2010-2019
Tgħallmu minn Alma u Amuleki
Ottubru 2016


Tgħallmu minn Alma u Amuleki

Hija t-tama tiegħi li dawk li tbiegħdu mit-triq li fiha jimxu d-dixxipli jkunu jistgħu jaraw permezz ta’ qalbhom u jitgħallmu minn Alma u Amuleki.

Alma ż-Żgħir

Fost il-karattri l-aktar indimentikabbli li hemm fl-iskrittura nsibu lil Alma ż-Żgħir. Għalkemm huwa kien iben profeta kbir, għal xi żmien huwa qabad triq ħażina u sar “bniedem ħażin li jqim l-idoli.” Għal xi raġunijiet li nistgħu biss nispekolawhom, huwa oppona b’ qawwa lil missieru u fittex li jeqred il-Knisja. U minħabba l-elokwenza tiegħu u l-kapaċità tiegħu li jipperswadi, huwa esperjenza suċċess kbir.1

Iżda l-ħajja ta’ Alma nbidlet meta lilu deherlu anġlu tal-Mulej u kellmu b’ leħen iriegħed. Għal tlett ijiem u tlett iljieli, Alma “ħassu ttorturat b’ kastig etern, … sewwasew bl-uġigħ ta’ ruħ ikkundannata. Imbagħad, b’ xi mod, waqt dan iż-żmien ta’ dalma feġġ dawl f’ moħħu— verità eterna, li kien għallem l-istess missieru: li Ġesù Kristu kellu jiġi “biex ipatti għad-dnubiet tad-dinja.” Alma kien ilu żmien li ċaħad duttrina bħal din, iżda issa “moħħu kien inħakem b’ dan il-ħsieb,” u b’ umiltà, poġġa b’ ħerqa l-fiduċja tiegħu fil-qawwa tal-fidwa ta’ Kristu.2

Meta Alma esperjenza dan kollu, seħħet bidla fih. Minn dak il-mument ‘il quddiem, huwa ddedika ħajtu biex ipatti għall-ħsara li kien ikkawża. Huwa eżempju mill-aqwa tal-indiema, tal-maħfra u kif wieħed jibqa’ jikkumbatti b’ fidi.

Alma eventwalment ġie magħżul biex jilħaq minflok missieru bħala l-mexxej tal-Knisja ta’ Alla.

M’hemmx dubju li kull ċittadin tal-ġens Nefita kien jaf l-istorja ta’ Alma. It-Twitters, l-Instagrams u l-Facebooks ta’ żmienu żgur li kienu mimlijin bir-ritratti u bl-istejjer dwaru. Probabbilment huwa kien jidher regolarment fuq il-faċċata ta’ Zarahemla Din il-Ġimgħa u l-editorjali u l-istazzjonijet kollha kienu jitkellmu fuqu. F’ kelma waħda, probabilment huwa kien l-aktar ċelebrità magħrufa ta’ żmienu.

Iżda meta Alma ra li n-nies tiegħu kienu qed jinsew lil Alla u bdew jitkabbru u jitlewmu bejniethom, huwa għażel li jirriżenja mill-uffiċċju pubbliku li kellu u jiddedika lilu nnifsu “b’ ruħu u ġismu għas-saċerdozju ogħla tal-ordni qaddisa ta’ Alla,”3 u beda jippriedka l-indiema fost in-Nefiti.

Għall-ewwel, Alma esperjenza suċċess kbir—sakemm huwa mar iżur il-belt ta’ Ammonija. In-nies ta’ dik il-belt kienu konxji li Alma ma kienx għadu l-mexxej politiku tagħhom, u b’ hekk ftit li xejn kellhom rispett lejn l-awtorità saċerdotali tiegħu. Huma għajruh, għaddewh biż-żuffjett u keċċewh mill-belt tagħhom.

B’ qalbu maqsuma, Alma telaq mill-belt ta’ Ammonija.4

Iżda anġlu qallu biex jerġa’ lura.

Aħsbu ftit dwar dan: hu ġie mitlub biex jerġa’ lura qalb in-nies li kienu jobogħduh u kienu ostili lejn il-Knisja. Kienet biċċa xogħol mill-aktar perikoluża u li setgħet ukoll swietlu ħajtu. Iżda Alma ma qagħadx jaħsibha. “Huwa mar lura f’ ħakka t’għajn.”5

Alma kien ilu bosta jiem isum meta huwa daħal fil-belt. Hemmhekk huwa talab lil wieħed stranġier jekk huwa setax “joffri xi ħaġa tal-ikel lil qaddej umli ta’ Alla.”6

Amuleki

Dan ir-raġel kienu jismu Amuleki.

