2010-2019
Għand Min Immorru?
Ottubru 2016


Għand Min Immorru?

Finalment, kollha kemm aħna rridu nwieġbu għall-mistoqsija tas-Salvatur: “Tridux titilqu intom ukoll?”

Bosta snin ilu jiena u l-familja tiegħi morna nżuru l-Art Imqaddsa. Waħda mill-aktar memorji li baqgħu stampati f’ moħħi mill-vjaġġ tagħna kienet żjara li għamilna fil-kamra ta’ fuq ġewwa Ġerusalemm, is-sit tradizzjonali tal-Aħħar Ikla.

Hekk kif konna ninsabu weqfin f’ dak il-post, jiena qrajtilhom minn Ġwanni 17, fejn Ġesù jitlob bil-ħerqa lill-Missieru għad-dixxipli Tiegħu:

Jiena għalihom nitlob … biex ikunu ħaġa waħda, bħalna. …

“Miniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom;

“Li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina.”1

Jien verament ħassejtni kommoss meta kont qed naqra dan il-kliem u spiċċajt nitlob f’ dak il-post sagru li jiena nista’ wkoll inkun ħaġa waħda mal-familja tiegħi u ma’ Missieri tas-Smewwiet u ma’ Ibnu.

Ir-relazzjonijiet prezzjużi tagħna mal-familja u l-ħbieb tagħna, mal-Mulej u mal-Knisja rrestawrata Tiegħu huma fost l-aktar ħwejjeġ importanti f’ ħajjitna. Peress li dawn ir-relazzjonijiet huma daqstant importanti, għandna verament ngħożżuhom, nipproteġuhom u nsostnuhom.

Waħda mill-aktar stejjer ta’ swied il-qalb li nsibu fl-iskrittura seħħet meta “ħafna mid-dixxipli tal-Mulej” sabuha diffiċli jaċċettaw it-tagħlim u d-duttrina Tiegħu, u huma telquh u ma baqgħux imorru warajh.2

Hekk kif id-dixxipli telquh, Ġesù dar lejn it-Tnax u staqsiehom, “Tridux titilqu intom ukoll?”3

Pietru wieġeb:

“Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

“U aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla.”4

F’ dak il-mument, meta oħrajn bdew jiffokaw fuq dak li ma setgħux jaċċettaw, l-Appostli għażlu li jiffokaw fuq dak li huma kienu jemmnu u jafu, u b’ riżultat ta’ dan, huma baqgħu ma’ Kristu.

Aktar tard, f’ jum l-Għid il-Ħamsin, it-Tnax irċevew id-don tal-Ispirtu s-Santu. Huma ssaħħew fix-xhieda tagħhom ta’ Kristu u bdew jifhmu b’ aktar ċarezza t-tagħlim ta’ Ġesù.

Illum l-istess ħaġa. Għal xi wħud, l-istedina ta’ Kristu biex aħna nemmnu u nibqgħu nimxu warajh għadha waħda diffiċli—jew inkella diffiċli biex wieħed jaċċettaha. Xi dixxipli jsibuha diffiċli jifhmu xi polisi speċifika jew xi tagħlim speċifiku tal-Knisja. Oħrajn joqogħdu jħabblu moħħhom dwar l-istorja tagħna jew dwar l-imperfezzjoni ta’ xi membri jew mexxejja, kemm tal-passat kif ukoll ta’ żmienna. Xi oħrajn isibuha diffiċli jgħixu reliġjon li titlob daqstant mingħandhom. Finalment, xi wħud “għejjew jagħmlu l-ġid.”5 Minħabba din ir-raġuni u xi raġunijiet oħra, xi membri tal-Knisja jkunu inċerti mill-fidi tagħhom, u jibdew jaħsbu jekk ikunx aħjar jekk huma jimxu wara dawk li “telquh u ma baqgħux imorru” wara Ġesù.

Jekk xi ħadd fostkom huwa inċert mill-fidi tiegħu, jiena nistaqsikom l-istess mistoqsija li staqsa Pietru: “Għand min se tmorru?” Jekk tagħżlu li ma tibqgħux attivi jew titilqu mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, fejn se tmorru? X’ se tagħmlu? Id-deċiżjoni li “ma tibqgħux tmorru” mal-membri tal-Knisja u mal-mexxejja magħżula tal-Mulej se jkollha impatt fit-tul li mhux dejjem tkunu tistgħu tarawh bħalissa. Jaf hemm xi duttrina, xi polisi, xi parti mill-istorja li ma taqbilx mal-fidi tagħkom, u tafu tħossukom li l-uniku mod kif tistgħu tirrisolvu bħalissa dak it-taqlib li għandkom ġewwa fikom hu billi “ma tibqgħux tmorru” mal-Qaddisin. Jekk jirnexxilkom tgħixu daqs kemm għext jien, intom issiru tafu li ċertu ħwejjeġ ħafna drabi jispiċċaw jirrisolvu ruħhom weħidhom. Xi tagħlim ispirat jew xi rivelazzjoni spirata jafu jitfgħu dawl ġdid fuq xi ħaġa li xtaqtu ssiru tafu aktar dwarha. Ftakru, ir-Restawrazzjoni mhijiex xi avveniment, iżda ħaġa li għadha qed tiżviluppa.

