2010-2019
Gratitudni f’ Jum is-Sabbath
Ottubru 2016


Gratitudni f’ Jum is-Sabbath

Għall-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, is-Sabbath huwa jum ta’ gratitudni u mħabba.

Għeżież ħuti li tinsabu mferrxin madwar id-dinja fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, jiena grat li l-President Thomas S. Monson talabni biex nitkellem fil-konferenza f’ dan il-jum tas-Sabbath. Nitlob biex l-Ispirtu s-Santu jgħinkom tifhmu dak li jien se ngħid.

Illum nixtieq nitkellem dwar is-sentimenti tal-qalb. Se niffoka dwar il-gratitudni—partikolarment f’ jum is-Sabbath.

Aħna nħossuna grati għal bosta ħwejjeġ: għal xi att ħanin minn xi ħadd li ma nafuhx, għall-ikla li nieklu meta nkunu bil-ġuħ, għal saqaf fuq rasna waqt xi maltempata, għal xi għadma li ksirna li issa tfejqet, u għall-bikja bil-qalb ta’ tarbija tat-twelid. Ħafna minna niftakruna nħossuna grati.

Għall-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, is-Sabbath huwa wkoll mument bħal dan, fil-fatt jum ta’ gratitudni u mħabba. Fl-1831, il-Mulej għallem lill-Qaddisin fil-Kontea ta’ Jackson, ġewwa Missouri, li huma għandhom jindirizzaw talbhom u l-kliem ta’ ringrazzjament tagħhom lejn is-Smewwiet. Il-Qaddisin tal-ewwel żminijiet ġew mogħtija rivelazzjoni dwar kif huma għandhom iqaddsu jum is-Sabbath u kif għandhom isumu u jitolbu.1

Il-Mulej għallimhom, kif għallem lilna wkoll, kif huma għandhom iqimu u joffru r-ringrazzjament tagħhom f’ jum is-Sabbath. Kif tistgħu taraw, l-aktar ħaġa importanti hi l-imħabba li aħna nħossu għal dawk li tawna r-rigali li għandna. Dan hu kliem il-Mulej kif aħna għandna noffru r-ringrazzjament tagħna u kif għandna nħobbu f’ jum is-Sabbath:

“Jiena se nagħtihom kmandament, fejn għalhekk ngħidilhom: Intom għandkom tħobbu lill-Mulej, Alla tagħkom, b’qalbkom kollha, b’ saħħitkom kollha, b’moħħkom kollu, u bil-qawwa tagħkom kollha; u għandkom taqduh f’ isem Ġesù Kristu. …

“Għandkom tirringrazzjaw lill-Mulej Alla tagħkom f’ kollox.

“Għandkom toffru sagrifiċċju lill-Mulej Alla tagħkom fis-sewwa, sewwasew wieħed ta’ qalb maqsuma u spirtu sogħbien.”2

U mbagħad il-Mulej ikompli biex iwiddeb dwar il-periklu li nistgħu niffaċċjaw jekk aħna nonqsu li nirringrazzjaw lil Missierna tas-Smewwiet u lil Ġesù Kristu bħala dawk li tawna r-rigali li aħna għandna: “U f’ xejn il-bniedem ma joffendi lil Alla, jew kontra ħadd Hu ma juri l-għadab tiegħu, ħlief lejn dawk li ma jistqarrux li hu l-awtur ta’ kollox, u ma jobdux il-kmandamenti tiegħu.”3

Ħafna minnkom li tinsabu tisimgħuni diġà qed issibu l-ferħ f’ jum is-Sabbath bħala jum li fih tiftakru u tirringrazzjaw lil Alla għall-barkiet li tagħkom. Tiftakruha din l-għanja popolari:

Meta l-mewġ tal-ħajja fil-maltemp tkun sibt,

Meta l-kuraġġ jonqsok taħseb kollox tlift,

Għodd barkietek kollha; semmihom ilkoll,

Żgur b’ sorpriża tara kemm-il waħda ġġorr.

Għodd barkietek;

Semmi Alla x’tak.

Għodd barkietek;

U lejh int kun grat. …

Qatt tħossok tinħakem minn tant ħsibijiet?

Taħseb li salibek tqil wisq biex tgħabbih?

Għodd barkiet kollha; u kull dubju jtir,

Inti tibda tkanta għanjiet ta’ tifħir.4

Jiena rċevejt bosta ittri u ġew iżuruni ħafna Qaddisin tal-Aħħar Jiem li jħossuhom maħkumin minn tant ħsibijiet. Xi wħud jinsabu jaħsbu li kważi kważi m’hemmx aktar tama għalihom. Nittama u nitlob li dak li se ngħid dwar li nkunu grati f’ jum is-Sabbath ikun ta’ għajnuna biex id-dubji jtiru u biex intom tibdew tgħannu ġewwa qalbkom.