Amuleki kien bniedem magħruf u mill-aktar għani mill-belt ta’ Ammonija. Għalkemm huwa kien ġej minn familja bit-tradizjoni kbira ta’ nies mill-aktar fidili, il-fidi tiegħu kienet birdet sew. Aktar tard huwa stqarr, “Ġejt imsejjaħ bosta drabi u ma tajtx kas; għalhekk kont naf dwar dawn il-ħwejjeġ, madankollu ma emmintx; għalhekk spiċċajt irribellajt kontra Alla.”7

Iżda Alla kien jinsab iħejji lil Amuleki, u meta Amuleki ltaqa’ ma’ Alma, huwa laqa’ lill-qaddej tal-Mulej f’ daru, fejn hemm Alma dam għal bosta jiem.8 Tul dak iż-żmien, Amuleki fetaħ qalbu għall-messaġġ ta’ Alma, u seħħet fih bidla meraviljuża. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem, Amuleki mhux biss emmen, iżda huwa sar difensur kbir tal-verità.

Meta Alma reġa’ mar biex jgħallem fost il-poplu ta’ Ammonija, huwa kellu miegħu bħala t-tieni xhud—lil Amuleki, wieħed minnhom stess.

Il-ġrajjiet li ġraw wara jikkonstitwixxu f’ waħda mill-aktar stejjer ħelwin iżda fl-istess ħin ta’ niket fost il-kitbiet kollha li nsibu fl-iskrittura. Tistgħu taqraw dwarha f’ Alma kapitli 8–16.

Illum, nixtieq nitlobkom tikkunsidraw żewġ mistoqsijiet:

L-Ewwel: “X’ nista’ nitgħallem minn Alma?”

It-Tieni: “Jien b’liema mod nixbah lil Amuleki?”

X’ Nista’ Nitgħallem minn Alma?

Ippermettuli nibda billi nistaqsi lill-mexxejja passati, kurrenti jew futuri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu, “X’ tistgħu titgħallmu minn Alma?”

Alma kien bniedem mill-aktar intelliġenti u kapaċi. Probabbilment nafu naħsbu li hu ma kellu bżonn l-għajnuna ta’ ħadd. Madankollu x’ għamel Alma meta reġa’ lura ġewwa Ammonija?

Alma sab lil Amuleki u talbu biex jgħinu.

U Alma rċieva l-għajnuna li ġie mogħti.

Tkun xi tkun ir-raġuni, xi kultant aħna bħala mexxejja nsibuha xi ftit bi tqila biex infittxu u nitolbu l-għajnuna tal-Amulekin li jkollna fostna. Jista’ jkun li naħsbu li weħidna nistgħu naħdmu aħjar, jew niddejqu xi ftit biex niskomodaw lill-oħrajn, jew nassumu li ħaddieħor ma jkunx irid jipparteċipa. Ħafna drabi nsibuha bi tqila biex nistiednu lin-nies biex jużaw it-talenti li tahom Alla u jingaġġaw ruħhom fil-ħidma kbira tas-salvazzjoni.

Aħsbu ftit fis-Salvatur—il-Knisja Tiegħu Hu beda jipprova jwaqqafha waħdu?

Le.

Il-messaġġ Tiegħu ma kienx “Ibqgħu hemm. Ħallu f’idejja.” Pjuttost il-messaġġ kien “Ejjew, imxu warajja.”9 Huwa spira, stieden, għallem u mbagħad afda fid-dixxipli Tiegħu meta qalilhom “wettqu l-għemejjel li rajtuni nwettaq.”10 B’ dan il-mod, Ġesù Kristu mhux biss bena l-Knisja Tiegħu iżda wkoll lill-qaddejja Tiegħu.

Hi liema hi l-pożizzjoni li bħalissa qed isservu fiha—kemm jekk intom president tal-kworum tad-djakni, president tal-wited jew President Reġjonali—biex tirnexxu, jeħtieġ issibu lil Amulekin tagħkom.

Dawn jafu jkunu xi ħadd mill-aktar modest jew saħansitra xi membru mill-kongregazzjoni tagħkom li ftit li xejn tafu dwaru. Jaf ikun xi ħadd li jkun jidher li m’għandux ħajra jew mhux kapaċi jservi. L-Amulekin tagħkom jafu jkunu żgħażagħ jew anzjani, irġiel jew nisa, nies bla esperjenza, mingħajr wisq ħeġġa jew forsi lanqas biss huma attivi fil-Knisja. Iżda dak li forsi għall-ewwel ma tirrealizzawx hu li huma jinsabu jittamaw li jisimgħu minn fommkom il-kliem “Il-Mulej għandu bżonnok. Jien għandi bżonnok!”

