2010-2019
Rappreżentanti tal-Knisja
Ottubru 2016


Rappreżentanti tal-Knisja

Aħna qegħdin nitolbukom biex bħala għalliema tad-dar intom tkunu rappreżentanti ta’ Alla ma’ wliedu, li tħobbu, tieħdu ħsieb u titolbu għal dawk in-nies li ġew assenjati lilkom.

M’ilux wisq, waħda oħt, li se nsejħilha Molly, hekk kif waslet id-dar mix-xogħol b’ sorpriża sabet żewġ pulzieri (5 ċm) ilma mal-art fejn bażikament il-kantina tagħha spiċċat għadira waħda. Immedjatament hija rrealizzat li bilfors li l-ġirien tagħha, li magħhom kienet taqsam is-sistema komuni tad-dranaġġ, kienu wżaw ammont kbir ta’ ilma biex jaħslu l-ħwejjeġ u biex huma jinħaslu minħabba l-kwantità ta’ ilma li spiċċa daħal għandha.

Wara li Molly ċemplet lil waħda ħabiba tagħha biex tmur u tgħinna, it-tnejn li huma flimkien bdew jixkupaw u jixxottaw l-ilma. F’ dak il-mument daqqet il-qanpiena tal-bieb ta’ barra. Ħabibtha qaltilha, “Waslu l-għalliema tad-dar tiegħek!”

Molly infexxet tidħaq. “Illum hu l-aħħar jum tax-xahar,” weġbitha, “iżda nista’ niżgurak li żgur mhumiex l-għalliema tad-dar tiegħi.”

Ħafja, bil-qalziet imxarrab, b’ xagħarha marbut b’ maktur, u liebsa par ingwanti tal-lasktu mill-aktar eleganti, Molly marret tiftaħ il-bieb. Iżda x’ kienet l-apparenza xejn tas-soltu tagħha ħdejn id-dehra li rat quddiemha. Fil-fatt kienu l-għalliema tad-dar tagħha!

“Lanqas biss ridt nemmen b’ dak li kont qed nara!” hija qaltli wara. “Dan kien it-tip ta’ miraklu relatat mal-għalliema tad-dar—li dwaru jitkellmu l-Aħwa waqt id-diskors tal-konferenza ġenerali!” Hija kompliet: “Iżda hekk kif kont qed nipprova niddeċiedi jekk nagħtihomx bewsa jew inkella l-mopp, huma qaluli, ‘Jiddispjaċina Molly. Nistgħu naraw li verament għandek x’ tagħmel. Ma rridux intellfuk; nerġgħu ngħaddu ħin ieħor.’ U telqu minn ħdejja.”

“Min kien?” għajtet ħabibitha mill-kantina.

“Xtaqt ngħidilha, ‘Żgur li ma kinux it-Tlett Nefiti,’” qalet Molly, “iżda gdimt ilsieni u b’ kalma kbira għedt, “Kienu l-għalliema tad-dar tiegħi, iżda huma ħassew li ma kienx il-ħin opportun biex huma jaqsmu miegħi l-messaġġ tagħhom.’”1

L-aħwa, ejjew neżaminaw ftit id-dmir tas-saċerdozju li ġie deskritt bħala “l-ewwel sors ta’ għajnuna tal-Knisja” għall-individwi u l-familji tagħha.2 Ammont kbir ta’ foresti ġew issagrifikati biex jipprovdulna l-karti biex aħna norganizzaw din il-ħidma u nerġgħu norganizzawha mill-ġdid. Eluf ta’ diskorsi ġew mogħtija bl-iskop li lilna jimmotivawna u jinkuraġġuna. L-ebda psikoloġista jew attività ma jwasslu biex aħna nħossuna ħatja dwar xi ħaġa daqs kemm iwassalna biex inħossuna ħatja t-tagħlim tad-djar. Madankollu aħna nsibuha verament diffiċli biex nersqu viċin l-istandard aċċettabbli li jistenna minna l-Mulej meta talabna biex “nieħdu dejjem ħsieb il-knisja”3 permezz tat-tagħlim tad-dar tas-saċerdozju.