Barka waħda li għandna nkunu grati għaliha hi l-opportunità li għandna li nistgħu ninġabru flimkien fil-laqgħa tas-sagrament, miġburin f’ ismu ma’ numru mid-dixxipli Tiegħu. Hawn min jinsab ġewwa d-dar lanqas biss jiflaħ jinżel mis-sodda. Hawn oħrajn li jixtiequ jinsabu fejn ninsabu aħna iżda minflok qed iservu ġewwa xi sptar u jipprovdu s-sigurtà pubblika jew jinsabu jiddefenduna ġo xi deżert jew xi ġungla b’ riskju kbir għal ħajjithom. Il-fatt li aħna kapaċi nkunu miġburin flimkien anke jekk biss ma’ Qaddis wieħed tal-Aħħar Jiem u flimkien miegħu nieħdu sehem fis-sagrament, dan jgħinna biex nibdew inħossu l-gratitudni u l-imħabba għat-tjubija ta’ Alla.

Minħabba l-Profeta Joseph Smith u l-evanġelju rrestawrat, barka oħra li nistgħu nżidu hi li aħna għandna l-opportunità li kull ġimgħa nieħdu sehem fis-sagrament—imħejji, imbierek u mqassam minn qaddejja awtorizzati ta’ Alla. Nistgħu nkunu grati wkoll meta l-Ispirtu s-Santu jikkonferma magħna li l-kliem tat-talb tas-sagrament, li jiġi offrut minn dawk li jħaddnu s-saċerdozju, se jiġi onorat minn Missierna tas-Smewwiet.

Fost il-barkiet kollha li nistgħu ngħoddu, l-akbar fosthom bla dubju hija l-maħfra li aħna nirċievu hekk kif nieħdu sehem fis-sagrament. Aħna nħossu mħabba u apprezzament akbar għas-Salvatur, li permezz tas-sagrifiċċju infinit Tiegħu għamilha possibbli li aħna nitnaddfu mid-dnub. Hekk kif aħna nieklu mill-ħobż u nixorbu mill-ilma, aħna niftakru li Huwa sofra għalina. U meta aħna nħossu fina l-gratitudni għal dak li Huwa għamel għalina, aħna nkunu nistgħu nħossu l-imħabba Tiegħu għalina u l-imħabba tagħna lejh.

Il-barka tal-imħabba li aħna nirċievu tagħmilha aktar faċli għalina biex aħna nżommu l-kmandament li “dejjem niftakru fih.”5 Intom, bħali, tafu anke tħossu fikom imħabba u gratitudni wkoll għall-Ispirtu s-Santu, li Missierna tas-Smewwiet wiegħed li dejjem se jkun magħna hekk kif aħna nibqgħu fidili lejn il-patti li għamilna. Kull nhar ta’ Ħadd nistgħu ngħoddu dawn il-barkiet kollha u nħossuna grati.

Jum is-Sabbath huwa wkoll jum perfett biex fih niftakru l-patt li aħna għamilna fl-ilmijiet tal-magħmudija li nħobbu u nservu lil ulied Missierna tas-Smewwiet. Xi ħaġa li nistgħu nagħmlu biex f’ jum is-Sabbath aħna nwettqu din il-wegħda tinkludi li nieħdu sehem fil-klassi jew fil-kworum tagħna b’ għan sħiħ f’ qalbna biex nibnu l-fidi u l-imħabba fost ħutna li jkunu hemm magħna. Din il-wegħda tinkludi wkoll li aħna nwettqu b’ ferħ is-sejħiet tagħna.

Jiena grat għal bosta Ħdud li fihom għallimt lill-kworum tad-djakni ġewwa Bountiful, f’ Utah, kif ukoll fil-klassi tal-Iskola tal-Ħadd ġewwa Idaho. U jien anke saħansitra niftakar iż-żminijiet li fihom qdejt bħala assistent għall-mara tiegħi fil-klassi tat-tfal żgħar, fejn ix-xogħol ewlieni tiegħi kien li nagħtihom il-ġugarelli u wara nerġa’ niġborhom.

Kien żmien twil qabel ma jiena għaraft permezz tal-Ispirtu li s-servizz sempliċi tiegħi għall-Mulej kien ifisser ħafna fil-ħajja ta’ wlied Missierna tas-Smewwiet. B’ sorpriża għalija, xi wħud minnhom kienu jiftakru li kellhom jirringrazzjawni għal ħila imperfetta tiegħi biex inservihom f’ isem l-Imgħallem f’ dawk il-jiem tas-Sabbath.