Fil-fond ta’ qalbhom, huma ħafna li jixtiequ jservu lil Alla tagħhom. Huma jixtiequ jkunu strument f’ idejh. Huma jixtiequ jafdaw fil-minġel tagħhom u jagħmlu li jistgħu biex iħejju d-dinja għar-ritorn tas-Salvatur tagħna. Huma jixtiequ jibnu l-Knisja Tiegħu. Iżda qed isibuha bi tqila biex jibdew. Ħafna drabi jibqgħu jistennew biex xi ħadd jistaqsihom.

Nistedinkom biex taħsbu f’ dawk li hemm fil-fergħat u l-oqsma tagħkom, fil-missjonijiet u l-utied tagħkom, li jixtiequ li xi ħadd isejħilhom biex lilu huma jgħinuh fil-ħidma. Il-Mulej ilu jaħdem magħhom—iħejjihom u jrattbilhom qalbhom. Sibuhom billi tfittxuhom b’ qalbkom.

Ilħquhom. Għallmuhom. Ispirawhom. Staqsuhom.

Aqsmu magħhom il-kliem li l-anġlu qasam ma’ Amuleki—li l-barka tal-Mulej se tinżel fuqhom u fuq djarhom.11 Tafu tissorprendu ruħkom li ssibu quddiemkom qaddej qalbieni tal-Mulej li kieku ma kienx għas-sejħa tagħkom kien jibqa’ moħbi.

Jien b’liema mod nixbah lil Amuleki?

Filwaqt li għal xi wħud minna jeħtieġ li nibdew infittxu lil xi Amuleki, għal oħrajn il-mistoqsija taf tkun “Jien b’liema mod nixbah lil Amuleki?”

Jista’ jkun li intom, tul is-snin, ma bqajtux dixxipli daqstant dedikati. Jista’ jkun li n-nar tat-testimonjanza tagħkom beda jtaffi xi ftit. Jista’ jkun li intom bdejtu titbiegħdu mill-ġisem ta’ Kristu. Jista’ jkun li intom bdejtu tħossukom xi ftit disillużi jew saħansitra tħossu fikom ċertu għadab. Bħal xi wħud fil-Knisja tal-qedem ta’ Efesu, jista’ jkun li intom warrabtu “l-ewwel imħabba tagħkom”12—il-veritajiet sublimi u eterni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Jista’ jkun, li bħal Amuleki, tafu ġewwa qalbkom li l-Mulej “sejħilkom bosta drabi” iżda intom “ma smajtuhx.”

Madankollu, il-Mulej jara fikom dak li ra f’ Amuleki—il-potenzjal ta’ qaddejja qalbenin li għandhom quddiemhom ħidma importanti xi jwettqu u testimonjanza x’ jaqsmu ma’ ħaddieħor. Hemm servizz li ħadd aktar ma jista’ jagħti bl-istess mod li tistgħu intom. Il-Mulej fdakom bis-saċerdozju mqaddes Tiegħu, li jħaddan fih il-potenzjal divin li jbierek u jeleva lill-oħrajn. Isimgħu b’ qalbkom u imxu wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu.

Il-Vjaġġ ta’ Membru

Ħassejtni verament imqanqal bil-vjaġġ ta’ wieħed ħuna li staqsa lilu nnifsu, “Meta jsejjaħli l-Mulej, jiena nisimgħu?” Lil dan ħuna twajjeb jiena se nsejjaħlu David.

David ikkonverta għal Knisja madwar 30 sena ilu. Huwa serva missjoni u mbagħad attenda l-iskola tal-liġi. Waqt li huwa kien qed jistudja u jaħdem biex jissapportja lill-familja tiegħu fl-ewwel snin taż-żwieġ tiegħu, huwa ġie f’ kuntatt ma’ ċerta informazzjoni dwar il-Knisja li ħawditu. Aktar ma beda jaqra dan il-materjal negattiv, aktar beda jitħawwad. Eventwalment huwa talab biex ismu jitneħħa minn fuq ir-reġistri tal-Knisja.

Minn dak iż-żmien ‘il quddiem, bħal Alma fiż-żminijiet ta’ ribelljoni tiegħu, David qatta’ bosta ħin jiddibatti mal-membri tal-Knisja, jidħol f’ konverżazzjonijiet online, bl-iskop li jisfida t-twemmin tagħhom.

Kien verament bniedem kapaċi jagħmel dan.

Wieħed mill-membri li kien jiddibatti miegħu se nsejjaħlu Jacob. Jacob dejjem wera ċerta tjubija u rispett lejn David, iżda huwa kien ukoll sod meta jiġi biex jiddefendi l-Knisja.

Tul is-snin, David u Jacob żviluppaw ċerta ħbiberija u rispett reċiproku lejn xulxin. Dak li David ma kienx jaf kien li Jacob kien qed jitlob għal David u baqa’ jagħmel dan b’ fedeltà għal aktar minn għaxar snin. Huwa saħansitra poġġa isem sieħbu fuq ir-reġistru tat-talb fit-tempji tal-Mulej u ttama li qalb David tirtab.

