2010-2019
Wieġbu għas-Sejħa b’ Qawwa, O Ħuti Nisa f’ Sijon
Ottubru 2016


Wieġbu għas-Sejħa b’ Qawwa, O Ħuti Nisa f’ Sijon

Biex inkunu nisa konvertiti li nżommu l-patti tagħna, jeħtieġ li aħna nistudjaw id-duttrina essenzjali tal-evanġelju u jkollna testimonjanza mill-aktar soda tal-verità tagħha.

X’ mument ta’ ferħ li ninsabu miġburin hawn f’ dan iċ-Ċentru tal-Konferenza flimkien mal-bniet, mat-tfajliet u man-nisa tal-Knisja. Aħna wkoll konxji verament li hawn eluf ta’ gruppi oħra ta’ ħutna nisa li jinsabu miġburin madwar id-dinja isegwu dawn ix-xandiriet, u jiena grata għall-opportunità u l-mezzi li għandna li jagħtuna ċ-ċans biex illejla ningħaqdu flimkien f’ unità u għan wieħed.

F’ Ottubru 2006, il-President Gordon B. Hinckley għamel diskors li kien jismu “Wieġbu għas-Sejħa, O Rġiel ta’ Alla,” imsemmi għal għanja miktuba fl-1911.1 Kienet stedina lill-irġiel tal-Knisja biex iwieġbu għas-sejħa u jtejbu lilhom infushom. Dak id-diskors beda jidwi f’ moħħi hekk kif bdejt nitlob biex inkun naf x’ kelli naqsam magħkom.

Ħuti, aħna qed ngħixu f’ “żminijiet perikolużi.”2 Il-kundizzjonijiet ta’ żmienna m’għandhomx ikunu sorpriża għalina. Ilhom eluf ta’ snin jiġu mbassrin lilna bħala twissija u twiddiba ħalli aħna nitħejjew. It- 8 kapitlu ta’ Mormon jagħtina deskrizzjoni inkwetanti mill-aktar ċara tal-kundizzjonijiet ta’ żmienna. F’ dan il-kapitlu, Moroni jgħid li hu kien qed jara żmienna, u jinkludi fih gwerer u xnigħat ta’ gwerer, tniġġis kbir, qtil, serq u nies li jgħidulna li f’ għajnejn Alla la jeżisti tajjeb u lanqas ħażin. Huwa jiddeskrivi nies li huma minfuħin bihom infushom, li moħħhom biex jilbsu lbies li jqum il-flus u jgħaddu ż-żmien bir-reliġjon. Huwa ġie muri nies li huma ossessjonati bil-ħwejjeġ tad-dinja li jaslu fi stat li “min hu fil-bżonn, u min hu għeri, u marid u li qed isofri jgħaddi minn ħdejhom”3 u huma ma jindunawx.

Moroni staqiena mistoqsija li tittestjalna l-kunxjenza tagħna—aħna li qed ngħixu f’ dawn iż-żminijiet. Huwa jgħid, “Għalfejn tistħu tieħdu fuqkom isem Kristu?”4 Din l-akkuża tiddeskrivi b’ mod ċar il-kundizzjoni tad-dinja tagħna li aktar ma tmur aktar qed issir sekulari.

It-traduzzjoni tal-ktieb ta’ Mattew ta’ Joseph Smith tindika li fl-aħħar jiem anke l-istess “magħżulin … skont il-patt”5 se jispiċċaw jitqarrqu. Dawn tal-patt jinkludu il-bniet, it-tfajliet u n-nisa tal-Knisja li ġew mgħammdin u għamlu ċerti patti ma’ Missierhom tas-Smewwiet. Anke aħna ninsabu f’ riskju li niġu mqarrqin permezz ta’ tagħlim falz.

Ħuti, jien ma nemminx li l-kundizzjonijiet sejrin jitjiebu aktar ma jgħaddi ż-żmien. Jekk nistgħu nieħdu bħala indikazzjoni s-sitwazzjoni fi żmienna, jeħtieġ verament nitħejjew għal maltempati li għad iridu jiġu. Ikun ferm aktar faċli li niskuraġġixxu ruħna, iżda bħala nies tal-patt, m’għandna qatt niddispraw. Kif qal il-Presbiteru Gary E. Stevenson, “Il-kumpens ġeneruż li jagħtina Missierna tas-Smewwiet għaliex ninsabu ngħixu fi żminijiet perikolużi hu li bħalissa aħna ninsabu ngħixu wkoll fil-milja taż-żminijiet.”6 Jogħġobni ferm il-faraġ li twasslilna din id-dikjarazzjoni.