Parti minn din l-isfida li aħna niffaċċjaw hija d-demografika dejjem tinbidel fil-Knisja. Aħna nafu li peress li llum il-membri tagħna jinsabu mifruxin f’ aktar minn 30,000 qasam jew fergħa, f’ 188 pajjiż jew territorju differenti, huwa aktar diffiċli li aħna nżuru d-djar ta’ ħutna milli kien fiż-żminijiet bikrin tal-Knisja meta l-ġirien kienu jgħallmu lil xulxin f’ dik li kienet tissejjaħ bħala “it-tagħlim tal-blokk.”

Barra minn hekk, f’ ħafna units tal-Knisja, hemm numru limitat ta’ rġiel li jħaddnu s-saċerdozju li jistgħu jagħmlu t-tagħlim tad-dar, u dan iwassal biex dawk li jistgħu jservu jkollhom jieħdu ħsieb madwar 18 jew 20 familja—jew aktar. Jaf ikun hemm ċerti problemi oħra relatati ma’ vjaġġar fit-tul, l-ispejjeż u n-nuqqas ta’ disponibbiltà tat-trasport, u l-ħinijiet twal tal-ġurnata tax-xogħol fejn wieħed ikollu jaħdem kważi kuljum. Ma’ dawn inżidu ċerti sitwazzjonijiet li jafu jitqiesu bħala xi tabù kulturali kontra ċerti żjajjar fid-djar li mhux kulħadd jieħu gost bihom, kif ukoll ċerti kwistjonijiet ta’ sigurtà li jeżistu f’ ħafna nħawi tad-dinja—mela, aħna qed nibdew naraw kemm hi kumplessa din il-problema.

L-aħwa, fejn iċ-ċirkustanzi jippermettu li dan iseħħ, iż-żjara ta’ kull xahar f’ kull dar għadha l-ħaġa ideali li l-Knisja għandha tammira għaliha. Iżda għax aħna nirrealizzaw li f’ bosta nħawi madwar id-dinja li niksbu dan l-ideal mhijiex ħaġa possibbli u li aħna nispiċċaw nikkawżaw biex dawn l-aħwa jibdew iħossuhom li qed ifallu meta nitolbuhom biex jagħmlu dak li mhuwiex realistikament possibli li jagħmlu, f’ Diċembru tal-2001, l-Ewwel Presidenza kitbet lill-mexxej tas-saċerdozju tal-Knisja u tagħthom dan il-kunsill ispirat u ta’ għajnuna kbira: “Hemm xi postijiet fil-Knisja,” huma kitbu, “fejn … it-tagħlim tad-dar lil kull dar kull xahar jaf mhuwiex xi ħaġa possibbli minħabba n-numru insuffiċjenti ta’ aħwa attivi li jħaddnu s-saċerdozju kif ukoll minħabba ċerti sfidi oħra lokali.” Aħna diġà semmejna xi wħud minnhom. “Meta intom tiffaċċjaw dawn it-tip ta’ ċirkustanzi,” huma komplew, “il-mexxejja għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jużaw ir-riżorsi li huma għandhom disponibbli biex huma jħarsu u jsaħħu lil kull membru.”4

L-aħwa, jekk fil-qasam jew fil-fergħa tiegħi jiena qed niffaċċja dawn it-tip ta’ ċirkustanzi diffiċli, jiena u s-sieħeb tiegħi fis-Saċerdozju Aroniku għandna napplikaw il-kunsill tal-Ewwel Presidenza (li issa huwa polisi fil-manwal) b’ dan il-mod: L-ewwel, avolja nafu ndumu xhur sħaħ biex inwettqu dan, aħna għandna nwettqu l-mandat li hemm fl-iskrittura li “nżuru d-dar ta’ kull membru,”5 fejn nistabbilixxu skeda li tagħtina ċ-ċans li nżuru dawk id-djar fi żmien li hu possibbli u prattiku. F’ din l-iskeda għandna nikkunsidraw il-ħin li aħna għandna disponibbli u kemm-il darba se nżuru lil dawk li għandhom l-aktar bżonnha—l-investigaturi li l-missjunarji qed jgħallmu, dawk il-membri ġodda, dawk li huma morda, weħidhom, anqas attivi, familji b’ ġenitur wieħed li għad għandhom it-tfal id-dar, eċċetra.