Maż-żmien, David ma nbidilx. Huwa beda jiftakar b’ ċerta nostalġija, l-esperjenzi spiritwali li darba kellu, u ftakar fil-ferħ li huwa ħass meta kien membru tal-Knisja.

Bħal Alma, David ma kienx nesa għal kollox il-veritajiet tal-evanġelju li darba huwa kien iħaddan. U bħal Amuleki, David ħass id il-Mulej qed tipprova tilħqu. Issa David kien sieħeb f’ kumpanija legali—impjieg mill-aktar prestiġjuż. Huwa kien żviluppa reputazzjoni bħala kritiku tal-Knisja, u kien kburi wisq biex jerġa’ jitlob li jsir membru.

Madankollu, huwa kompla jħoss l-infuwenza tar-Ragħaj.

Huwa ħalla din l-iskrittura tippenetra qalbu “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu.”13 Huwa talab, “Għażiż Alla, nixtieq nerġa’ nsir Qaddis tal-Aħħar Jiem, iżda għad għandi ċerti mistoqsijiet li għadhom ma ġewx imweġbin.”

Aktar minn qatt qabel, huwa beda jiftaħ qalbu għall-vuċi siekta tal-Ispirtu u għat-tweġibiet ispirati ta’ sħabu. Wieħed wara l-ieħor, id-dubji tiegħu trasformaw ruħhom f’ fidi, sakemm finalment huwa rrealizza li, għal darb’oħra, huwa seta’ jħoss ġewwa fih it-testimonjanza li kellu ta’ Ġesù Kristu u l-Knisja rrestawrata Tiegħu.

F’ dak il-waqt, huwa kien jaf li hu kien kapaċi jegħleb il-kburija tiegħu u jagħmel dak kollu meħtieġ biex jerġa’ jiġi aċċettat mill-ġdid fil-Knisja.

Eventwalment, David reġa’ daħal fl-ilmijiet tal-magħmudija u mbagħad beda jgħodd il-ġranet sakemm il-barkiet tiegħu setgħu jerġgħu jiġu rrestawrati lilu.

B’ ferħ kbir nirraporta li s-sajf li għadda, il-barkiet ta’ David reġgħu ġew irrestawrati lilu. Huwa reġa’ jinsab jipparteċipa b’ mod attiv fil-Knisja u qed iservi bħala għalliem tad-Duttrina tal-Evanġelju fil-qasam tiegħu. Huwa juża kull opportunità li jkollu biex jitkellem ma’ oħrajn dwar it-trasformazzjoni tiegħu, biex ifejjaq il-ħsara li huwa kkawża, u biex jaqsam it-testimonjanza tiegħu tal-evanġelju u tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu.

Konklużjoni

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, ejjew infittxu u nsibu lil Amulekin kollha li jinsabu fl-oqsma u l-utied tagħna u nispiraw ruħna minnhom u nafdaw fihom. Fil-Knisja illum hawn bosta Amulekin.

Jista’ jkun li intom anke tafu lil xi wieħed minnhom. Jista’ jkun li intom stess wieħed minnhom.

Forsi l-Mulej ilu jkellimkom bil-leħen sieket Tiegħu, jitlobkom bil-ħerqa sabiex terġgħu lura għall-ewwel imħabba tagħkom, tikkontribwixxu t-talenti tagħkom, teżerċitaw b’ mod den is-saċerdozju u sservu spalla ma’ spalla ma’ Qaddisin bħalkom biex tersqu aktar viċin ta’ Ġesù Kristu u flimkien tibnu s-saltna ta’ Alla hawn fid-dinja.

Is-Salvatur għażiż tagħna jaf min intom. Huwa jaf x’ hemm f’ qalbkom. Huwa jixtieq isalvakom. Huwa se jipprova jersaq viċin tagħkom. Iftħu qalbkom għalih. Hija t-tama tiegħi li dawk li tbiegħdu mit-triq li fiha jimxu d-dixxipli—anke bi ftit—għad jikkontemplaw it-tjubija u l-grazzja ta’ Alla, jaraw permezz ta’ qalbhom, jitgħallmu minn Alma u Amuleki, u jisimgħu kliem is-Salvatur, kliem li kapaċi jibdlilhom ħajjithom: “Ejjew, imxu warajja.”

Nitlobkom bil-ħerqa biex tagħtu kas tas-sejħa Tiegħu, għax m’hemmx dubju li jekk tagħmlu dan intom tirċievu ħsad is-smewwiet. Il-barkiet tal-Mulej jinżlu fuqkom u fuq darkom.14

Ta’ dan jiena nagħti xhieda u nagħtikom il-barka tiegħi bħala Appostlu tal-Mulej, f’ isem Ġesù Kristu, amen.