwa baqa’ jaqra fid-dawl tal-musbieħ sat-tlieta ta’ filgħodu. Huwa għamel dan għal diversi ljieli, mistgħaġeb b’ dak li kien qed jaqra u jħoss. Illum Alibert huwa membru tal-Knisja.

Angelo Scarpulla beda l-istudji teologiċi tiegħu f’ art twelidu, l-Italja, meta kellu 10 snin. Hu eventwalment sar qassis u serva l-knisja tiegħu b’ devozzjoni. Kien hemm żmien meta beda jiddubita l-fidi tiegħu u huwa fittex u kiseb ċerti opportunitajiet biex ikompli jistudja. Madankollu, aktar ma beda jistudja aktar beda jħossu mħawwad. Dak li beda jarqa u jħoss ikkonvinċih li kienet seħħet apostasija ġenerali mid-duttrina vera li kien għallem Ġesù kif ukoll l-Appostli tal-ewwel żminijiet. Angelo beda jfittex ir-reliġjon vera ta’ Alla f’ diversi denominazzjonijiet iżda għal snin sħaħ baqa’ mhux sodisfatt.

Darba waħda huwa ltaqa’ ma’ żewġ membri tal-Knisja li kienu qed jgħinu lill-missjunarji jsibu aktar nies x’ jgħallmu. Huwa ħassu jinġibed lejhom u bil-ferħ beda jisma’ l-messaġġ tagħhom. Minn jeddu Angelo aċċetta kopja tal-Ktieb ta’ Mormon.

Dik il-lejla huwa beda jaqra l-ktieb. Huwa ħassu jinħakem mill-ferħ. Permezz tal-Ispirtu, Alla mela lil Angelo bl-assigurazzjoni li fil-Ktieb ta’ Mormon huwa kien se jsib il-verità li kien ilu jfittex għal ħafna snin. Ħass fih nixxiegħa ta’ sentimenti mill-aktar ħelwin. Dak li huwa qara u dak li huwa tgħallem mill-missjunarji kienu għalih konferma li fil-fatt kienet seħħet apostasija ġenerali, iżda huwa tgħallem ukoll li l-vera Knisja ta’ Alla kienet ġiet irrestawrata fid-dinja. Ftit żmien wara, Angelo tgħammed fil-Knisja.4 Meta jiena ltqajt miegħu għall-ewwel darba, huwa kien il-president tal-Fergħa ta’ Rimini tal-knisja tagħna fl-Italja.

Dak li Nicholas, Alibert u Angelo esperjenzaw permezz tal-Ktieb ta’ Mormon ifakkarna fl-esperjenza ta’ Parley P. Pratt:

“Jiena ftaħt il-ktieb b’ ħerqa kbira. … għaddejt il-jum kollu naqrah; li nieqaf biex niekol kien ħela ta’ ħin, ma kellix aptit ikel; l-irqad kien ħela ta’ ħin meta … dalam għaliex kont nippreferi li noqgħod naqra milli norqod.

“Hekk kif kont qed naqra, l-ispirtu tal-Mulej niżel fuqi, u jien kont naf u fhimt li dak il-ktieb kien veru, b’ tant ċertezza daqs kemm bniedem jaf b’ ċertezza li huwa verament jeżisti. Kont ksibt il-milja tal-ferħ, u tant fraħt li dak li bdejt inħoss ġewwa fija kien jiżboq in-niket, is-sagrifiċċju u l-għawġ kollu li qatt esperjenzajt f’ ħajti.”5

Xi nies esperjenzaw il-qawwa li fih il-Ktieb ta’ Mormon mill-ewwel darba li bdew iqallbu l-paġni tiegħu, iżda oħrajn kisbu xhieda li l-ktieb huwa veru hekk kif huma komplew jaqrawh u jitolbu dwaru. Fil-kas tiegħi, hekk ġara. Jiena qrajt għall-ewwel darba l-Ktieb ta’ Mormon meta kont għadni student żagħżugħ is-seminarju. Din hija l-kopja tal-Ktieb ta’ Mormon li jiena kont qrajt. Ma nistax ngħidilkom eżattament meta kien il-mument propju jew fejn kien il-post propju li jiena ħassejt konferma li hu veru, iżda f’ xi ħin waqt li kont qed naqra jiena bdejt inħoss xi ħaġa ġo fija. Ħassejtni ninħakem minn spirtu u sentiment mill-aktar ħelu kull darba li kont niftaħ il-ktieb. Dan is-sentiment kompla jikber hekk kif komplejt naqra. Dak is-sentiment għadni nħossu sal-lum. Kull darba li niftaħ il-Ktieb ta’ Mormon, qisni bħallikieku nixgħel swiċċ—inħoss qalbi u ruħi jinħakmu mill-Ispirtu.

