2010-2019
“Ejjew, Imxu Warajja” billi Nipprattikaw l-Imħabba u s-Servizz Kristjan
Ottubru 2016


“Ejjew, Imxu Warajja” billi Tipprattikaw l-Imħabba u s-Servizz Kristjan

Bħala d-dixxipli tal-aħħar jiem tas-Salvatur, aħna nersqu lejh billi nħobbu u naqdu lil ulied Alla.

Elie Wiesel, li ġie mogħti l-premju Nobel, kien jinsab rikoverat fl-isptar wara operazzjoni tal-qalb meta mar iżuru n-neputi tiegħu ta’ ħames snin. Hekk kif it-tifel ċkejken ħares f’ għajnejn nannuh, huwa seta’ jinnota li kien qed ibati. “Nannu,” staqsieh, “li kieku nħobbok aktar milli nħobbok, inti tbati anqas?”1 Illum jien nistaqsi mistoqsija simili: “Li kieku aħna nħobbu aktar lis-Salvatur, aħna nsofru anqas?”

Meta s-Salvatur sejjaħ lid-dixxipli Tiegħu biex jimxu warajh, huma kienu qed jgħixu l-liġi ta’ Mosè, li tinkludi “Għajn għal għajn u sinna b’sinna,”2 iżda s-Salvatur ġie biex iġib fis-seħħ l-Att tal-Fidwa Tiegħu. Huwa għallem duttrina ġdida: “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom.”3

Id-dixxipli ġew mgħallmin biex minflok ma jimxu wara l-għemejjel tal-bniedem naturali huma jimxu wara l-imħabba li għallem is-Salvatur billi post it-tilwim jittieħed mill-maħfra, mit-tjubija u mill-kompassjoni. Il-“kmandament ġdid ... ħobbu lil xulxin”4 ma kienx dejjem faċli biex jobduh. Meta d-dixxipli kienu qed jikkonfondu jekk kellhomx jitħalltu mal-midinbin u ma’ ċerta klassi ta’ nies, bil-paċenzja kollha s-Salvatur għallimhom, “Kull ma għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi.”5 Jew, kif spjega wieħed profeta fil-Ktieb ta’ Mormon, “Meta tkun ta’ servizz għal għajrek inti tkun ta’ servizz għal Alla tiegħek.”6

Bħala d-dixxipli tal-aħħar jiem tas-Salvatur, aħna nersqu lejh billi nħobbu u naqdu lil ulied Alla. Hekk kif nagħmlu dan, jaf li xorta ma jirnexxilniex nevitaw it-tribulazzjoni, it-tbatija, u s-sofferenza fil-ġisem, iżda żgur li spiritwalment insofru anqas. Anke qalb l-isfidi aħna nistgħu nesperjenzaw il-ferħ u l-paċi.

L-imħabba u s-servizz Kristjan tagħna naturalment jibdew ġewwa darna. Intom il-ġenituri ġejtu msejħin biex b’ imħabba tkunu għalliema u missjunarji fost it-tfal u ż-żgħażagħ tagħkom. Huma l-investigaturi tagħkom. Tagħkom hi r-responsabbiltà li tgħinuhom jikkonvertu. Fil-verità, ilkoll kemm aħna qed infittxu li nikkonvertu—li jfisser li nkunu mimlijin bl-imħabba tas-Salvatur.

Hekk kif aħna nimxu wara Ġesù Kristu, l-imħabba Tiegħu timmotivana biex nissapportjaw lil xulxin fil-vjaġġ mortali tagħna. Dan ma nistgħux nagħmluh weħidna.7 Intom diġà smajtuni qabel naqsam magħkom il-proverbju Kwakkru: Inti għolli lili u jiena ngħolli lilek, u hekk nibqgħu telgħin ‘il fuq flimkien lejn l-eternità.8 Bħala dixxipli, aħna nibdew nagħmlu dan meta nitgħammdu, fejn nuru r-rieda tagħna li “nġorru t-tagħbija ta’ xulxin, sabiex tkun ħafifa.”9

“Li ngħallmu lil xulxin id-duttrina tas-saltna”10 huwa mod kif nistgħu nħobbu u naqdu lil xulxin. Aħna l-ġenituri u n-nanniet għandna ħabta ngergru dwar l-istat ta’ miżerja tad-dinja—li l-iskejjel mhux qed jgħallmu l-karattru morali. Iżda hemm ħafna x’ aħna nistgħu nagħmlu. Aħna nistgħu nieħdu vantaġġ mill-mumenti ta’ tagħlim fil-familji tagħna—u dan ifisser bħalissa. Tħalluhomx jaħarbulkom. Meta jkollkom opportunità li taqsmu il-ħsibijiet tagħkom dwar l-evanġelju u l-lezzjonijiet tal-ħajja, ieqfu minn dak li tkunu qed tagħmlu, poġġu bilqiegħda u tkellmu ma’ wliedkom u n-neputijiet tagħkom.