Bl-istess mod kif aħna ma nkunux nistgħu nagħrfu r-riżultat tas-servizz li aħna stess nagħtu f’ jum is-Sabbath, aħna nafu ma nkunux kapaċi naraw l-effett kumulattiv ta’ qaddejja oħra tal-Mulej. Iżda l-Mulej jinsab jibni s-saltna Tiegħu bil-kwiet permezz tal-qaddejja fidili u umli Tiegħu, mingħajr ħafna daqq tat-trombi, lejn il-futur glorjuż tal-millenju. Huwa bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li aħna nistgħu nagħrfu din il-grandjożità li aktar ma tmur aktar tikber.

Jiena trabbejt nattendi f’ laqgħat sagramentali ġewwa fergħa ċkejkna ġewwa New Jersey li kienet tikkonsisti biss minn ftit membri u minn familja waħda, il-familja tagħna. Jiena tgħammidt ħamsa u sebgħin sena ilu, ġewwa Filadelfja, fl-unika kappella mibnija mill-Knisja li kien hemm ġewwa Pennsylvania jew New Jersey. Madankollu, fejn qabel kien hemm fergħa żgħira ġewwa Princeton, New Jersey, illum hemm żewġ utied kbar. U jumejn ilu biss, eluf ta’ żgħażagħ ħadu sehem fi preżentazzjoni li ttellgħet bħala ċelebrazzjoni qabel ġie ddedikat it-Tempju ta’ Philadelphia, f’ Pennsylvania.

Bħala tfajjel żagħżugħ, jien kont issejjaħt bħala missjunarju tad-distrett fejn aħna konna mmorru nqimu kull nhar ta’ Ħadd fl-unika kappella li kien hemm ġewwa Albuquerque, f’ New Mexico. Illum hemm insibu tempju u erba’ utied.

Jiena ħallejt Albuquerque biex immur nistudja ġewwa Cambridge, f’ Massachusetts. Kien hemm biss kappella waħda u d-distrett kien jinkorpora l-parti kbira ta’ Massachusetts u Rhode Island. Jiena kont insuq qalb l-għoljiet ta’ dik il-kampanja mill-isbaħ fi triqti lejn il-laqgħat tas-sagrament ġewwa fergħat ċkejknin, li ħafna minnhom kienu jkunu ġewwa postijiet żgħar mikrija jew inkella djar żgħar ikkonvertiti biex jintużaw bħala djar tal-laqgħat. Illum ġo Belmont, f’ Massachusetts, insibu tempju sagru ta’ Alla kif ukoll utied sħaħ madwar dawk l-inħawi kollha.

Ħaġa li dak iż-żmien ma stajtx nara b’ ċarezza kienet li l-Mulej kien qiegħed fil-fatt jixħet l-Ispirtu Tiegħu fuq in-nies f’ dawk il-laqgħat żgħar tas-sagrament. Dan jien kont stajt inħossu, iżda ma bdejtx nimmaġina kemm kienet se tikber il-ħidma tas-saltna u l-mument li fih dan kellu jseħħ skont l-intenzjoni tal-Mulej biex jibni u jigglorifika s-saltna Tiegħu. Wieħed profeta, permezz tar-rivelazzjoni, ra u kiteb dwar dak li issa nistgħu naraw b’ għajnejna. Nefi qal li n-numru tagħna mhux se jkun kbir ħafna iżda d-dawl kumulattiv se jkun wieħed mill-aktar meraviljuż:

“U ġara li jien rajt il-knisja tal-Ħaruf ta’ Alla, u l-membri tagħha ma kinux ħafna. …

“U ġara li jiena, Nefi, rajt il-qawwa tal-Ħaruf ta’ Alla, li niżlet fuq il-qaddisin tal-knisja tal-Ħaruf, u fuq il-poplu tal-patt tal-Mulej, li kien mifrux fuq wiċċ id-dinja; u kien armat permezz tas-sewwa u permezz tal-qawwa ta’ Alla fl-ogħla glorja.”6

F’ din id-dispensazzjoni, insibu miktub fid-Duttrina u Patti deskrizzjoni profetika simili dwar il-kundizzjoni tagħna u dwar l-opportunitajiet li se jkollna quddiemna:

“Intom għadkom ma fhimtux kemm huma kbar il-barkiet li l-Missier għandu mħejjijin għalikom;

“U ma tistgħux tifhmu kollox bħalissa; madankollu, agħmlu l-qalb, għaliex jiena se nkun qed immexxikom. Is-saltna hi tagħkom u l-barkiet tagħha huma tagħkom, u r-rikkezzi tal-eternità huma tagħkom.