Hekk kif inkunu qed naħdmu fuq l-iskeda tagħna biex inżuru d-djar kollha, xi ħaġa li taf tieħu xhur sħaħ biex titwettaq, aħna nistgħu nagħmlu kuntatt ieħor ma’ dawk l-individwi u l-familji fuq il-lista tagħna b’ kull mod ieħor li pprovdielna l-Mulej. Ċertament fil-knisja aħna għandna nħarsu l-familji tagħna u, kif tgħid l-iskrittura, għandna “nitkellmu bejnietna dwar il-ġid ta’ ruħhom.”6 Barra minn hekk, nistgħu nċemplulhom, nibagħtulhom xi imejl jew messaġġ bil-mowbajl u anke saħansitra ngħaddulhom ix-xewqat sbieħ tagħna permezz tad-diversi forom ta’ midja soċjali li hi disponibbli għalina. Biex jgħinna nindirizzaw ċerti bżonnijiet speċjali, aħna nafu nibagħtulhom xi kwotazzjoni mill-iskrittura jew xi vers mill-konferenza ġenerali jew xi Messaġġ Mormon li nsibu fuq il-kwantità kbira ta’ materjal disponibbli għalina fuq LDS.org. Biex nuża l-lingwaġġ tal-Ewwel Presidenza, aħna għandna nagħmlu l-almu tagħna skont iċ-ċirkustanzi li nkunu qed niffaċċjaw bir-riżorsi li huma disponibbli għalina.

L-aħwa, l-appell li jien qed nagħmlilkom illejla hu biex intom tkabbru l-għarfien tagħkom dwar it-tagħlim tad-dar. Jekk jogħġobkom, f’ ċirkustazi aktar ideali, ħarsu lejkom infuskom bħala rappreżentanti tal-Mulej ma’ wliedu. Dan ifisser li tħallu warajkom it-tradizzjoni tal-liġi urġenti ta’ Mosè–bħal per eżempju, li fl-aħħar tax-xahar tmorru twasslu messaġġ li ssibu fir-rivisti tal-Knisja li l-familja tkun diġà qratu qabel. Aħna pjuttost nittamaw li intom tibdew era ġdida ta’ mħabba ġenwina bbażata fuq l-evanġelju lejn il-membri, li tħarsu u tieħdu ħsieb xulxin, fejn tindirizzaw il-bżonnijiet spiritwali u temporali tagħhom b’ kull mod li jaf ikun ta’ għajnuna.

Issa, għal dak li “jgħodd” bħala tagħlim tad-dar, kull ħaġa tajba li intom tagħmlu “tgħodd,” għalhekk irrapportaw kull ħaġa! Fil-fatt, l-aktar rapport importanti hu kif intom tkunu beriktu u ħadtu ħsieb lil dawk li intom responsabbli minnhom, u li m’għandu x’ jaqsam xejn ma’ xi żmien fil-kalendarju speċifiku jew ma’ xi post partikolari. L-aktar ħaġa importanti hi li intom tħobbu lin-nies tagħkom u li tinsabu twettqu l-kmandament li “tieħdu dejjem ħsieb il-knisja.”7

Fit-30 ta’ Mejju tas-sena l-oħra, sieħbi Troy Russell ħareġ bil-mod il-vann tiegħu mill-garaxx hekk kif kien sejjer jagħti xi affarijiet lill-Industriji ta’ Deseret ta’ fejn kien joqgħod. Huwa ħass li kien għadda minn fuq xi ħaġa permezz tat-tajer ta’ wara tiegħu. Huwa ħaseb li kien waqa’ xi ħaġa mill-van għalhekk niżel u hemm quddiemu sab lit-tifel prezzjuż tiegħu, Austen, li kellu disa’ snin, wiċċu ‘l isfel fuq il-bankina. It-twerżiq, il-barka saċerdotali, l-istaff paramediku kif ukoll l-istaff tal-isptar—f’ dan il-kas partikolari kienu kollha ta’ xejn. Austen kien miet.

Troy kien inkonsolabbli, la seta’ jorqod u lanqas seta’ jsib il-paċi. Huwa qal li ma kienx b’ saħħtu biżżejjed biex jgħaddi minn dan il-mument u hu sempliċiment ma setax ikompli jgħix aktar f’ din il-ħajja. Iżda f’ dak iż-żmien ta’ agonija kbira ġew jassistuh tliet forzi feddejja.