Qatt tabbandunaw il-veritajiet importanti li ġew żvelati permezz tal-Profeta Joseph Smith. Qatt tieqfu taqraw, tixtarru u tapplikaw id-duttrina ta’ Kristu kif tinsab fil-Ktieb ta’ Mormon.

Qatt tieqfu tiddedikaw ħin għall-Mulej biex permezz tat-talb onest tagħkom intom tkunu tistgħu tifhmu dak li żvela l-Mulej. Kif kien qal il-ħabib u dak li darba kien kollega tiegħi, il-Presbiteru Neal A. Maxwell, “M’għandniex nassumu …li għaliex xi ħaġa ma nistgħux nispjegawha jfisser li ma tistax tiġi spjegata.”6

Għalhekk qabel ma tagħmlu dik l-għażla mill-aktar perikoluża spiritwalment li titilqu, jiena nħeġġiġkom biex tieqfu u taħsbu bir-reqqa qabel ma twarrbu dik il-ħaġa li wara kollox wasslitkom għat-testimonjanza tagħkom tal-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu. Ieqfu u aħsbu dwar dak li intom ħassejtu u għalfejn ħassejtu dan. Aħsbu dwar iż-żminijiet meta l-Ispirtu s-Santu wera x-xhieda Tiegħu magħkom dwar ċerta verità eterna.

Fejn tistgħu tmorru u ssibu nies oħra li jħaddnu l-istess twemmin tagħkom dwar Ġenituri tas-Smewwiet personali li verament iħobbuna, li jgħallmuna kif għandna nerġgħu lura fil-preżenza eterna Tagħhom?

Fejn tistgħu tmorru biex titgħallmu dwar Salvatur li huwa l-aqwa ħabib tagħkom, li mhux biss sofra għal dnubietkom iżda sofra wkoll “kull tip ta’ uġigħ, tbatija u tentazzjoni” sabiex “huwa jimtela bil-ħniena, skont il-ġisem, ħalli jkun jaf skont il-ġisem kif jista’ jgħin lin-nies tiegħu skont is-sofferenza tagħhom,”7 u dan jinkludi wkoll, nemmen jien, is-sofferenza li nsofru minħabba nuqqas ta’ fidi tagħna?

Fejn tistgħu tmorru biex titgħallmu aktar dwar il-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet għal ferħ u s-sliem etern tagħna, pjan li hu mimli b’ tant possibiltajiet meraviljużi, kif ukoll bit-tagħlim u bil-gwida għall-ħajja mortali u l-ħajja eterna tagħna? Ftakru, il-pjan tas-salvazzjoni jagħti tifsira, skop u direzzjoni lill-ħajja mortali tagħna.

Fejn tistgħu tmorru biex issibu Knisja bi struttura organizzattiva daqstant iddettaljata u spirata li permezz tagħha intom tiġi mgħallmin u mgħejuna minn irġiel u nisa li huma verament dedikati biex jaqdu lill-Mulej billi jaqdu lilkom u lill-familja tagħkom?

Fejn tistgħu tmorru biex issibu profeti u appostli ħajjin, li ġew imsejħin minn Alla biex ikunu għalikom riżorsa oħra ta’ kunsill, għarfien, faraġ u ispirazzjoni għall-isfidi ta’ żmienna?

Fejn tistgħu tmorru biex issibu nies li jgħixu skont sett ta’ valuri u standards imfasslin minn qabel, li intom ukoll temmnu fihom u tridu li tgħadduhom lil uliedkom u lil ulied uliedkom?

Fejn tistgħu tmorru biex tesperjenzaw il-ferħ li huwa riżultat tal-ordinanzi ta’ salvazzjoni u l-patti li nagħmlu fit-tempju?

Ħuti, taf tkun sfida għalikom li intom taċċettaw u tgħixu l-evanġelju ta’ Kristu. Minn dejjem hekk kien, u dejjem hekk se jkun. Il-ħajja tixbah lil wieħed li jinsab tiela’ telgħa mill-aktar wieqfa u diffiċli. Hija ħaġa naturali u normali li xi kultant fit-triq ikollna nieqfu ftit biex nieħdu n-nifs, biex nerġgħu nevalwaw id-direzzjoni tagħna u nikkunsidraw il-passi tagħna. Fit-triq mhux kulħadd jeħtieġ li jieqaf, iżda m’hemm xejn ħażin li nagħmlu dan meta jkun meħtieġ. Fil-fatt, din taf tkunu ħaġa pożittiva għal dawk li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunità li jiffriskaw lilhom infushom permezz tal-ilma ħaj tal-evanġelju ta’ Kristu.