M’għandniex għalfejn noqogħdu ninkwetaw li aħna m’aħniex għalliema tal-evanġelju mħarrġin b’ mod professjonali. L-ebda klassi jew manwal ta’ taħriġ m’huma ta’ għajnuna daqs meta aħna nistudjaw personalment l-iskrittura tagħna, nitolbu, nixtarru u nfittxu l-gwida tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu żgur li jmexxikom f’ dak li tagħmlu. Jiena nwegħidkom: is-sejħa tagħkom bħala ġenituri tinkludi d-don li ngħallmu b’ modi li huma l-aqwa modi għalikom u għal uliedkom. Ftakru, il-qawwa ta’ Alla biex jinfluwenzana fit-tajjeb hija l-imħabba Tiegħu. “Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel.”11

Intom iż-żgħażagħ intom uħud mill-aktar għalliema tal-evanġelju effettivi li għandna. Intom tiġu l-knisja biex titgħallmu ħalli tkunu tistgħu tmorru d-dar biex tgħallmu u taqdu lill-familja tagħkom, lill-ġirien tagħkom u lil sħabkom. Tibżgħux. Afdaw fil-fidi tagħkom u ixhdu dwar dak li tafu li hu veru. Aħsbu ftit kif il-missjunarji full-time jikbru fit-testimonjanza tagħhom għaliex huma jinsabu jgħixu b’ fedeltà ħajja kkonsagrata—billi jużaw il-ħin u t-talenti tagħhom u jaqsmu t-testimonjanza tagħhom biex jaqdu u jbierku lil ħaddieħor. Hekk kif intom taqsmu t-testimonjanza tagħkom tal-evanġelju, il-fidi tagħkom tikber u l-kunfidenza tagħkom tiffjorixxi!

Servizz Kristjan li aħna nagħtu li jħalli l-aktar impatt jingħata meta flimkien nistudjaw l-iskrittura bħala familja, nitolbu bħala familja u meta nżommu l-laqgħat tal-kunsill tal-familja. Għal aktar minn mitt sena, il-mexxejja tal-Knisja talbuna biex kull ġimgħa niddedikaw ħin ‘il bogħod minn kull distrazzjoni. Iżda ħafna minna għadna mhux qed ingawdu minn dawn il-barkiet. Il-lejla d-dar mal-familja mhijiex xi lekċer mill-Mamà u l-Papà. Hija ħin fil-familja tagħna fejn naqsmu ċerti kunċetti u esperjenzi spiritwali sempliċi, fejn ngħinu lil uliedna jitgħallmu ijħobbu lil xulxin u jaqsmu li għandhom mal-oħrajn, fejn aħna nieħdu gost flimkien, naqsmu t-testimonjanza tagħna ma’ xulxin u nikbru u navvanzaw flimkien. Hekk kif kull ġimgħa aħna nżommu l-lejla d-dar mal-familja, l-imħabba tagħna lejn xulxin tikber aktar b’ saħħitha u aħna nsofru ferm anqas.

Ejjew niftakru, l-aktar ħidma importanti li nistgħu nwettqu fil-familji tagħna isseħħ permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Kull darba li aħna ngħollu leħinna minħabba r-rabja, l-Ispirtu ma jibqax jgħammar aktar fir-relazzjonijiet u l-familji tagħna. Meta aħna nitkellmu b’ imħabba, l-Ispirtu jkun jista’ jgħammar fostna. Ejjew niftakru li wliedna u n-neputijiet tagħna jkejlu l-imħabba tagħna skont kemm aħna niddedikaw ħin għalihom. Fuq kollox, titilfux il-paċenzja u taqtgħux qalbkom!

L-iskrittura tgħidilna li meta xi wħud mill-ulied spirti ta’ Missierna tas-Smewwiet għażlu li ma jimxux wara l-pjan Tiegħu, is-smewwiet bkew.12 Hawn ġenituri li ħabbew u għallmu lil uliedhom li jispiċċaw jibku meta t-tfal tagħhom jikbru u jagħżlu li ma jimxux wara l-pjan tal-Mulej. X’ jistgħu jagħmlu l-ġenituri? Aħna ma nistgħux nitolbu li ħaddieħor jiġi miċħud mill-għażla ħielsa tiegħu jew tagħha. Ftakru f’ missier l-iben il-ħali, li bil-paċenzja kollha stenna biex ibnu “jiġi f’ tiegħu,” waqt li hu baqa’ jistennieh. U “kif kien għadu fil-bogħod,” huwa ġera lejh.13 Aħna nistgħu nitolbu biex niġu ggwidati dwar meta għandna nitkellmu, x’ għandna ngħidu, u iva, xi drabi, meta għandna nisktu. Ftakru, uliedna u l-membri tal-familja tagħna diġà għażlu li jimxu wara s-Salvatur fir-renju primortali tagħhom. Xi kultant iridu jkunu biss l-esperjenzi tagħhom fil-ħajja biex huma jerġgħu jħossu ġewwa fihom għal darb’oħra dawk is-sentimenti sagri. Ultimament, iridu jkunu huma stess li jagħzlu li jħobbu u nimxu wara l-Mulej.