L-ewwel forza kienet l-imħabba u l-ispirtu konfortanti ta’ Missierna tas-Smewwiet, preżenza li hu kien iħoss permezz tal-Ispirtu s-Santu li spiċċat biex imliet lil Troy bil-faraġ, għallmitu, ħabbitu u permezz ta’ leħen sieket qaltlu li Alla jaf xi tfisser li titlef Iben mill-aktar meraviljuż u perfett. It-tieni forza kienet martu, Deedra, li għannqet lil Troy magħha u ħabbitu u fakkritu li hija wkoll kienet tilfet lil binha u kienet determinata li ma titlifx ukoll lil żewġha. It-tielet forza f’ din l-istorja hu John Manning, għalliem tad-dar straordinarju.

Fil-verità ma nafx f’liema ħin John u s-sieħeb tiegħu kienu jmorru jżuru d-dar tal-familja Russell, jew x’ messaġġ huma kienu jaqsmu magħhom meta kienu jaslu hemm, jew kif huma kienu jirrapportaw l-esperjenza tagħhom. Li naf hu li fir-rebbiegħa li għaddiet Brother Manning niżel għal Troy Russell u refgħu ‘l fuq mit-traġedja li kienet seħħet quddiem id-dar bl-istess mod kif huwa stess kien refa’ liċ-ċkejken Austen. Bħala l-għalliem tad-dar tiegħu jew il-bniedem li kien qed jieħu ħsiebu jew ħuh fl-evanġelju, kif kien mistenni minnu li jkun, John sempliċiment ħa ħsieb ta’ Troy Russell skont id-dmir li huwa kellu bħala bniedem li jħaddan is-saċerdozju. Huwa beda biex jgħidlu, “Troy, Austen iridek terġa’ tqum fuq saqajk—saħansitra jridek tmur tilgħab il-baskitbol—għalhekk jiena se nibda niġi hawn għalik kull filgħodu fil-ħamsa u kwart. Kun lest għaliex ma rridx li jkolli għalfejn nidħol għalik biex inqajmek—u jiena naf li Deedra lanqas ma tridni nagħmel dan.”

“Jien ma ridtx immur,” qalli aktar tard Troy, “għaliex jien dejjem kont nieħu lil Austen miegħi kull filgħodu u kont naf li l-memorja tiegħu kienet se tkun wisq diffiċli għalija. Iżda John baqa’ jinsisti, għalhekk jiena mort. Minn dak l-ewwel jum li jien mort lura, aħna bdejna nitkellmu bejnietna—jew aħjar jiena kont noqgħod nitkellem u John kien ikun lest jismgħani. Jiena kont ngħaddi t-triq kollha mid-dar sa kemm naslu l-knisja nitkellem u kont nerġa’ nagħmel l-istess ħaġa fi triqtna lejn id-dar. Xi kultant kont inkun għadni nitkellem meta konna nkunu qed nipparkjaw u flimkien konna noqogħdu naraw ix-xemx titla’ fuq Las Vegas. Għall-ewwel kien diffiċli, iżda maż-żmien jiena rrealizzajt li kont sibt il-kuraġġ li kelli bżonn f’ raġel mill-Knisja twil sitt piedi u żewġ pulzieri li kien isibha veru diffiċli biex jilgħab il-baskitbol iżda li ħabbni verament u baqa’ jisma’ dak li kelli ngħid sakemm finalment reġgħet telgħet ix-xemx f’ ħajti.”8

Ħuti tas-saċerdozju mqaddes, meta aħna nitkellmu dwar it-tagħlim tad-dar jew li nieħdu ħsieb jew namministraw personalment permezz tas-saċerdozju—sejjaħlu li trid—aħna nkunu qed inwettqu dak li kont qed nitkellem dwaru. Aħna qegħdin nitolbukom biex bħala għalliema tad-dar intom tkunu rappreżentanti ta’ Alla ma’ wliedu, li tħobbu, tieħdu ħsieb u titolbu għal dawk in-nies li ġew assenjati lilkom, bl-istess mod kif aħna nħobbukom u nitolbu għalikom. Li intom tkunu viġilanti hekk kif tieħdu ħsieb il-merħla ta’ Alla b’ modi konsistenti maċ-ċirkustanzi tagħkom, jien nitlob, f’ isem ir-Ragħaj it-Tajjeb tagħna lkoll, li Tiegħu jiena nagħti xhieda, sewwasew il-Mulej Ġesù Kristu, amen.