Madankollu għal xi oħrajn, it-testimonjanza tagħhom tal-Ktieb ta’ Mormon idumu aktar biex jiksbuha, u dan isir wara bosta studju u talb. Jiena għandi ħabib li qara l-Ktieb ta’ Mormon biex isir jaf jekk huwiex veru. Huwa applika l-istedina li hemm f’ Moroni fejn talab lil Alla b’ qalb sinċiera, b’ intenzjoni ġenwina u b’ fidi fi Kristu, biex ikun jaf jekk il-Ktieb ta’ Mormon huwiex veru.6 Iżda huwa ma rċeviex l-imwiegħda tweġiba spiritwali tiegħu b’ mod immedjat. Madankollu, darba waħda waqt li kien qed jikkontempla, hekk kif kien qed isuq, l-Ispirtu xehed miegħu dwar il-verità tal-Ktieb ta’ Mormon. Tant ħassu ferħan u kommoss li huwa niżżel it-tieqa tal-karozza u beda jgħajjat, mingħajr ma jindirizza lil ħadd partikolari iżda fl-istess ħin iħabbar lid-dinja kollha, “Il-ktieb hu veru!”

Jekk niksbux it-testimonjanza tagħna tal-Ktieb ta’ Mormon mal-ewwel darba li niftħu l-ktieb jew inkella wara perjodu ta’ żmien, dan il-ktieb verament jispiċċa jinfluwenza l-kumplament ta’ ħajjitna jekk aħna nkomplu naqrawh u napplikaw it-tagħlim tiegħu. Il-President Ezra Taft Benson għallem: “Fil-ktieb tinsab ċerta qawwa li tibda taħkem f’ ħajjitkom fil-mument li intom tibdew tistudjaw il-ktieb bis-serjetà. Issibu qawwa akbar biex tirreżistu t-tentazzjoni. Issibu qawwa akbar biex tevitaw il-qerq. Intom issibu l-qawwa biex tibqgħu mexjin fit-trejqa stretta u dejqa.”7

Jiena nħeġġiġkom ilkoll biex tilqgħu dan il-messaġġ, inkluż lilkom li tħaddnu s-Saċerdozju Aroniku li tinsabu hawnhekk illejla, biex tiskopru l-qawwa li fih il-Ktieb ta’ Mormon. Kif ħeġġiġna l-President Thomas S. Monson: “Aqraw il-Ktieb ta’ Mormon. Xtarru t-tagħlim tiegħu. Itolbu lil Missierna tas-Smewwiet biex tkunu tafu jekk huwiex veru.”8 Tul dan il-proċess intom tħossu l-Ispirtu ta’ Alla f’ ħajjitkom. Dak l-Ispirtu jkun parti mit-testimonjanza tagħkom li l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru, li Joseph Smith kien profeta ta’ Alla, u li l-Knisja ta Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem hija l-vera Knisja ta’ Alla fid-dinja llum. Dik it-testimonjanza tgħinkom tirreżistu t-tentazzjoni.9 Tħejjikom għas- “sejħa kbira tad-diliġenza … biex taħdmu fl-għelieqi tad-dwieli tal-Mulej.”10 Tkun għalikom ankra vera meta jintużaw kontrikom ċerti akkużi jew dikjarazzjonijiet foloz biex jisfidaw il-fidi tagħkom, u tkun ukoll għalikom pedament mill-aktar b’ saħħtu meta intom tiffaċċjaw ċerti mistoqsijiet li ma tkunux tistgħu twieġbu, jew mistoqsijiet li forsi ma tistgħux tweġbuhom b’ mod immedjat. Intom tkunu kapaċi tagħrfu bejn il-verità u l-iżball, u intom tħossu l-assigurazzjoni tal-Ispirtu s-Santu jikkonferma u jerġa’ jikkonferma t-testimonjanza tagħkom hekk kif intom tkomplu taqraw il-Ktieb ta’ Mormon tul ħajjitkom.

Jiena nħeġġeġ ukoll lill-ġenituri kollha li qed tisimgħu jew taqraw dan il-messaġġ biex il-Ktieb ta’ Mormon tagħtuh importanza kbira fid-dar tagħkom. Hekk kif uliedna kienu għadhom qed jitrabbew, aħna konna naqraw flimkien il-Ktieb ta’ Mormon hekk kif konna nkunu qed nieklu l-kolazzjon ta’ filgħodu. Din hija l-bookmark li konna nużaw. Fuq in-naħa ta’ quddiem hemm kwotazzjoni mill-President Benson fejn iwegħidna li Alla jixħet barka fuqna meta naqraw il-Ktieb ta’ Mormon.11 Fuq in-naħa ta’ wara hemm din il-wegħda mill-President Marion G. Romney, li kien kunsillier fl-Ewwel Presidenza: “Ninsab ċert li jekk, f’ xi familji, il-ġenituri jaqraw regolarment mill-Ktieb ta’ Mormon bl-għajnuna tat-talb, kemm weħidhom kif ukoll ma’ wliedhom, l-ispirtu ta’ dak il-ktieb meraviljuż jibda jinxtered fid-djarna u qalb dawk li jgħammru fiha. … L-ispirtu tat-tilwim ma jibqax jgħammar fostna. Il-ġenituri juru imħabba u għerf akbar fil-kunsill li jagħtu lil uliedhom. L-ulied juru aktar rispons u aktar jissottomettu ruħhom għall-kunsill tal-ġenituri tagħhom. It-tjubija tikber. Il-fidi, it-tama u l-karità—l-imħabba pura ta’ Kristu—jibdew jgħammru fi djarna u f’ ħajjitna, u jġibu magħhom il-paċi, il-ferħ u l-hena.”12