“U dak li jirċievi kollox b’ ringrazzjament se jiġi gglorifikat; u l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja jingħatawlu ukoll, sewwasew għal mitt darba aktar.”7

Jiena ħassejt fija din it-trasformazzjoni ta’ gratitudni li dejjem qed tikber għall-barkiet u l-imħabba ta’ Alla madwar il-Knisja. Jidher li aħna nesperjenzaw dan b’ rata akbar fost il-membri tal-Knisja fi żminijiet u postijiet fejn il-membri qed jesperjenzaw ċertu sfidi fil-fidi tagħhom, fejn huma jkollhom iduru lejn Alla biex jgħinhom jibqgħu mexjin ’il quddiem.

Iż-żminijiet li ngħaddu minnhom jafu jippreżentawlna sfidi mill-aktar diffiċli, l-istess kif esperjenzaw in-nies ta’ Alma minħabba l-oppressjoni ta’ Amuloni, li poġġa fuqhom tagħbija diffiċli ħafna li jġorruha:

“U ġara li semgħu leħen il-Mulej qalb is-sofferenza tagħhom, jgħid: Għollu raskom ’il fuq u ntlew bil-faraġ, għaliex jiena naf bil-patt li intom għamiltu miegħi; u jiena nagħmel patt mal-poplu tiegħi u neħilsu mill-jasar.

“U jiena nħaffef it-tagħbija li għandkom fuq spallejkom, li anke intom stess ma tħossuhiex aktar fuq daharkom; u dan jien nagħmlu sabiex minn issa ‘l quddiem intom tieqfu bħala xhieda għalija, u sabiex tkunu tafu b’ ċertezza li jiena, il-Mulej Alla, inżur il-poplu tiegħi waqt is-sofferenza li jgħaddi minnha.

“U issa ġara li t-tagħbija li Alma u ħutu kienu qed iġorru ħfiefet; iva, il-Mulej tahom aktar saħħa sabiex huma jkunu jistgħu jġorru t-tagħbija tagħhom mingħajr wisq diffikultà, u huma ssommettew ruħhom b’ ferħ u b’ tant paċenzja għar-rieda tal-Mulej.”8

Intom u jiena xhieda li kull darba li aħna żammejna l-patti li aħna għamilna ma’ Alla, speċjalment meta jkun diffiċli nagħmlu dan, Huwa sema’ t-talba ta’ ringrazzjament tagħna għal dak li Huwa diġà għamel għalina u Huwa sema’ talbna biex jagħtina l-qawwa biex nibqgħu nikkumbattu b’ fedeltà. U għal aktar minn darba Huwa tana l-qawwa li konna neħtieġu kif ukoll għenna nikkumbattu b’ ferħ.

Intom tafu tistaqsu x’ għandkom tagħmlu biex tgħixu u tqimu f’ jum is-Sabbath b’tali mod li intom turu l-gratitudni tagħkom u ssaħħu lilkom infuskom, u lill-oħrajn, fl-isfidi li jkollkom quddiemkom.

Tistgħu tibdew mil-lum stess billi toffru talba ta’ ringrazzjament kemm fil-privat kif ukoll mal-familja tagħkom għal dak kollu li għamel għalikom Alla. Tistgħu titolbu biex tkunu tafu xi jridkom tagħmlu l-Mulej biex taqdu lilu u lil ħaddieħor. Partikolarment, tistgħu titolbu sabiex l-Ispirtu s-Santu jurikom b’ xi ħadd li jinsab waħdu jew li hu fil-bżonn li l-Mulej iridkom tmorru żżuru.

Jiena nwegħidkom li t-talb tagħkom jiġi mwieġeb, u hekk kif intom taġixxu skont it-tweġiba li tirċievu, intom issibu l-ferħ f’ jum is-Sabbath u qalbkom timtela b’ ringrazzjament.

Jiena nixhed li Alla l-Missier jafkom u jħobbkom. Is-Salvatur, il-Mulej Ġesù Kristu, patta għal dnubietkom sforz l-imħabba tiegħu għalikom. Huma, il-Missier u l-Iben, jafu x’ jisimkom l-istess kif Huma kienu jafu isem il-Profeta Joseph Smith meta lilu Huma dehru. Jiena nixhed li din hija l-Knisja ta’ Ġesù Kristu u li Huwa jonora l-patti li intom ġġeddu ma’ Alla. L-istess natura tagħkom tinbidel u ssir tixbah aktar lis-Salvatur. Intom tiffortifikaw ruħkom kontra kull tentazzjoni u kontra s-sentimenti ta’ dubju li jista’ jkollkom dwar il-verità. Intom issibu l-ferħ f’ jum is-Sabbath. Dan jiena nwegħidkom f’ isem il-Mulej Ġesù Kristu, amen.