Il-periklu jkun meta xi ħadd jagħżel li joħroġ mit-triq li twassal għas-siġra tal-ħajja.8 Xi kultant aħna nistgħu nitgħallmu, nistudjaw u nsiru nafu, u xi kultant jeħtieġ li nemmnu, nafdaw u nittamaw.

Finalment, kollha kemm aħna rridu nwieġbu għall-mistoqsija tas-Salvatur: “Tridux titilqu intom ukoll?”9 Aħna lkoll jeħtieġ li nfittxu biex inwieġbu għalina nfusna dik il-mistoqsija. Għal xi wħud, it-tweġiba hija waħda faċli; għal oħrajn, hija diffiċli. Jien ma nippretendix li nkun naf għaliex il-fidi li nemmnu taf tkun aktar faċli għal xi wħud aktar minn oħrajn. Jiena sempliċiment grat li naf li t-tweġibiet jinsabu dejjem hemm, u jekk aħna nfittxuhom—infittxuhom verament b’ intenzjoni ġenwina u għan veru f’ qalbna—aħna eventwalment jirnexxielna nsibu tweġiba għall-mistoqsijiet tagħna hekk kif nibqgħu mexjin fit-triq tal-evanġelju. Fil-ministeru tiegħi, jien sirt naf b’ min qabad triq oħra iżda reġa’ ġie lura wara li l-fidi tiegħu għaddiet minn xi prova.

It-tama sinċiera tiegħi hi li aħna nistiednu numru dejjem akbar ta’ wlied Alla biex isibu t-triq tal-evanġelju u jibqgħu fiha sabiex huma wkoll ikunu jistgħu “jieklu mill-frotta, li hi l-aktar waħda mixtieqa fost il-frott kollu.”10

It-talba mqanqla tiegħi hi li aħna ninkuraġġixxu, naċċettaw, nifhmu u nħobbu lil dawk li jinsabu jitqabdu mal-fidi tagħhom. M’għandna qatt inwarrbu lil ħutna. Aħna lkoll ninsabu f’ post differenti fit-triq tagħna, u b’ hekk jeħtieġ li ngħinu lil xulxin waqt dan il-vjaġġ.

Bl-istess mod kif għandna niftħu dirgħajna biex nilqgħu fostna membri ġodda, għandna nħaddnu magħna wkoll u nissapportjaw lil dawk li għandhom ċerti mistoqsijiet u jinsabu inċerti mill-fidi tagħhom.

Biex nuża metafora oħra, jien nitlob li kull min qed jaħseb biex iħalli l-“Vapur l-Antik ta’ Sijon,” li jinsab immexxi minn Alla u Kristu, għandu jieqaf u jaħseb bir-reqqa qabel jagħmel dan.

Jekk jogħġobkom kunu afu minkejja li l-vapur l-antik jgħaddi minn maltempati kbar, b’ irwiefen mill-aktar qawwija u mewġ mill-aktar b’ saħħtu, is-Salvatur jinsab fit-tmun u hu kapaċi jordna lill-maltemp bil-kmand Tiegħu, “Iskot, biżżejjed.” Sadanittant, m’għadniex nibżgħu, u għandu jkollna fidi soda u nagħrfu li saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu.”11

Ħuti, jiena nwegħidkom f’ isem il-Mulej li Huwa qatt mhu se jabbanduna l-Knisja Tiegħu u Hu qatt mhu se jabbanduna lil ħadd minna. Ftakru fit-tweġiba ta’ Pietru għall-mistoqsija u l-kliem tas-Salvatur:

“Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

“U aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla.”12

Jiena nixhed li “ma hawn l-ebda isem ieħor jew l-ebda mod ieħor mis-sema ‘l isfel li permezz tiegħu ulied il-bnedmin jistgħu jiksbu s-salvazzjoni, ħlief permezz ta’ isem Kristu.”13

Jiena nixhed ukoll li Ġesù Kristu sejjaħ appostli u profeti fi żmienna, u rrestawra l-Knisja Tiegħu permezz ta’ tagħlim u kmandamenti bħala “kenn mill-maltempati u l-għadab” li żgur nesperjenzaw jekk aħna bħala nies tad-dinja ma nindmux u nerġgħu lura għandu.14

Jiena nixhed ukoll li l-Mulej “jistieden lil kulħadd biex imur għandu u jgawdi mit-tjubija tiegħu; u huwa ma jirrifjuta lil l-ebda bniedem li jmur għandu, iswed u abjad, skjav u ħieles, raġel u mara; … u kulħadd l-istess għal Alla.”15

Ġesù huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna, u l-evanġelju rrestawrat Tiegħu jmexxina lura mingħajr periklu sal-preżenza tal-Ġenituri tagħna tas-Smewwiet jekk aħna nibqgħu fit-triq tal-evanġelju u nimxu fuq il-passi Tiegħu. U ta’ dan jiena nixhed f’ isem Ġesù Kristu, amen.