Il-President Russell M. Nelson sena ilu qalilna: “L-attakki kontra l-Knisja, id-duttrina tagħha u l-mod ta’ kif ngħixu se jkomplu jikbru. Minħabba f’ hekk, neħtieġu nisa li għandhom għarfien sod tad-duttrina ta’ Kristu u li jużaw dan l-għarfien biex jgħallmu u jgħinu jrabbu ġenerazzjoni ta’ nies li jkunu kapaċi jirreżistu d-dnub. Neħtieġu nisa li huma kapaċi jagħrfu l-qerq f’ kull forma tiegħu. Neħtieġu nisa li jafu kif għandhom jaċċessaw il-qawwa li Alla jagħmilha disponibbli lil dawk kollha li jżommu l-patti u li jesprimu t-twemmin tagħhom b’ kunfidenza u karità. Neħtieġu nisa li għandhom il-kuraġġ u l-viżjoni ta’ Ommna Eva.”7

Dan il-messaġġ jagħtini ċ-ċertezza li minkejja l-kundizzjonijiet ta’ żmienna, għandna ħafna raġunijiet għalfejn aħna għandna nkunu ferħanin u ottimisti. Nemmen b’ qalbi kollha li aħna bħala aħwa nisa għandna verament fina qawwa u fidi li jgħinuna nikkumbattu l-isfidi tal-ħajja f’ dawn l-aħħar jiem. Sister Sheri Dew kitbet, “Jien nemmen li l-mument li aħna nitgħallmu nħaddmu l-influwenza kollha li aħna għandna bħala nisa kkonvertiti li nżommu l-patti tagħna, is-saltna ta’ Alla tispiċċa biex tinbidel fi żmien verament qasir.”8

Neħtieġu ċertu sforz ikkordinat biex aħna verament inkunu kkonvertiti u nżommu l-patti tagħna. Biex nagħmlu dan, neħtieġu tfajliet u nisa li jistudjaw id-duttrina essenzjali tal-evanġelju u li għandhom testimonjanza mill-aktar soda tal-verità tagħha. Hemm tliet oqsma li jien nemmen li huma s-sisien ta’ testimonjanza b’ saħħitha u li jien nikkunsidrahom li huma essenzjali għall-għarfien tagħna.

L-ewwel, jeħtieġ nagħrfu l-importanza ta’ Alla l-Missier Etern tagħna u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu għall-fidi u s-salvazzjoni tagħna. Ġesù Kristu huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna. Jeħtieġ nistudjaw u nifhmu l-Att tal-Fidwa Tiegħu u kif nistgħu napplikawha ta’ kuljum; l-indiema hija waħda mill-akbar barkiet li kull wieħed u waħda minna għandna biex nibqgħu fit-triq it-tajba. Jeħtieġ li nħarsu lejn Ġesù Kristu bħala l-mudell ewlieni tagħna u l-eżempju ta’ dak li għandna nimmiraw li nsiru nixbhu. Jeħtieġ li kontinwament ngħallmu lill-familji tagħna u l-istudenti tagħna dwar il-pjan kbir tas-salvazzjoni, li jinkludi fih id-duttrina ta’ Kristu.

It-tieni, jeħtieġ li nifhmu l-bżonn li kien hemm għar-restawrazzjoni tad-duttrina, tal-organizzazzjoni u l-imfietaħ tal-awtorità f’ dawn l-aħħar jiem. Jeħtieġ li jkollna xhieda li l-Profta Joseph Smith kien magħżul u maħtur b’ mod divin mill-Mulej biex iġib fis-seħħ din ir-restawrazzjoni u li nagħrfu li huwa organizza n-nisa tal-Knisja wara l-organizzazzjoni li kienet teżisti fi żmien il-qedem fil-Knisja ta’ Kristu.9

U t-tielet, jeħtieġ li nistudjaw u nifhmu l-ordinanzi u l-patti tat-tempju. It-tempju għandu post mill-aktar importanti fl-aktar twemmin sagru tagħna, u l-Mulej jitlobna sabiex nattendu, nixtarru, nistudjaw u nsibu fih b’ mod individwali tifsira u applikazzjoni personali. Naslu biex nibdew nifhmu li permezz tal-ordinanzi tat-tempju, il-qawwa tad-divinità tibda tidher f’ ħajjitna10 u minħabba l-ordinanzi tat-tempju, aħna nistgħu niġu armati bil-qawwa ta’ Alla u ismu jkun fuqna, il-glorja Tiegħu ddawwarna u l-anġli Tiegħu jieħdu ħsiebna.11 M’inix ċerta jekk aħna qegħdinx nieħdu biżżejjed b’ serjetà dawn il-wegħdiet.