Hemm mod ieħor kif id-dixxipli jistgħu juru l-imħabba tagħhom għas-Salvatur. Illum se nfakkar lil dawk kollha li jinsabu jaqdu lill-Mulej billi jieħdu ħsieb ħaddieħor. Kemm iħobbkom il-Mulej! Permezz tas-servizz sieket tagħkom li ftit huma li jinnutawh, intom tinsabu timxu wara Dak li wiegħed, “Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.”14

Jiġi f’ moħħi wieħed ġar tiegħi li martu kienet tbati bil-marda tal-Alzheimer. Kull nhar ta’ Ħadd huwa kien jgħinna tilbes għal-laqgħat tal-Knisja, jagħmillha xagħarha u l-irtokk, u saħansitra jlibbsilha l-imsielet tagħha. Fis-servizz tiegħu, huwa kien ta’ eżempju għal kull raġel u mara fil-qasam tagħna—fil-fatt, għad-dinja kollha. Darba waħda martu qaltlu, “Jiena nixtieq nerġa’ nara r-raġel tiegħi u nkun miegħu għal dejjem.”

Huwa wieġeb, “Jiena r-raġel tiegħek.”

U bil-ħlewwa kollha weġbitu, “Tajjeb ħafna!”

Ma nistax nitkellem dwar li għandna nieħdu ħsieb l-oħrajn mingħajr ma nagħraf lil dik li ilha tieħu ħsiebi b’ mod speċjali ħajti kollha—id-dixxiplu speċjali tas-Salvatur li tinsab taqdi lili—is-sieħba eterna tiegħi, Mary. Hija ddedikat l-enerġija kollha tagħha biex b’ kompassjoni kbira tieħu ħsiebi u tħobbni. Idejha jirriflettu l-għafsa ġentili Tiegħu, li dejjem issostnini . Jiena żgur li ma kontx inkun hawn mingħajrha. U bl-għajnuna tagħha, jiena nista’ nibqa’ nikkumbatti sal-aħħar u nerġa’ nkun magħha fil-ħajja eterna.

Jekk intom verament tinsabu ssofru, kemm jekk qed tagħmlu dan weħdikom kif ukoll ma’ ħaddieħor, nitlobkom bil-ħerqa biex tħallu lis-Salvatur jieħu ħsiebkom Hu. Afdaw fl-imħabba abundanti Tiegħu.15 Aċċettaw l-assigurazzjoni li tagħkom. “Ma nħallikomx iltiema: Nerġa’ niġi għandkom,” Huwa wiegħed.16

Ħuti, jekk għadna ma għamilniex dan, ejjew ninklinaw ruħna aktar lejn il-maħfra, it-tjubija u l-imħabba. Ejjew nirrinunzjaw il-gwerra li ħafna drabi tkun għaddejja f’ qalb il-bniedem naturali u niddikjaraw l-imħabba u l-paċi ta’ Kristu.17

Jekk “intom ksibtu l-għarfien u l-glorja u t-tjubija ta’ Alla”18 kif ukoll “l-att tal-fidwa li ġie mħejji mis-sisien tad-dinja,”19 “intom lanqas tiġikom f’ moħħkom li tweġġgħu lil xulxin, iżda li tgħixu ħajja ta’ paċi. … U lanqas tiġikom f’ moħħkom li taraw lil uliedkom … jiksru l-liġijiet ta’ Alla u jiġġieldu u jitlewmu bejniethom. … Iżda tgħallmuhom … iħobbu lil xulxin, u jaqdu lil xulxin.”20

Ftit qabel ma ġie msallab, is-Salvatur għallem lill-Appostli Tiegħu: “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin”21 u “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.”22

Jiena nixhed li l-unika attitudni vera tas-Salvatur lejna hija dik ta’ dirgħajh miftuħin beraħ għalina kif jidher fl-istatwa ta’ Thorvaldsen Christus. Huwa jkompli jistedinna b’ dirgħajh miftuħin,23 , “Ejjew, imxu warajja.” Aħna nimxu warajh billi nħobbu u naqdu lil xulxin u nżommu l-kmandamenti Tiegħu.

Jiena naqsam ix-xhieda speċjali tiegħi li Huwa jgħix u jħobbna b’ imħabba perfetta. Din hi l-Knisja Tiegħu. Thomas S. Monson huwa l-profeta Tiegħu fid-dinja llum. Li aħna nħobbu aktar lil Missierna tas-Smewwiet u lil Ibnu, u li nsofru anqas, hija t-talba tiegħi. F’ isem Ġesù Kristu, amen.