Illum, ħafna snin wara li wliedna ħallew id-dar tagħna u issa huma stess jinsabu jrabbu l-familji tagħhom, aħna nistgħu naraw b’ ċarezza l-wegħda tal-President Romney tiġi fis-seħħ. Il-Familja Tagħna żgur mhijiex xi waħda perfetta, iżda aħna nistgħu nixhdu dwar il-qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon u, għax aħna konna u għadna naqrawh, aħna ksibna u qed inkomplu niksbu barkiet kbar fil-ħajja tal-membri kollha tal-familja tagħna.

L-akbar qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon huwa l-impatt tiegħu li jressaqna viċin aktar ta’ Ġesù Kristu. Il-ktieb huwa xhieda qawwija Tiegħu u tal-missjoni feddejja Tiegħu.13 Permezz tiegħu aħna naslu biex nifhmu l-majestà u l-qawwa tal-Att tal-Fidwa Tiegħu.14 Huwa jgħallimna d-duttrina Tiegħu b’ ċarezza kbira.15 U grazzi għall-kapitli meraviljużi li jiddeskrivu ż-żjara ta’ Kristu mqajjem mill-imwiet fost in-Nefiti, aħna narawh u nesperjenzawh iħobb, ibierek u jgħallem lil dawk in-nies u naslu biex nifhmu li Huwa jagħmel l-istess għalina jekk aħna nersqu lejh billi ngħixu l-evanġelju Tiegħu.16

L-aħwa, jiena nixhed dwar il-qawwa li tinsab fil-Ktieb ta’ Mormon. Kemm jekk naqrah bl-Ingliż, bit-Taljan jew bil-Franċiż, kemm jekk permezz tal-verżjoni stampata jew inkella eletronika, jiena nesperjenza l-istess spirtu meraviljuż inixxi minn qalb il-kapitli u l-versi tiegħu għal ġo qalbi. Jiena nixhed dwar l-abbiltà tiegħu li jressaqna aktar viċin Kristu. Jiena nitlob li kull wieħed u waħda minna nieħdu verament vantaġġ mill-qawwa li tinsab fl-iskrittura li hemm f’ dan il-ktieb meraviljuż. F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara “‘You Can’t Close My Heart’: Ghanaian Saints and the Freeze,” 6 ta’ Jan. 2016, history.lds.org.

  2. 2 Nephi 25:26.

  3. Imejl minn Nicholas Ofosu-Hene, 27 ta’  Ott. 2015.

  4. Ara Angelo Scarpulla, “My Search for the Restoration,” Tambuli, Ġunju 1993, 16–20; imejl minn Ezio Caramia, Sett. 16, 2016.

  5. Autobiography of Parley P. Pratt, ed. Parley P. Pratt Jr. (1938), 37.

  6. Ara Moroni 10:4–5.

  7. Teachings of Presidents of the Church: Ezra Taft Benson (2014), 141.

  8. Thomas S. Monson, “Dare to Stand Alone,” Liahona, Nov. 2011, 62; ara wkoll Thomas S. Monson, “Priesthood Power,” Liahona, Mejju 2011, 66; A Prophet’s Voice: Messages from Thomas S. Monson (2012), 490–94.

  9. Il-President Thomas S. Monson għallem: “Kull min iħaddan is-saċerdozju għandu jieħu sehem kuljum fl-istudju tal-iskrittura. … Inwegħidkom, kemm jekk intom tħaddnu s-Saċerdozju Aroniku, kemm jekk dak Melkisedeku, li jekk intom tistudjaw l-iskrittura b’ diliġenza, il-qawwa biex intom tevitaw it-tentazzjoni u tirċievu d-direzzjoni tal-Ispirtu s-Santu f’ dak kollu li tagħmlu tikber” (“Be Your Best Self,” Liahona, Mejju 2009, 68).

  10. Alma 28:14.

  11. “Inwegħidkom li mil-lum ‘il quddiem, jekk aħna nibdew nixorbu mill-paġni tal-Ktieb ta’ Mormon u ngħixu skont il-preċetti tiegħu, Alla jixħet fuq uliedu kollha ta’ Sijon u fuq il-Knisja barka akbar milli nistgħu qatt nimmaġinaw” (Teachings: Ezra Taft Benson, 127).

  12. Marion G. Romney, “The Book of Mormon,” Ensign, Mejju 1980, 67.

  13. Ara, per eżempju, il-paġna tat-titlu tal-Ktieb ta’ Mormon; 1 Nephi 11; 2 Nephi 25; Mosiah 16; 18; Alma 5; 12; Helaman 5; 3 Nephi 9; Mormon 7.

  14. Ara, per eżempju, 2 Nephi 2; 9; Mosiah 3; Alma 7; 34.

  15. Ara, per eżempju, 2 Nephi 31; 3 Nephi 11; 27.

  16. Ara 3 Nephi 11–28.