Ħuti, anke l-iżgħar waħda li hawn f’ din l-udjenza tista’ twieġeb għal din is-sejħa b’ fidi u tilgħab irwol importanti fil-bini tas-saltna ta’ Alla. It-tfal jibdew ikabbru t-testimonjanza tagħhom billi jaqraw jew jisimgħu l-iskrittura, jitolbu kuljum u jieħdu sehem fis-sagrament b’ mod sinifikanti. Intom it-tfal u t-tfajliet kollha tistgħu taraw li ssir il-lejla d-dar mal-familja u li taraw li tipparteċipaw fiha bi sħiħ. Intom tistgħu tkunu l-ewwel nies li tinżlu għarkupptejkom hekk kif il-familja tagħkom tinġabar flimkien għat-talba tal-familja. Anke jekk djarkom mhumiex l-aktar djar ideali, l-eżempju personali tagħkom kif intom tgħixu l-evanġelju f’ fedeltà jista’ jinfluwenza l-ħajja tal-familja tagħkom u ta’ sħabkom.

It-tfajliet tal-Knisja jeħtieġ li jħarsu lejhom infushom bħala parteċipanti essenzjali fil-ħidma tas-salvazzjoni mmexxija mis-saċerdozju u mhux sempliċiment ikunu spetatturi u nies li jissapportjaw il-ħidma li ssir. Intom għandkom sejħiet u ġejtu distinti minn dawk li jħaddnu l-imfietaħ tas-saċerdozju biex tiffunzjonaw bħala mexxejja b’ ċerta qawwa u awtorità f’ din il-ħidma. Hekk kif intom tkabbru s-sejħiet tagħkom fil-presidenzi tal-klassijiet u titħejjew spiritwalment, tikkunsilljaw flimkien, tilħqu lill-membri tal-klassi tagħkom u lilhom tamministraw, u tgħallmu lil xulxin l-evanġelju, intom tkunu qed tieħdu postkom f’ din il-ħidma u kemm intom kif ukoll sħabkom tiġu mberkin.

In-nisa kollha jeħtieġ li jħarsu lejhom infushom bħala parteċipanti essenzjali fil-ħidma tas-saċerdozju. In-nisa f’ din il-Knisja huma presidenti, kunsilliera, għalliema, membri ta’ kunsilli, aħwa u ommijiet, u s-saltna ta’ Alla ma tistax tiffunzjona sakemm aħna ma nwiġbux għal din is-sejħa u nwettqu d-dmirijiet tagħna b’ fidi. Xi kultant aħna sempliċiment neħtieġu li jkollna viżjoni akbar ta’ dak li hu possibbli.

Immaġni
Sister Maldonado flimkien ma’ Sister Oscarson

M’ilux jiena ltqajt ma’ waħda oħt ġewwa l-Messiku li tifhem sewwa xi tfisser li tkabbar is-sejħa tagħha b’ fidi. Tlett snin ilu Marffissa Maldonado ġiet imsejħa biex tgħallem l-Iskola tal-Ħadd taż-żgħażagħ. Meta ġiet imsejħa hija kellha 7 studenti li kienu jattendu, iżda llum hija għandha 20 li jinsabu jattendu regolarment. Jiena staqsejtha, b’ għaġeb, x’ kienet għamlet biex in-numru ta’ dawk jattendu kien kiber tant. B’ mod modest hija qaltli, “Mela, mhux bis-saħħa tiegħi biss. Il-membri kollha tal-klassi għenu f’ dan.” Flimkien, huma taw ħarsa lejn l-ismijiet ta’ dawk anqas attivi li kien hemm fuq ir-reġistru u bdew joħorġu flimkien u jmorru jistednuhom biex jerġgħu lura l-knisja. Minħabba l-isforzi tagħhom anke kellhom magħmudija.

Immaġni
Klassi tal-Iskola tal-Ħadd fil-Messiku

Sister Maldonado fetħet paġna fuq il-midja soċjali li kienet biss għall-membri tal-klassi tagħha li semmietha “Jien Iben Alla,” u diversi ġranet matul il-ġimgħa hija tippostja għadd ta’ ħsibijiet u skrittura li jispiraw lil min jaqrahom. Hija regolarment tibgħat messaġġi lill-istudenti tagħha bl-essajnments u anke biex tinkuraġġihom. Hija tħoss li huwa importanti li tikkomunika magħhom bl-aktar mod li huma jistgħu jirrelataw miegħu, u dan jidher li qed jaħdem. Hija sempliċiment qaltli, “Jiena nħobb lill-istudenti tiegħi.” Jiena stajt inħoss l-imħabba tagħha lejhom hekk kif bdiet tkellimni dwar l-isforzi tagħhom, u l-eżempju tagħha fakkarni x’ tista’ twettaq f’ din il-ħidma persuna waħda permezz tal-fidi tagħha u ta’ għemilha bl-għajnuna tal-Mulej.

Iż-żgħażagħ tagħna qed jiġu esposti għal mistoqsijiet diffiċli kważi kuljum, u ħafna minna għandna anke maħbubin tagħna li qed isibuha diffiċli jsibu tweġiba għall-mistoqsijiet tagħhom. L-aħbar it-tajba hi li hemm tweġibiet għall-mistoqsijiet li huma qed isaqsu. Isimgħu l-messaġġi riċenti mill-mexxejja tagħna. Aħna qed niġu mitlubin b’ ħerqa sabiex nistudjaw u nifhmu l-pjan ta’ ferħ ta’ Missierna tas-Smewwiet. Aħna ġejna mfakkrin dwar il-prinċipji li hemm fil-proklamazzjoni tal-familja.12 Aħna ġejna mħeġġin biex ngħallmu u nużaw dawn ir-riżorsi bħala l-kejl li permezz tiegħu nistgħu nibqgħu mexjin fit-trejqa stretta u dejqa.

Madwar sena ilu, jiena mort inżur waħda omm bi tfal żgħar li ddeċidiet li tuża metodu daqsxejn proattiv biex tipproteġi lil uliedha kontra l-ħafna influwenzi negattivi li huma kienu qed jiġu esposti għalihom, kemm fuq l-internet kif ukoll fl-iskola. Kull ġimgħa hija tagħżel suġġett, ħafna drabi wieħed li jkun ħoloq diskussjoni taħraq fuq l-internet, u matul il-ġimgħa hija tibda diskussjonijiet mill-aktar sinifikanti fejn uliedha jistgħu jistaqsu l-mistoqsijiet u hija tara li huma qed ikollhom bilanċ u perspettiva ġusta dwar ċerti suġġetti ħafna drabi diffiċli. Hija qed tagħmel minn darha post sigur li fih jitqajmu ċerti mistoqsijiet u fejn isir ukoll ċertu tagħlim tal-evanġelju sinifikanti.

Jiena ninkwieta li qed ngħixu f’ ambjent li fih qed nevitaw li forsi nistgħu noffendu lil xi ħadd bil-konsegwenza li nispiċċaw nevitaw li ngħallmu l-prinċipji korretti. Nevitaw milli ngħallmu lit-tfajliet tagħna li huwa importanti ferm li huma jitħejjew biex ikunu ommijiet għaliex ma rridux noffendu lil dawk li mhumiex miżżewġin, lil dawk li ma jistgħux ikollhom tfal, jew li nidhru li qed nirristrinġu l-għażliet futuri tal-oħrajn. Mill-banda l-oħra, nafu nżommu lura milli nenfasizzaw l-importanza tal-edukazzjoni għaliex ma mmorrux nwasslu messaġġ li hija aktar importanti miż-żwieġ. Nevitaw niddikjaraw li Missierna tas-Smewwiet jiddefinixxi ż-żwieġ bħala rabta bejn raġel u mara għaliex ma rridux noffendu lil dawk li qed jesperjenzaw attrazzjoni lejn nies tal-istess s-sess tagħhom. U jaf li nħossuna xi ftit skomdi niddiskutu ċerti suġġetti dwar il-karatteristiċi sesswali tagħna jew sesswalità xierqa.

Ċertament, ħuti, jeħtieġ li nkunu sensittivi, iżda ejjew nużaw ukoll is-sens komun u l-għarfien tagħna tal-pjan tas-salvazzjoni biex inkunu ċari meta niġu biex ngħallmu lil uliedna u liż-żgħażagħ tagħna l-prinċipji essenzjali tal-evanġelju li jeħtieġ li huma jifhmu biex ikunu jistgħu jinnavigaw id-dinja li jinsabu jgħixu fiha. Jekk aħna ma ngħallmux lil uliedna u liż-żgħażagħ tagħna d-duttrina vera—ngħallmuha b’ ċarezza—id-dinja tispiċċa biex tgħallimhom il-gideb ta’ Satana.

Jiena verament inħobb l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, u jiena eternament grata għad-direzzjoni, il-qawwa u l-għajnuna ta’ kuljum li nirċievi bħala bint tal-patt ta’ Alla. Jiena nixhed li l-Mulej berikna, lilna n-nisa li ninsabu ngħixu f’ dawn iż-żminijiet perikolużi, bil-qawwa kollha u bid-doni kollha li neħtieġu sabiex inħejju d-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej Ġesù Kristu. Nitlob li aħna lkoll nagħrfu l-veru potenzjal tagħna u nwieġbu għas-sejħa li nsiru nisa ta’ fidi u kuraġġ kif iridna nkunu Missierna tas-Smewwiet. F’ isem Ġesù Kristu, amen.